Friday, January 23, 2015




'Dawn skeletri ta' immigranti bħalek
..jekk ma tħallasx tispiċċa bħalhom"
       - l-esperjenza trawmatika ta' Ibrahim, immigrant mis-Somalja


Tmur tirrapporta għal mezzi tax-xandir fuq każ fejn mara f'Mogadishu fis-Somalja allegatament kienet stuprata minn għad ta' suldati. Qabel tippublika l-artiklu jarrestawk. Tispiċċa xahrejn il-ħabs. F'ċella żgħira li fiha jinżammu 40 priġunier.  Forsi għal xi wħud li tagħmel xahrejn il-ħabs hi meqjusa bħala fortuna, ħdejn l-ammont ta' ġurnalisti li spiċċaw maqtulin fis-Somalja sempliċiment għax kienu qed jagħmlu xogħlhom. 
Ahmed Nuur Ibrahim li llum għandu 26 sena, kien ġurnalist fis-Somalja. Diversi minn sħabu ġurnalisti spiċċaw maqtulin. Hu kien mhedded regolarment, b'mod partikolari mill-militanti Iżlamiċi tal-Al Shabab. X'jagħmel? Jitlaq u jħalli l-ommu u lil ħutu? Ma kinitx deċiżjoni faċli u għażel li jmur f'parti oħra tas-Somalja. Pajjiżek dejjem jibqa' pajjiżek. Fis-sena 2007 telaq lejn Puntland Somalia. Wara ftit snin it-theddid ma damx ma kien ukoll l-ordni tal-ġurnata. Minn hemm 'l quddiem, ħajjet Ibrahim inqalbet ta' taħt fuq. Spiċċa jivvjaġġa minn pajjiż għal iehor bla dokumenti. Kellu jħalli lil mara u lit-tfal. Dahru mal-ħajt ma kellux triq oħra għajr li jittanta l-vjaġġ lejn l-Ewropa. Flus biżżejjed ma kellux u spiċċat tgħinu ommu. Fil-bidu tal-vjaġġ lejn id-deżert skopra li jrid iħallas somma flus għal vjaġġ, liema flus ma kellux. It-traffikanti ħaduh ftit bogħod u urewh skeletri mferrxin fuq ir-ramel. Kienu ta' immigranti li ma ħallsux. It-theddida kienet 'jekk ma tħallasx tispiċċa bħalhom'. Ommu biegħet biċċa art u bagħtitlu l-flus biex kompla bil-vjaġġ. Il-problemi fil-Libja ma naqsux, u daqt il-ħabs darbtejn. Spiċċa f'Malta wara li għamel il-vjaġġ bid-dgħajsa darbtejn. L-ewwel wieħed ma rnexxiex għax spiċċaw maqbudin mit-Tuneżini.
Ibrahim, kif inħareġ mid-detenzjoni beda jipprova jara kif se jkompli bil-ħidma tiegħu ta' ġurnalist. Ma kinitx faċli iżda bl-għajnuna ta' David Millner u b'għajnuna mill-Ambaxxata tal-Istati Uniti, waqqfu organizazzjoni. Hu qed ixxandar programmi għal immigranti Somali fid-detenzjoni u se jibda jagħti informazzjoni lill-immigranti fid-detenzjoni dwar il-ħajja u l-kultura f'Malta. Dan biex jgħin lill-istess immigranti jintegraw.
l-orizzont tkellem fit-tul ma' Ibrahim dwar l-esperjenza tiegħu. Jgħidilna li "xogħli fis-Somalja kien ġurnalist. Ħdimt ma' diversi stazzjonijiet. Radio Daljir u s-Somalia Broadcasting Corporation. Dawn huma stazzjonijiet privati. Ħdimt ukoll ma' Somalia Report u ma' IRIN tan-Nazzjonijiet Uniti.  Ix-xogħol ta' ġurnalist fis-Somalja mhux faċli. Kont mhedded diversi drabi. Ħafna minn sħabi ġurnalisti spiċċaw maqtulin. Kont nirrapporta dak li jkun qed jiġri. Ġlied bejn tribuwijiet rivali. Kont nara ħafna nies imutu u jinqatlu fit-triq. Meta tirraporta fuq drittijiet umani u dwar ġlied bejn fazzjonijiet rivali fis-Somalja, ikun jeħtieġ li tkellem ħafna nies biex iġġib l-informazzjoni.  Meta xxandar l-informazzjoni jibdew jhedduk li m'intix tirrapporta b'mod ġust u qed iżżomm ma' naħa jew ma oħra".
