'Skjavitu jew Mafja'…..taħdem għat-
traffikanti biex tifdi lilek innifsek
- Yimer Dagmawi, Etjopjan
Għal Pulizija Libjani, immigrant Afrikan fil-ħabs jiswa 30 Dinar Libjan. Regolarment f'ħabsijiet fil-Libja, l-immigranti jitpoġġew f'ringiela u jinbiegħu lit-traffikanti. It-traffikant iħallas 30 Dinar Libjan għal kull wieħed li jfisser kważi $25. Minn hemm 'l quddiem, l-immigrant Afrikan isir proprjetà tal-istess traffikant. Biex jakkwista lura l-libertà tiegħu l-immigrant irid iħallas lura permezz tax-xogħol għal dan it-traffikant. Il-prezz li jħallas lura iżda hu ferm aktar għali, apparti l-flus li bihom xtara lill-immigrant, l-istess immigrant irid iħallas għal ikel li jingħata, għal post fejn ikun jgħix flimkien ma' ħafna immigranti oħra, u għat-telefonati. Kif l-immigrant ikollu l-flus biex jixtri l-libertà tiegħu, it-traffikanti fin-nofsinhar tal-Libja jgħadduh lil traffikanti oħra biex imbagħad jorganizzaw il-vjaġġ minn nofsinahr tal-Libja lejn Tripli. Din hi l-esperjenza li għadda minnha Yimer Dagmawi, Etjopjan, li lura fis-sena 2005 kien student tal-liġi fl-Etjopja. Għal Dagmawi, li fl-aħħar jiem tkellem ma' it-TORĊA dwar l-esperjenza li għadda minnha u li spiċċa kellu jifdi lilu nnifsu, jgħid li "jekk din ma ssejħilhiex skjavitu, tista' tgħid li hi mafja. Jekk ma jkollokx flus biex tifdi lilek innifsek trid taħdem għalih (għat-traffikant) sakemm takkwista il-libertà. Inkella l-uniku alternattiva hi li taħrab".
Lil Dagmawi nistaqsieh fuq il-vjaġġ iebes fid-deżert tas-Sahara u jgħid li "waqt l-ivvjaġġar fid-deżert ma jkun hemm ebda tined fil-ħinijiet li ma nkunux qed nivvjaġġaw. Fil-vjaġġ li għamilt jien konna norqdu fuq ir-ramel. It-tip ta' vetturi li jintużaw fid-deżert biex isiru l-vjaġġi tal-immigranti, huma 'pick ups' kbar. Meta tgħaddi l-parti l-kbira tad-deżert u tibda dieħel fl-ibliet, l-immigranti jibdew jitpoġġew f'diversi tipi ta' karozzi. Jintużaw 'pick ups' mgħottijin minn dawk li fihom jinġarru l-prodotti, karozzi żgħar u anke taxis. F'Kufra, li tinsab fin-nofsinhar tal-Libja hemm bħal speċi ta' irziezet li jintużaw biex fihom jitpoġġew l-immigranti waqt li jkunu jistennew biex jagħmlu l-vjaġġ lejn Tripli jew lejn Benghażi".
Fatt li jħawwad lil ħafna hi kif dawn l-immigranti li jkunu f'postijiet remoti, jirnexxielhom jisselfu flus minn qrabathom u jkomplu bil-vjaġġ. Mistoqsija li ssir hi 'kif dawn il-flus jaslu għand it-traffikanti?".
Dagmawi jgħid li "t-trasferiment ta' flus jiddependi fejn tkun qiegħed. Jekk tkun qiegħed fl-ibliet Libjani jew f'xi pajjiż iehor Afrikan, inti tmur għand negozji li jitrasferixxu l-flus bħal Western Transfer. Biss jekk tkun f'Kufra jew fid-deżert, inti mhux se tara l-flus. Li jiġri hemm hu li jsir kuntatt mal-familja tiegħek jew ma xi ħadd li jkun qed jibagħtlek il-flus. Isir il-ftehim u l-flus jintbagħtu f'kontijiet bankarji ta' qraba jew kollaboraturi tat-traffikanti li jkunu fis-Sudan jew x'imkien iehor".
'Student tal-liġi li ried jgħix l-Etjopja..
….protesti u spiċċa f'periklu
Fl-istorja ta' Dagmawi tmur lura għal xejn inqas minn 10 snin, meta fis-sena 2005 kien student tal-liġi fil-kapitali Etjopjana, Addis Ababa. Hu kien ippjana li ħajtu jgħaddiha fl-Etjopja, bil-ħsieb li jagħmel differenza f'pajjiżu. Imma protesti politiċi u l-arrest u l-allegat qtil ta' għadd kbir ta' protestanti, wassal biex ħajtu kienet f'periklu. Ħabib tiegħu, Yonas kien ħalla l-pajjiż. Dagmawi, flimkien ma' Daniel - li jiġi hu Yonas iddeċidew li jaħarbu mill-pajjiż. Ippakkja, ħa l-kotba favoriti tiegħu u pprepara ruħu għal vjaġġ twil".
