Friday, March 6, 2015





Eku tal-każ fejn tonn  li kien ġo xibka tħarrab wara li tqattgħet ix-xibka….

Sea Shepherd jirbħu l-każ fil-Qrati…
….jgħidu li se jkomplu jiddefendu t-tonn


"Il-każ solvut. Il-Qorti suprema iddeċidiet il-każ. Sea Shepherd Conservation Society ħarġet rebbieħa.  Il-kumpanija li tinnegozja fit-tonn u li tilfet l-appell se jkollha tħallas madwar $250,000 f'tariffi legali lil Sea Shepherd. Il-bond ta' $800,000 li kellha tagħmel Sea Shepherd se jkun ritornat. Din is-sentenza hi finali.  Din hi rebħa kbira għat-tonn fil-Mediterran. Se nkomplu bil-kampanji tagħna favur it-tonn fil-Mediterran".
Dan iddikjara Paul Watson, il-kaptan tal-bastiment Steve Irwin, hekk kif intemmu l-proċeduri legali li kien hemm kontra Sea Shepherd dwar każ li kien seħħ f'Ġunju tas-sena 2010, meta bugħaddasa ta' Sea Shepherd qattgħu xibka li fiha kien hemm tonn maqbud u ħarrbuh. Huma għamlu dan għax kienu tal-opinjoni li dan kien maqbud b'mod illegali. Il-kumpanija li sofriet id-danni għal dan l-att kienet il-kumpanija Maltija 'Fish and Fish'.
Paul Watson iddikjara fl-aħħar sigħat li "kien fis-17 ta' Ġunju meta l-operazzjoni Blue Rage interċettat operazzjoni ta' qbid ta' tonn lil hinn mill-kosta Libjana. Investigajna dik il-qabda.  Meta staqsejna biex juruna id-dokumenti, is-sajjieda irrifjutaw. Meta tlabnihom biex nitkellmu ma' l-uffiċjal osservatur, qalulna li ma kien hemm ebda osservatur. Ftit minuti wara, qalulna li kien hemm osservatur u persuna fuq ir-radju identifikat ruħha bħala 'osservatur'. Meta tlabna l-isem tiegħu dan irrifjuta li jipprovdieh. Ma kellna ebda dubji li l-qabda kienet illegali. Il-ħut kien ġie akkwistat meta l-istaġun ingħalaq. Ħafna mill-ħut maqbud kien zgħir. Il-bastiment ma kellux spettur fuq u l-kaptan irrifjuta li jurina id-dokumenti".
Paul Watson ikompli jgħid li "konna determinati li dan it-tonn inqabad illegalment. Bgħatna bugħaddasa u qattgħu x-xibka. Minnha ħarbu madwar 800 tonn.  Sena wara jiġifieri f'Lulju tas-sena 2011, il-bastiment Steve Irwin kien fl-Iskozja jipprepara biex jitlaq lejn il-gżejjer Faroe.  Biss il-Qorti Skoċċiża imponiet bond ta' £530,000. Dan sar wara proċeduri mill-kumpanija Maltija 'Fish and Fish'. Fil-25 ta' Ġunju tas-sena 2012, Sea Shepherd rebħet il-każ. Biss il-kumpanija Maltija dehrilha li l-każ ma kellux jieqaf hemm u kienet appellat. Il-Qorti Suprema Ingliża issa qatgħet il-każ. Din hi rebħa kbira għal Sea Shepherd", jgħid Paul Watson.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home