"Inti parti minnhom issa. Insibuk u noqtluk" kienet theddida li regolament kien jisma' fuq min icempillu fuq it-telefon. Ibrahim ma jonqosx li jirrimarkalek kif sħabu spiċċaw b'għonqhom  imħanxar jew sparawlhom. 
"It-theddid lejja kien regolari minħabba x-xogħol li kont nagħmel. Daqqa jgħidulek li inti kontra l-Musulmani jew li inti qed titkellem fuq id-drittijiet tal-bniedem u m'intix tappoġġja l-ġlieda  tagħna. Tkellimt m'ommi u hi qaltili li aħjar nitlaq minn Mogadishu u nmur lejn il-Grigal tas-Somalia. Hemmhekk hemm diversi radjijiet privati. Radio Daljir kien wieħed mill-akbar u dan għandu l-kwartieri tiegħu f'Bosaso".
It-theddid fil-konfront tiegħu kompla għaddej u tlaqt minn Mogadishu lejn il-muntani ta' Galgalo. Dawn jinsabu madwar 30 kilometru bogħod minn Bosaso. Hemm kont naħdem u kont nagħmel diversi intervisti. Kont anki naħdem mal-aġenzija tal-aħbarijiet u drittijiet umani tan-Nazzjonijiet Uniti, IRIN.  Ma tantx domt ma irċevejt l-ewwel theddid. Kienu l-Al Shabab li heddewni. Ċempluli u heddewni li joqtluni. L-Al Shabab huma fergħa tal-Al Qaeda. Dawn huma grupp militanti Iżlamiku".
"Erġajt spiċċajt f'salib it-toroq. Tibda tistaqsi lilek innfisek x'se tagħmel. Għal ħajti iddeċidejt li naqsam lejn l-Etjopja", jirrakkonta Ibrahim. Tistaqsieh jekk għamilx dan biex jiġi lejn l-Ewropa iżda hu jgħid li "dak iż-żmien lanqas ħsieb ma kelli li nitlaq lejn l-Ewropa. Ridt li nkun f'post sigur. Mort mal-fruntiera tal-Etjopja. Ma kienx faċli biex naqsam u nidħol hemm. Ikun hemm diversi checkpoints tas-suldati. Ippruvaw jibagħtuni lura lejn is-Somalja. Jien ma ridtx inmur. Kont għamilt dokument falz u għedtilhom li kont sejjer nistudja. Kelli ħabib li jaf l-Amhariku - il-lingwa tal-Etjopja u għedtilhom biex jivverifikaw. Meta raw hekk ħallewni nidħol fl-Etjopja u jien bqajt sejjer lejn Addis Ababa".
Ibrahim li llum għandu 26 sena u  kien ilu 10 snin fil-ġurnaliżmu ma tantx kellu fortuna fl-Etjopja. Ħalla lil martu u ż-żewġ uliedu f'Bosaso fis-Somalja, iżda aktar tard huma qasmu lejn l-Etjopja ukoll u baqgħu jgħixu hemm. Mill-Etjopja, Ibrahim telaq lejn il-fruntiera mas-Sudan. "Sibt l-għajnuna biex għaddejt mill-fruntiera u mort lejn Khartoum - il-kapitali tas-Sudan. Ħsibt li hawn stajt naħdem. Hawnhekk bdejt nisma' minn diversi ħbieb tiegħi dwar il-vjaġġi lejn l-Ewropa. Fi żmien ġimgħatejn f'Khartoum  kont iddeċidejt li nagħmel il-vjaġġ lejn l-Ewropa. Iddeċidejt li nagħmel dan għax min kien jorganizza l-vjaġġi minn Khartoum lejn id-deżert beda jgħidli li "l-Ewropa mhix il-bogħod. Ġimgħa vjaġġar u €500 u tkun fl-Ewropa. Hemmhekk ikollok ix-xogħol u l-flus. Tivvjaġġa fejn trid lejn l-Ewropa". Ħallast il-flus u ingħaqadt ma' grupp ta' immigranti li kienu se jittieħdu lejn id-deżert. Tgħabbejna f'jeep u bdejna l-vjaġġ minn Khartoum lejn id-deżert. Li jiġri hu li fit-triq jinbidlu it-traffikanti. Il-vjaġġ fid-dezert hu iebes ħafna. Ikun hemm sħana tremenda. Bil-lejl it-temperatura tinżel ħafna. Meta konna nieqfu konna npoġġu fuq ir-ramel li jkun jaħraq ħafna, nagħmlu rasna bejn l-irkopptejn u ngħattu rasna bil-gakketta jew ħwejjeġ li nkunu lebsin" isostni Ibrahim.
