Sunday, July 24, 2016

Kreattività minn żgħażagħ Żwieten u appoġġ minn
 residenti iwasslu għal rekord nazzjonali


Min jaf kemm hawn min jikkritika l-enerġija taż-żgħażagħ, jew jikkummenta b'mod xejn sabiħ fuq il-komportament taż-żgħażagħ illum. Imma dak li ġara fiż-Żejtun, jurik li r-realtà tkun ferm differenti jekk liż-żgħażagħ tiggwidahom u tinvolvihom biex l-enerġija jużawha biex tinħoloq xi ħaġa pożittiva. Xi ħaġa li tqajjem kuxjenza fost il-komunità. U fuq kollox toħloq xi ħaġa li titpaxxa tħares lejha.

Dan hu dak li ġara fiż-Żejtun permezz tal-ħidma tal-kunsilliera Stephanie Fenech.  Bl-għajnuna ta' ħafna żgħażagħ sar disinn fuq ħajt b'tappijiet tal-plastik ikkuluriti. Mhux biss inħoloq disinn il-ġmiel tiegħu, imma l-inizjattiva iddaħħlet fil-Malta Rekords bħala l-akbar disinn li uża tappijiet tal-plastik. 


Stephanie Fenech f'kummenti lil inewsmalta.com qaltilna li "kienet inizjattiva fi ħdan il-Kunsill Lokali taż-Żejtun. Jien għandi r-responsabbiltà tal-ambjent u l-isport. Għandna grupp ta' żgħażagħ attivi ħafna fi ħdan dan il-qasam u ridna nlaqqgħu il-krejattività taż-żgħażagħ, l-involviment tal-komunità u nqajjmu kuxjenza ta' riċiklaġġ."

Tenniet li "wara li ġiet diskussa miż-żgħażagħ stess ġiet l-ideja tal-mural magħmul mit-tappijiet tal-fliexken ġewwa Ġnien iż-Żgħożija. Post rikrejattiv fil-lokal li jilqa' fih tfal żgħażagħ u familji għax barra li fih bandli, hemm 2 grawnds u anke skate ramp professjonali."


Kompliet tgħid li "bdejna tlett xhur ilu niġbru t-tappijiet mingħand in-nies tal-lokal. Kellna rispons tremend. Fridna l-kuluri, bdiet titfassal bil-lapes u b'żebgha fuq sitt bords. U dawn l-ahhar ħmistax twaħħlu t-tappijiet wieħed wieħed b'vit kull tap. Inħoloq disinn sabiħ immens qisu mużajk. Aħna stess bqajna sorpriżi kif minn affarijiet li kienu se jintremew stajna nagħmlu dan kollu", qaltilna Stefanie Fenech.

No comments:

Post a Comment