Monday, March 23, 2015








Maltija li "ħadmet fuq li ħadmet" tagħlaq 107 snin


Maltija miż-Żejtun li llum hi residenti f'dar tal-anzjani f'Londra - mara bi storja pjuttost movimentata - ilbieraħ għalqet 107 snin. Din qed titqies bħala waħda mill-aktar Maltin li għexu fit-tul. Għal uliedha u n-neputijiet, Filomena Muscat tibqa' dik il-mara li f'ħajjitha ħadmet bla heda biex tgħajjex lill-familja - ibda minn xogħol fit-tarzna, ħasil tal-ħwejjeġ tal-militar Ingliż u meta rtirat b'xogħol volontarju fi sptar Ingliż.
Karmena Camilleri, li llum għandha 85 sena u li tiġi it-tifla ż-żgħira ta' Filomena tgħid li "lil ommi dejjem niftakarha taħdem għalina."  Filomena Muscat imwielda iż-Żejtun, kienet emigrat biż-żewġt itfal tagħha lejn Tuneż.   
Karmena Camilleri li llum tgħix il-Kanada, meta kellmitna dwar il-ħajja ta’ ommha tgħid li "ommi tilfet lil missieri meta kienet tqila bija. Jien twelidt f’Jannar tas-sena 1930, u ommi twieldet f’Marzu tas-sena 1908.  Apparti lili, ommi kellha ukoll lil oħti l-fustanija Grace li twieldet sena u xahrejn qabli.  Kellha tifla oħra li twieldet qabilna iżda dik kienet mietet."
"Fil-gwerra u ftit wara konna ngħixu Malta. Jien niftakarni inmorru niġru għal ġo xelter. Niftakar l-isparar u l-bumbardamenti. Fil-gwerra ommi qatt ma waqfet milli taħdem. Biex ngħixu hi riedet taħdem għalina għax missieri kien miet ferm qabel. Kienet taħdem it-tarzna ġo uffiċċju fejn hemmhekk kienet tagħmel xogħol ta’ tindif. Kienet anke ħadmet mal-Qawwa tal-Ajru Ingliża. Ommi niftakarha wkoll taħsel ħwejjeġ ta’ membri tal-militar Ingliż u ta’ dan kienet titħallas," tenfasizza Karmena.
"Niftakar sewwa lil ommi u liz-zija Karm, jaħslu l-ħwejjeġ u jħitu xi buttuni jew isewwu l-ħwejjeġ tal-baħrin.  Niftakar sew kien ikollhom ħafna qliezet għat-tiswijiet u għall-ħasil. Jien kont żgħira imma kont ngħin billi nimla l-bramel tal-ilma".
Wara l-gwerra emigraw lejn it-Tuneżija... fl-Ingilterra kienet tgħin lill-Maltin
Karmena tgħid li "wara l-gwerra eżattament fl-1948, emigrajna lejn it-Tuneżija.  Ommi kienet iżżewġet lil ħu missieri. Fit-Tuneżija ma ħadmitx. Fit-Tuneżija iżda s-sitwazzjoni bdiet issir aktar inċerta fejn jidħlu l-barranin.  Peress li ommi kellha passaport Ingliż, peress li Malta kienet għadha taħt il-ħakma Ingliża, iddeċidew li jmorru jgħixu fir-Renju Unit," tkompli tgħid Karmena.
Tgħid li "jien lil Malta kont inħobbha ħafna u mit-Tuneżija spiss kont niġi lejn Malta. Meta huma marru lejn ir-Renju Unit, jien mort il-Kanada, fejn bqajt ngħix hemm."
"Iz-ziju ta' Dun Gorg Preca kien ibigħilna l-ħalib"
Nena tgħid li "niftakar sew ukoll liz-ziju ta' Dun Ġorġ Preca. Kien jiġi jbigħ il-ħalib. Niftakru sew jiġu għand ommi bil-ħalib." Tgħidilna li mbagħad fir-Renju Unit ommha ħadmet f'diversi lukandi u kienet tkun ta' wens kbir għall-Maltin li jitilgħu hemm għall-kura.
Ta' min jgħid li Filomena s-sena li għaddiet kienet daħlet fil-lista tal-Maltin li l-aktar li għexu. Fil-fatt l-ixjeħ Maltin li qatt għexu kienu John Mary Farrugia minn Ħad-Dingli li għalaq 106 snin ftit snin ilu u Emanuela Borg minn Ħal Balzan. Kemm Farrugia kif ukoll Balzan mietu wara li għalqu l-età ta' 106 snin. Farrugia miet fis-sena 2007 u Emanuela Borg mietet fis-sena 2004.
Fatti mis-sena 1908 - is-sena li fiha twieldet Filomena
Filomena twieldet fis-sena 1908. Id-differenzi kbar bejn dik is-sena u ż-żminijiet tal-lum huma kbar. Dakinhar il-medja tal-ħajja tal-bniedem fl-Istati Uniti kienet ta' 47 sena. Sa dak iż-żmien l-aktar struttura għolja fid-dinja kienet it-Torri Eiffel. 
Il-paga medja f'xi pajjiżi  kienet ta' 22 ċenteżmu fis-siegħa. F'sena, ħaddiem medju kien jaqla' bejn $200 u $400  fis-sena.  Inġinier fl-Istati Uniti kien jaqla' $5,000 fis-sena. Ħafna tobba,  jew 90 fil-mija tagħhom, ma kellhomx edukazzjoni fil-kulleġġi. Kienu jattendi fi skejjel mediċi.
L-1908 kienet is-sena li fiha l-Kanada għaddiet liġi li żammet nies foqra milli jidħlu fil-pajjiż. Kienet ukoll is-sena li fiha l-kawżi prinċipali tal-imwiet kienu l-pnewmonja u l-influwenza, it-tuberkolożi, id-dijarea u mard tal-qalb. 

No comments:

Post a Comment