Ikompli jgħid li "f'nofs id-deżert tas-Sahara, sibna li konna se ngħaddu f'idejn grupp iehor ta' traffikanti. Fejn waqafna kien hemm tlett gruppi bl-immigranti tagħhom.  Intlabna nħallsu $3,500 biex jitkompla l-vjaġġ. Jien ma kellix dawk il-flus. Lili kienu qaluli li l-vjaġġ jiswa $500 u dawk kont ħallasthom. Meta għedtilhom li m'għandhix flus qajmuni minn fejn kont u urewni għadd ta' skeletri ta' nies li kien hemm imxerrdin f'din il-parti. 'Dawn immigranti bħalek kienu. Dawn ukoll ma ridux iħallsu. Qtilnihom. Jekk ma tħallasx tispiċċa bħalhom', qaluli it-traffikanti. Qbadt il-mowbajl u ċempilt lil ommi. Naf li l-mezzi finanzjarji tagħha huma limitati għax kull m'għandha hu biss ħanut tal-kafe minn fejn taqla' l-flus. Spjegajtilha is-sitwazjzoni li kont fiha. Għedtilha li jekk ma kontx se nħallas kienu se joqtluni. Fi ftit jiem, ommi biegħet biċċa art u kellha biex tħallas dawn il-flus. L-ikel u x-xorb fid-deżert kienu limitati ħafna.  Kienu jtuna ftit wisq ilma. Kif għedtilhom li għandi l-flus biex inħallas bdejt il-vjaġġ lejn il-Libja. Il-vjaġġ fid-deżert dam b'kollox 21 ġurnata. Wasalna fil-belt ta' Sabħa fin-nofsinhar tal-Libja. Hawnhekk reġgħu inbidlu it-traffikanti. Intlabna inħallsu $2,500 biex jeħduna lejn Tripli. Jien ma kellhiex dak l-ammont. Ommi għalkemm kellha kafeterija kellha erbat' itfal oħrajn, tnejn subien u tnejn bniet u għalhekk il-flus kienu limitati. Bdejt niġi bejn ħalltejn jekk inċemplilhiex jew le. Kienu qed iżommuni f'dar, ovvjament jistennew li b'xi mod inġib il-flus. Kif rajt li se tkun diffiċli bdejt naħseb biex nara x'se nagħmel. Fejn kont miżmum kienet  dar li ħdejha kien qed isir xi bini. Kien hemm munzell ta' ramel ħdejn parti mill-bini u jien qbist għal fuqu. Sparaw fuqi iżda irnexxieli naħrab. Spiċċajt litteralment waħdi.  Spiċċajt ma' grupp ta' immigranti Afrikani li kienu qed jaħdmu f'sit ta' kostruzzjoni. Laqqgħuni ma' wieħed Somalu. Tlabtu jgħinni nasal fi Tripli. Ried li nħallsu $800. Ma kellhiex dawk l-ammonti. Fl-aħħar aċċetta li nħallsu $500", ikompli jgħid Ibrahim.
"Sar il-vjaġġ lejn Tripli, iżda ma tantx domt liberu. Ġejt arrestat u dokumenti x'nuri ma kellhiex. Spiċċajt il-ħabs. Li jibqa' f'moħħi fil-ħabs fil-Libja hi kif kienu jtuna l-ikel. Il-gwardji kienu jaqbdu u jibdew iwaddbu l-ħobż. Ovvjament trid tiġġieled biex tilħaq. Kien hemm priġunieri ta' statura kbira u jien ma' tantx għandi statura kbira u għalhekk trid tagħmel sforz biex tiekol għax tispiċċa tibqa' fil-ġuħ. Ħrabt mill-ħabs. Erġajt ċempilt lil ommi u spjegajtilha dak kollu li kont għaddejt minnu u l-pożizzjoni li kont fiha.  Għidilha li għandi l-bżonn ta' flus biex nagħmel il-vjaġġ bid-dgħajsa lejn l-Ewropa. Wissietni fuq dan il-vjaġġ. Bagħtitli l-flus u qaltli li jekk ma jirnexxielekx tgħix mill-vjaġġ 'Alla miegħek'. Meta ġejna biex nagħmlu l-vjaġġ it-temp ma kienx tajjeb. Kien hemm mewġ li kien ġej 'l ġewwa. Bdejna l-vjaġġ iżda f'xi ħin ġiet fuqna dgħajsa tal-militar Tuneżin. Biex ma nispiċċawx f'ħabs Tuneżin għednielhom li konna sejrin lejn il-Libja. Minn naħa tagħhom huma daħħluna fit-Tuneżija u ħaduna mal-fruntiera Libjana.  