Vjaġġ li jekk taqtgħu f'linja dritta ssib li bejn Addis Ababa u Tripoli hemm madwar 3,050 kilometru. Il-vjaġġ kellu jmur lejn il-kapitali tas-Sudan Khartoum, lejn id-deżert tas-Sahara u finalment Tripli. Vjaġġ li f'ċirkostanzi normali ukoll hu diffiċli għax se tgħaddi minn tlett pajjiżi b'ħames lingwi differenti. Trid tgħaddi minn ħafna 'checkpoints' u żoni diffiċli. Vjaġġ li impossibbli li tagħmlu jekk ma tkunx mgħejjun minn gwidi. F'kull waqfa trid tħallas lill-gwidi.
Dagmawi beda l-vjaġġ billi qabad karozza tal-linja lejn il-fruntiera mas-Sudan. Għall-ewwel deher kollox faċli. Fil-fruntiera, kien hemm traffikanti f'land rovers u dawn offrewlhom li jeħduhom f'Gedarif - fin-nofsinhar ta' Khartoum. Ovvjament għal dan il-vjaġġ trid tħallas. Minn hemm hu u sieħbu telqu lejn Khartoum u wara lejn Umdurman.
F'kull waqfa, jinbidlu l-gwidi, isiru l-ħlasijiet u jitfaċċaw immigranti ġodda li jkunu fi triqithom lejn il-Libja.
Dagmawi jirrakkonta kif it-temperaturi tas-sħana fid-deżert kienu qawwijiet ħafna xi drabi jilħqu l-57 grad celsius. Dagmawi jinnota li l-gwidi fid-deżert tas-Sahara kienu ħafna aktar żorri u krudili. Fil-perjodu li huma għamlu jistennew il-bdil ta' gwidi, il-karatteristika kienet tkun talbiet ġodda għal flus mill-immigranti u swat. Ma tonqosx dik li Dagmawi jsejjaħ bħala umiljazzjoni - vjaġġar li fih l-immigranti kienu ppakkjati qishom annimali.
Fid-deżert kien il-mument li Dagmawi beda jinduna li jinsab maqbud fejn dawk ta' madwaru kienu qed jarawh biss bħala sors għall-flus. Jirrakkonta kif fil-vjaġġ fid-deżert seta' jara l-iġsma ta' immigranti jew għax ma felħux għall-kundizzjonijiet jew għax ma kellhomx flus biex ikomplu bil-vjaġġ. Jirrakkonta li "f'dan l-istadju ma kien hemm xejn x'jagħmel għajr li jkompli bil-vjaġġ. Vjaġġ li matulu kien ħeba l-flus f'diversi partijiet tal-ħwejjeġ. Kien vjaġġ li dam għoxrin ġurnata. Ħallas mijiet ta' Dollari u vjaġġa madwar 1,400 kilometru. Finalment spiċċa f'Benghażi flok fi Tripli".
'F'Benghażi stenna li jibagħtulu
l-flus għal vjaġġ bid-dgħajsa…spiċċa l-ħabs'
F'Benghażi hu spiċċa f'dar flimkien ma' għadd ta' immigranti oħra. Kien qed jistenna li qrabatu jibgħatulu xejn inqas minn $1,200 biex jagħmel il-vjaġġ bid-dgħajsa. Kien jistaqsi lilu nnifsu kif spiċċa f'dik id-dar bi 18-il raġel fiha. Fuq il-ħajt ta' din id-dar kien kiteb li "jekk jirnexxielek tgħix, dan kollu jgħaddi".
Minn din id-dar iżda spiċċa arrestat mill-Pulizija. Il-Pulizija ippuntaw l-armi u lanqas tawhom ċans jiġbru l-affarijiet personali. Tpoġġew fi trakk u spiċċaw il-ħabs. Fil-ħabs ta' Benghażi kien hemm mijiet ta' immigranti fosthom nisa u tfal. F'dan il-ħabs, eżattament f'kontejner, bla ikel, bla ilma u bla tojlit, Dagmawi iltaqa' ma' Adam - tifel ta' erba' snin. Kien mument li ma jinsieh qatt.
F'dan il-kontejner mingħajr ma jaf, Dagmawi reġa' spiċċa fin-nofsinhar tal-Libja. Hu ttieħed lejn Kufra. Hemm hekk kien spiċċa f'ħabs, fejn in-nisa u l-irġiel kienu ġew separati. L-Eritrejani u l-Etjopjani ġew mifrudin minn ma' immigranti oħra. Fiċ-ċella kien hemm ftit saqqijiet u tojlit wieħed. L-ikel jintefa' fl-art mill-gwardji. Kien hawn li Dagmawi ftakar f'ommu li tmexxi kjosk u kienet tistenna l-għajnuna mingħandu. Ftakar f'missieru li ma kienx sellimlu qabel telaq.
