Niċċa fiż-Żejtun se jkollha tistenna biex isirilha r-restawr meħtieġ
Waħda mill-akbar u l-isbaħ niċeċ li hemm fiż-Żejtun hi dik li tinsab fi
Triq Marsaxlokk. Niċċa elaborata li hi ddedikata lil San Ġużepp. Hija
niċċa li meta kienet fi stat tajjeb kienet issebbaħ il-post u ġġagħlek
tħares lejha. Sfortunatament illum din in-niċċa tinsab fi stat xejn
tajjeb.
Bl-għan li tiġi rranġata u anke b'kollaborazzjoni ma' sid il-post fejn
qiegħda, saru tentattivi biex din tkun restawrata permezz ta' skema li
kienet tħabbret, wara li l-każ tagħha anke tqajjem fil-Kunsill Lokali
taż-Żejtun. Biss minkejja dawn it-tentattivi, l-applikazzjoni
għar-restawr ta' din in-niċċa ma ġietx aċċettata.
F'Mejju li għadda kienet tressqet mozzjoni fil-Kunsill Lokali
taż-Żejtun. Fil-mozzjoni kien intqal li, "Din in-niċċa, li hi waħda
mill-akbar niċeċ li għadna fiż-Żejtun u tinsab f'parti storika b'bini
importanti, tinsab fi stat ħażin ħafna. Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju
Kulturali stess jgħid li għandha valur għoli ta' patrimonju kulturali u
artistiku u huma stess jgħidu li għandha bżonn restawr urġenti."
Minkejja li n-niċċa ma ntgħażlitx għar-restawr, se tkompli għaddejja ħidma biex finalment tkun restawrata.

No comments:
Post a Comment