Erġajt spiċċajt f'ħabs fil-Libja. F'dan il-ħabs, ħamsa minn sħabi kienu spiċċaw ħarbu.  Ftit jiem wara kienu ġew għalija u għal oħrajn biex nagħmlu xi xogħol fi djar.  Din kienet l-okkażjoni biex naħarbu.   Imma flus biex inħallas $800 għall-vjaġġ bid-dgħajsa ma kellhiex. Ċempilt lil ommi u din kienet irrabjat ħafna miegħi. Qaltli li flus ma kellhiex u li kont qed inberbaq il-flus. Ma kontx naf x'se naqbad ngħidilha. Erġajt ċempiltilha wara ġurnata. Għedtilha li mingħajr il-vjaġġ lejn l-Ewropa iċ-ċans kien li nerġa' nispiċċa l-ħabs. Spiċċat bagħtitli l-flus ftit jiem wara. Fid-dgħajsa li kellha tagħmel il-vjaġġ lejn l-Ewropa konna 125 persuna. Ikel u xorb ma ħadna kważi xejn.  Kien hemm min kien kważi spiċċa f'koma b' 'dehydration'. Qabel tlaqna min organizza l-vjaġġ tana n-numri tat-telefon tal-Qawwiet Navali Taljani u tal-Forzi Armati ta' Malta. Kellna ukoll boxxla. Kif rajna li konna ħriġna sew mill-ibħra Libjani tlabna għall-għajnuna u ġew il-Forzi Armati ta' Malta u salvawna. Daħħluna l-port. Immanettjawna. U jien bdejna nistaqsi 'għaliex, għaliex?".  L-ewwel salvawna u issa arrestawna ma stajtx nifhem. Spjegawli li wara xi xhur fid-detenzjoni kont se nieħu lura l-libertà. Fid-detenzjoni kien hemm sitwazzjoni ħażina ħafna. Imma meta nqabbilha mal-Libja ngħid li aħjar fid-detenzjoni hawn milli fil-Libja. Fid-detenzjoni kien hemm għadd kbir ta' immigranti Afrikani ġejjin min pajjiżi differenti. Kien hemm ukoll Palestinjani, mill-Iraq u mis-Sirja. Kull grupp bil-kultura tiegħu.  Ftit wara li tpoġġejt fid-detenzjoni tawni opportunità biex inċempel lil ommi. Kont ilni aktar min xahar ma nċemplilha u peress li kienet taf li kelli nagħmel il-vjaġġ bil-baħar, ħasbet li spiċċajt mgħarraq. Ħadet gost ħafna".
Itenni li "kif ħriġt mid-detenzjoni bagħtuni fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa. Kont ingħatajt status ta' refuġjat u bdejt nara x'se nagħmel.  Bl-għajnuna ta' ħaddiema fiċ-ċentru miftuħ ġew ikkuntattjati għadd ta' ġurnali biex forsi jkolli l-opportunità li naħdem magħhom. Sfortunatament ma ġejtx aċċettat. Min qal għalissa m'għandux bżonn u oħrajn qalu jikkonsidraw fil-futur".
Imma Ibrahim ma waqafx hemm. L-insistenza tiegħu li jkun suċċess wasslitu biex finalment Ibrahim beda jxandar permezz ta' radju għall-immigranti Somali f'Malta, u l-quddiem dan se jinfirex għall-immigranti Afrikani kollha.
F'post li għadu mitluq sew fil-Ħamrun, Ibrahim qed jippjana li jibdlu fi studio għal dan ir-radju. Radju li hu intiż li jinforma lill-immigranti u jgħin fl-integrazzjoni tagħhom f'pajjiżna.
Għandu xewqa oħra…..dik li
martu u uliedu jingħaqdu miegħu
Illum Ibrahim għandu xewqa oħra. Dik li martu u uliedu li jinsabu fl-Etjopja jingħaqdu miegħu f'Malta. Bi status ta' refuġjat hu għandu dritt li dan iseħħ, iżda jidher li għalissa għad hemm problemi biex dan isir fosthom nuqqas ta' finanzi.  Ibrahim iżda hu determinat li fi żmien mhux il-bogħod, jibda jgħix mill-ġdid f'pajjiżna ma' familtu.

Artiklu li deher f'L-ORIZZONT



0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home