Wednesday, February 18, 2015

Dritt uman li jkun hemm migrazzjoni…..iqumu mistoqsijiet fuq is-salvataġġi….

"F'ħin minnhom ma' kull mewġa
bdew jaqgħu tnejn jew tliet immigranti"
      - Ibrahim ta' 24 sena mill-Mali



Jumejn fuq il-baħar f'daqxejn ta' dinghi. Dinghi ippakkjat b'madwar mitt immigrant. Jumejn ta' baħar imqalleb u b'dinghi jagħmel l-ilma.    Salvaw biss żewġ immigranti minn fuq dan id-dinghi. Sa ftit qabel  wasal is-salvataġġ kienu erba' iżda tnejn ma felħux aktar u ċedew.  Diversi rappreżentanti ta' għaqdiet umanitarji fl-aħħar sigħat kienu f'Lampedusa fejn tkellmu ma' uħud minn dawk li salvaw. Immigranti li fi kliem dawk li kellmuhom 'jinsabu taħt trawma'. 'Ixxukkjati'. Dwar dak li ġara f'dawn il-jumejn fuq id-dinghi li minnu salvaw żewġ persuni biss   jitfa' dawl Ibrahim, immigrant ta' 24 sena mill-Mali li fl-aħħar sigħat tkellem dwar dak li għadda minnu. Jgħid li f'ħinijiet minnhom ma' kull mewġa li bdiet tiġi għal fuq id-dgħajsa bdew jgħibu tnejn jew tliet immigranti għal ġol-baħar.  Intant fl-aħħar sigħat kien is-Segretarju Ġenerali tal-Organizazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) li ddikkjara li hu dritt uman li jkun hemm migrazzjoni ta' nies. Iddikjara ukoll li hemm bżonn azzjoni konkreta biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' traffikanti li qed ipoġġu l-ħajjiet ta' eluf ta' immigranti f'riskju.
Koji Sekimizu, is-Segretarju Ġenerali tal-IMO, iddikjara li "aħna ma rridux nipprevenu l-migrazzjoni. Dan hu dritt uman. Biss wasal iż-żmien li jitwaqqfu l-vjaġġi illegali organizzati mit-traffikanti.  Dawn mhux biss qed ipoġġu ħajjet l-immigranti f'periklu,  imma qed ipoġġu f'periklu is-servizzi ta' salvataġġ u anke it-tbaħħir merkantili. Hemm bżonn issir xi ħaġa".
"Kif mietu b'ipotermja meta
kienu salvati?"

