Traffikanti jheddu lill-gwardji Taljani u jieħdu lura dgħajsa vojta li kienet bl-immigranti..
"Traffikanti li ma jibżgħu minn ħadd….
..sa fejn naf l-ewwel każ ta' theddid mit-traffikanti"
- Federico Soda, Direttur tal-Uffiċċju tal-IOM għal Mediterran
L-aħħar każ ta' salvataġġ ta' immigranti kien li differenti mis-soltu u dan mhux biss minħabba l-eżodu ta' għadd kbir ta' immigranti li ħarbu mil-Libja f'salt u li fi kliemhom is-sitwazzjoni fil-Libja hi 'intollerabbli' imma għax jidher li għall-ewwel darba dawk li qed jiġu deskritti bħala traffikanti tal-immigranti armati ma ddejqux javviċinaw lill-Gwardji tal-Kosta Taljani u jhedduhom biex iħallu dgħajsa vojta warajhom. Ovvjament din qed tqajjem il-mistoqsija għaliex it-traffikanti waslu s'hawn, li ma jiddejqux jikkonfrontaw lil dawk li kienu għadhom kif wettqu salvataġġ. Federico Soda, Direttur tal-Uffiċċju tal-Organizazzjoni Internazzjoni għall-Immigrazzjoni (IOM), meta kkuntatjat minn L-ORIZZONT qal li 'it-traffikanti tal-immigranti ma jibżgħu minn ħadd. Jidher li kien hemm theddid fil-konfront tal-Gwardji tal-Kosta Taljani. Din tindika biċ-ċar li preżenza militari kif kien hemm is-sena li għaddiet b'Mare Nostrum, hi ferm aktar b'saħħitha u effettiva. Nemmen li mhux qed isir biżżejjed biex jiġu evitati s-salvataġġi".
Federico Soda jgħid li dan l-inċident ifisser li t-traffikanti ma beżgħux jersqu qrib il-gwardja kostiera. "Biex ngħidu kollox dawn ma jibżgħu minn ħadd", iddikjara Federico Soda.
Fil-kummenti lil L-ORIZZONT qal li "s-salvataġġi li saru fl-aħħar jiem juru li din is-sena se tkun waħda terribbli għall-immigranti. Fl-Italja diġa daħlu 60 fil-mija aktar immigranti f'dan il-perjodu tas-sena meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Nistenna li fiz-żmien li ġej se jkomplu jitilqu aktar immigranti mil-Libja. Dawn qed jiddeskrivu s-sitwazzjoni fil-Libja bħala intollerabbli u għandna informazzjoni li hemm ħafna immgiranti oħrajn li jridu jitilqu".
Mistoqsi dwar kienx hemm imwiet fl-aħħar salvataġġ li sar, hu qal li "ma kienx hemm imwiet. Salvataġġ li kien jinvolvi l-kollaborazzjoni ta' bastimenti merkantili, l-operazzjoni Triton u gwardji tal-kosta. Hu impossibbli li ssegwi l-Mediterran kollha biex tara tarax dawk id-dgħajjes żgħar".
Jgħid li "l-immigranti qed jingħataw telefon satellari mill-istess traffikanti u dan biex jitolbu għal għajnuna. Din is-sejħa ġieli ssir ftit ħin wara li jitilqu mil-Libja. Dan ikun ifisser li l-gwardji tal-kostra Taljani jkollhom imorru madwar 100 mil nawtiku bogħod minn ibħra Taljani biex jagħmlu s-salvataġġi".
Jiddikjara li "s-sitwazzjoni fil-Libja qed tiġġenera b'mod mgħaġġel ħafna. Sa issa m'hemmx ħarbiet minn ċittadini Libjani. Nistennew li l-ħarbiet mil-Libja se jkomplu fiż-żmien li ġej. Nemmen li mhux qed isir biżżejjed. L-operazzjoni Mare Nostrum kienet twaqqfet u Triton għandha mandat differenti".
Ta' min jgħid li nhar il-Ħadd biss, xejn inqas minn 2,164 persuna, li kienu fuq 12-il dgħajsa differenti, kienu salvati waqt diversi ħidmiet ta’ salvataġġ mill-awtoritajiet Taljani. Fuq il-post kien hemm ukoll patrol boat tal-Forzi Armati ta' Malta. Is-suldati Maltin għenu biex isalvaw 1,000 persuna minn fuq id-dgħajjes. Fost l-immigranti salvati kien hemm żewġ feruti fejn wieħed kellu ferita f'saqajh wara li t-traffikanti sparawlu wara li aktarx beda joġġezzjona li jitla' fuq id-dinghi.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home