F'ġurnata minnhom Dagmawi u immigranti oħra, inħarġu miċ-ċella. Intalbu jagħmlu linja dritta quddiem raġel. Dan ir-raġel qasamhom f'żewġ gruppi. Ipponta lejn il-grupp li fih kien hemm Dagmawi u qal li se jieħu lilhom. Tgħabbew fi trakk u ttieħdu f'dar. Hawn ġew infurmati li hu ħallas 30 Dinar Libja għalihom kull wieħed. Intalbu jikkuntattjaw lil qraba tagħhom biex jibagħtulhom il-flus biex ikunu jistgħu jħallsuh. Dagmawi ma kellux għażla ħlief li jċempel. Kien jaf x'jiġrilu min ma jġibx il-flus. Il-flus riedu jinkludu ukoll il-vjaġġ lejn Tripli.
Il-vjaġġ lejn Tripli sar bi trakk li kien ippakkjat bl-immigranti. Xi wħud ma kellhomx spazju biżżejjed biex joqgħodu bilqiegħda. Peress li trakk kien mgħotti kellhom itaqqbu l-għata li kien hemm fuqhom biex jieħdu n-nifs. Magħhom kien hemm diversi nisa. F'dan il-vjaġġ ma naqasx il-ġlied bejn immigranti u traffikanti, hekk kif dawn tal-aħħar ippruvaw diversi tentattivi biex allegatament jistupraw immigranti nisa.
Fi Tripli, Dagmawi u sieħbu Daniel sabu żoni fejn kienu jgħixu l-Eritrejani u l-Etjopjani u ngħataw kenn hemm.
F'kafe fi Tripli, Dagmawi ra ritratt ta' sieħbu Yonas, li kien telaq mill-Etjopja qabilhom. Taħt ir-ritratt kien hemm l-indirizz tal-Konsulat Eritrejan. Hu u Daniel marru hemm u l-uffiċjal li sabu tahom il-kartiera ta' Yonas. Qalulhom li Yonas kien l-unika wieħed minn tletin li spiċċaw għerqu fil-vjaġġ lejn l-Ewropea, li ġie identifikat. Ftit jiem wara, Daniel reġa' nqabad mill-Pulizija u reġa' spiċċa f'Kufra.
Finalment Dagmawi għamel il-vjaġġ bid-dgħajsa lejn l-Ewropa. Kien spiċċa salvat bħal eluf ta' immigranti oħra. Imma llum Dagmawi, qed jagħmel isem għalih, b'dokumentarji fuq l-immigrazzjoni. Dagmawi irid li jirrakkonta l-istejjer ta' dawk li baqgħu jew għadhom il-Libja, ta' dawk li għal xi raġuni jew oħra ma rnexxielhomx jaslu. Dagmawi illum qed juża l-kamera biex iwassal il-vuċi ta' dawn l-immigranti.
Mistoqsi minn it-TORĊA dwar dan il-proġett tiegħu hu jgħidilna li "il-professjoni tiegħi li nagħmel dokumentarji bdiet b'kumbinazzjoni. Jien naħseb li hemm nuqqas ta' parteċipazzjoni minn immigranti biex jgħidu l-istejjer li għaddew minnhom. Jien nieħu linja sensittiva għal din il-kwistjoni b'mod partikolari meta niġi biex ninterpretà l-istejjer".
Nistaqsuh jekk meta jħares lura u jara t-tbatija kbira u r-riskji li għadda minnhom fil-vjaġġi, iħossx li għandu jagħti parir biex vjaġġi simili ma jsirux, Dagmawi jgħid li "jien m'iniex l-aħjar persuna biex nagħti parir jekk għandhomx jiġu jew le lejn l-Ewropa. Biss hemm fatt, li wieħed irid jagħti kasu. Hemm bżonn li tingħata attenzjoni għaliex l-immigranti Afrikani qed jagħmlu dawn is-sagrifiċċji kollha. Irridu nistaqsu ukoll għaliex huma għandhom jgħaddu minn din it-tbatija kollha u riskji, sempliċiment għax riedu jew għax kienu sfurzati jivvjaġġaw. Trid tqis li meta tkun għaddej minn dan il-vjaġġ is-sensazzjoni li se jirnexxielek tasal hi ferm aktar il-bogħod mis-sensazzjoni li finalment se tispiċċa tmut", itemm jgħid Dagmawi.
Artiklu li deher fil-ġurna IT-TORĊA
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home