'Watch the Med' - proġett li jsegwi l-migrazzjoni u imwiet ta' immigranti fil-Mediterran, ma naqasx li jikkummenta fuq l-aħħar traġedja b'mod partikolari għall-immigranti li ġew salvati imma li spiċċaw mietu abbord il-patrol boat Taljana minħabba ipotermja. Watch the Med tqajjem diversi mistoqsijiet u tgħid li "hemm mistoqsijiet li jeħtieġ li jingħataw tweġiba. Kif inhu possibbli li 22 persuni jmutu b'ipotermja meta kienu salvati mit-Taljani? Il-patrol boats li ħadu sehem fl-operazzjoni ta' salvataġġ ma' kienux mgħammrin kif suppost u b'mod adekwat biex jagħmlu operazzjoni ta' salvataġġ?  Hu ġustifikat li tnejn mid-dgħajjes ta' salvataġġ ta' Frontex kienu fi Sqallija u f'Malta għall-manutenzjoni?"
Intant fost dawk li tkellmu mal-immigranti f'Lampedusa kien hemm Matteo de Bellis, rappreżentant tal-UNHCR. It-testimonjanza ta' Ibrahim ixxandret ukoll minn Amnesty International.
Hu jgħid li "tlaqna mil-Libja is-Sibt filgħaxija.  Għall-ħabta tas-7.00 ta' filgħaxija tal-Ħadd id-dinghi beda jitlef l-arja u beda jimtela' bl-ilma.   F'dan il-mument, xi wħud minn dawk abbord bdew jispiċċaw fil-baħar.  F'dan il-mument il-mewġ kien qawwi ħafna. Ma' kull mewġa li bdiet tiġi, tnejn jew tliet immigranti bdew jispiċċaw fil-baħar.  Ġara li f'ħin minnhom il-parti ta' quddiem tad-dgħajsa għoliet u dawk li kienu fuq wara spiċċaw kollha fl-ilma.  Wara dan fuq id-dgħajsa bqajna biss madwar 30 persuna.  Wieħed mill-ġnub tad-dingħi kienu għadu f'wiċċ l-ilma. Żammejna ma' xulxin kif stajna. Finalment bqajna erba' biss".
Ibrahim ikompli jgħid li "konna sa żaqqna fl-ilma, imma bqajna inżommu flimkien matul il-lejl kollu.  Kienet anke ix-xita.  Mas-sebħ tal-ġurnata tat-Tnejn, żewġ immigranti ċedew għax ma felħux aktar. Ftit wara rajna helikopter idur. Kien hemm flokk aħmar fl-ilma u jien bdejt inxejru biex ikunu jistgħu jarawna. Ġew fuqna u tefgħulna dinghi zgħir. Ma kelliex enerġija biex nasal ħdejha. Għalhekk jien u l-immigrant l-iehor bqajna nżommu ma' xulxin. Nofsiegħa wara ġie bastiment. Tefgħulna ħabel u tellgħuna abbord. Kienu t-tlieta ta' wara nofsinhar".
'Periklu, periklu"….hekk kienet
is-sejħa għall-għajnuna

Wieħed ma jistax ma jistaqsix kif issir is-sejħa għall-għajnuna mill-istess immigranti. Dwar dan, il-Gwardji tal-Kosta Taljani iddikjaraw li s-sejħa irċevewha l-Ħadd kmieni wara nofsinhar.  Il-post minn fejn ġiet is-sejħa kien ta' 120 mil nawtiku minn Lampedusa jew 40 mil mil-Libja. Is-sejħa ma tantx kienet tintgħaraf iżda instema' kliem bl-ingliż li kien jgħid 'periklu' periklu'".
"Jekk se nibqgħu waħidna
fis-sajf mhux se nlaħħqu mas-salvataġġi"
Intant Amnesty International, f'komunikat li ħarġet tgħid li rappreżentanti tal-Gwardja tal-Kosta Taljani tkellmu magħhom dwar is-salvataġġi.  Jgħidu li "l-Kap tagħhom tkellem b'mod ċar. 'Tistgħu timmaġinaw xi tfisser li b'dgħajsa ta' 18-il metru  tagħmel dawk il-mili kollha fil-baħar biex tagħmel salvataġġ b'mewġ ta' tmien metri għoli?  Aħna inkwetajna għal ħajjet in-nies tagħna. Meta fix-xhur li ġejjin jiżdiedu l-wasliet, jekk se nibqgħu waħidna li noħorġu għalihom, mhux se nkunu nistgħu nlaħħqu".
"Konna 107 u bqajna 7 persuni biss….
..fis-salvataġġ inqasmet id-dgħajsa"

Ma' Amnesty International tkellem ukoll  Lamin li hu mill-Mali u li kien fuq dinghi li ġie salvat.  Hu jgħid li "fuq id-dinghi konna 107 persuna.  Il-baħar kien qawwi ħafna.  Id-dgħajsa kienet qed togħla mal-mewġ u kulħadd beda jibża. Bdejt nara n-nies jaqgħu fil-baħar. Ħadd ma seta' jgħinhom. Huma ippruvaw jerġgħu jaqbdu mad-dgħajsa imma ma bediex jirnexxielhom. Oħrajn mietu fid-dgħajsa minħabba nuqqas ta' ilma u ikel. Ma stajtx ngħodd kemm mietu. Meta ġie vapur biex isalvana seba' biss konna għadna ħajjiet. Tefgħulna ħabel u tellgħuna abbord. F'dan il-ħin id-dgħajsa inqasmet u l-iġsma li kien hemm niżlu magħha".

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home