Tuesday, March 24, 2015



Is-sindku tal-Mosta tagħżel it-toroq
li tagħmel fuq rapport ta' żewġha


Kumpanija tal-periti tas-Sindku tal-Mosta u r-raġel tagħha għamlet rapport għall-kunsill lokali tal-Mosta stess li abbażi tiegħu spiċċaw ma sarux numru ta' toroq fil-Mosta. Uħud minn dawn it-toroq kienu ilhom saħansitra aktar minn 30 sena ma jsiru.  Dan ir-rapport li sa issa kollox qed jindika li inżamm il-bogħod minn għajnejn il-kunsilliera Mostin, liema rapport ma ssibx riferenza għalih fil-minuti tal-kunsill lokali tal-Mosta, juri biċ-ċar li l-għażla ta' toroq li saru mill-kunsill lokali tal-Mosta kienet abbażi ta' deċiżjoni li qed tindika kunflitt ta' interess li ma ġiex dikjarat mis-Sindku Nazzjonalista tal-Mosta, Dr. Shirley Farrugia.
Ir-rapport sar mill-kumpanija MP&DC u hu intitolat "Mosta Road Condition Survey'.  Il-kumpanija MP&DC  hi tal-Perit Stephen Farrugia, li jiġi ir-raġel tas-Sindku Nazzjonalista tal-Mosta.  F'din l-istess kumpanija, is-Sindku tal-Mosta għandha ukoll l-ishma. Abbażi ta' dan ir-rapport, intefqu €1.5 miljun minn fondi pubbliċi.
L-ORIZZONT għandu kopja ta' dan ir-rapport li dejjem inżamm mistur u li fih il-Mosta inqasmet fi tmien żoni.  Fuq kull triq fil-Mosta inġabret informazzjoni dwar l-istat li tinsab fiha.
Dan ir-rapport li skont informazzjoni li għandu L-ORIZZONT tlesta fi ftit jiem  biss, sar ftit jiem biss wara l-elezzjoni tal-kunsill lokali tal-Mosta, li saret f'Marzu tas-sena 2012.  Dan ir-rapport dettaljat, għal raġunijiet li għadhom mhux magħrufin inżamm  mistur minn kunsilliera.
Informazzjoni li għandu L-ORIZZONT jidher li apparti li l-kunsilliera ma kienux jafu bl-eżistenza ta' dan ir-rapport li sar mir-raġel tas-Sindku, jidher li fl-ebda laqgħa tal-kunsill is-sindku ma ddikjarat il-kunflitt ta' interess li kellha. Dan hekk kif is-Sindku għandha ishma fil-kumpanija li wettqet dan l-istudju.
Quddiem dan il-każ iqumu għadd ta' mistoqsijiet fosthom dik ta' għaliex il-kunsillieri ma ġewx infurmati b'dan ir-rapport. Mistoqsija oħra li toħroġ hi dik ta' għaliex is-Sindku ma ddikjaratx il-kunflitt ta' interess tagħha.  Apparti dan, mistoqsija oħra hi dik ta' għaliex is-sindku qatt ma infurmat lill-kunsill li kienet se tqabbad lill-kumpanija tar-raġel tagħha biex tagħmel dan ir-rapport.
Quddiem dan, L-ORIZZONT għamel kuntatt mas-Sindku tal-Mosta, Dr. Shirley Farrugia. Staqsejniha fuq il-fatt li r-rapport intitolat "Mosta Road Condition Survey' sar mill-kumpanija MP&DC - kumpanija li hi tar-raġel tagħha Stephen Farrugia u li hi għandha sehem fl-istess kumpanija.  Għednielha li dan hu kunflitt ċar ta' interess u tlabna ir-reazzjoni tagħha għal dan.
Hi qaltilna li "irrid ngħid li assolutament m'hemm ebda kunflitt ta' interess. Dak ir-rapport sar minn flus li ħriġthom jien minn buti personalment.  Mhux talli m'hux kunflitt ta' interess talli dan hu eżempju ta' kif għandhom isiru l-affarijiet. Lil kunsill dan ir-rapport ma ġiex jiswieh flus".
Nistaqsuha fuq il-fatt li fil-minuti tal-kunsill lokali tal-Mosta dan ir-rapport ma jissemmiex kif lanqas jissemma' l-fatt li r-rapport sar minn kumpanija tar-raġel tagħha u li hi għandha sehem fiha. Għednielha ukoll li jidher li l-kunsillieri ma kienux infurmati dwar min għamel ir-rapport għax hi qatt ma ddikjarat jew tat informazzjoni dwar dan.
Hi wieġbet għal dan billi qalet li "il-minuti tal-kunsill ma nagħmilhomx jien. M'għandix il-minuti tal-kunsill biex ngħid jekk hux  ir-rapport hux imsemmi. Ngħid li l-kunsillieri kienu jafu bih".
Nistaqsuha mill-ġdid kif ma tħossx li kellha tinforma lill-bqija tal-kunsill li r-rapport sar mill-kumpanija tar-raġel tagħha u li hi kellha sehem ukoll fiha, u hi qaltilna li "nerġa ngħid m'hemmx kunflitt ta' interess. Dan kien studju li jien għamiltu għalija stess. Biex inkun naf x'inhi l-pożizzjoni tal-lokalità.  Użajt dak ir-rapport biex inġib għajnuna mill-gvern għat-toroq fil-Mosta. Dan għandu jittieħed bħala eżempju".
Minn L-ORIZZONT

No comments:

Post a Comment