Monday, March 23, 2015






Jitkellmu l-Gwardji tal-Kosta….bla għajnuna u jsalvaw bejn 100 u 120 persuna kuljum….

"Jekk inkun fis-sitwazzjoni tagħhom jien
nagħmel bħalhom"
        - membru tal-gwardja tal-kosta Libjana


Dwar is-salvataġġ tal-immigranti li jkunu qed jaqsmu b'dgħajjes mil-Libja lejn l-Ewropa, smajna kemm il-darba lill-gwardji tal-kosta Taljani u anke dawk Maltin jitkellmu dwar dawn is-salvataġġi.  Fl-aħħar jiem iżda tkellmu għall-ewwel darba il-Gwardji tal-Kosta Libjana li jinsab f'Garabulli, gwardji li għandhom kosta ta' madwar 50 kilometru biex isegwuha.  Il-Kap tal-Gwardji tal-Kosta Libjana f'Garabulli, Fathi al Zeahe jgħid li huma jsalvaw bejn 100 u 120 persuna kuljum.   Mindu bdejna dan ix-xogħol salvajna aktar minn 5,000 persuna.  Wieħed mill-gwardji tal-kosta, jiddikjara li ġieli beka waqt is-salvataġġi. Jiddikjara bla tlaqlieq li "jekk inkun fis-sitwazzjoni tagħhom, jien nagħmel bħalhom. Nagħmel vjaġġ illegali".
L-esperjenzi ta' salvataġġi u l-kummenti tal-gwardji tal-kosta Libjani, inħarġu f'rapport li xxandar fuq is-sit ta' Vice News, li fl-aħħar jiem marru l-Libja u tkellemu ma' dawn il-gwardji tal-kosta u x-xogħol ta' salvataġġ tagħhhom.
Il-gwardji tal-kosta Libjana għaddew ukoll filmat ta' salvataġġ ta' immigranti. Ma naqsux li jidhru mumenti ta' kommossjoni, salvataġġi u fuq kollox katavri ta' immigranti fil-baħar fosthom dak ta' tifla żgħira.
Kliem bħal "oqogħdu kwieti", 'isimgħuna', u 'min jaf jitkellem bl-Għarbi', huma l-ewwel kliemi li jintqal hekk kif il-gwardji tal-kosta Libjana jersqu lejn dgħajjes bl-immigranti biex isalvawhom.
Ftit ġimgħat ilu, f'każ ta' salvataġġ mit-Taljani, smajna kif it-traffikanti sparaw fuq it-Taljani u ħadu dgħasja vojta lura.  Wieħed mill-gwardji tal-kosta jirrakkonta kif anki lilu sparawlu it-traffikanti iżda b'xorti tajba ma laqtuhx.

Il-Kap tal-Gwardji tal-Kosta Libjana, Fathi al Zeahe, meta kkummenta ma' Vice News, qal li "r-rwol tagħna hu li nsalvaw u nikkumbattu l-immigrazzjoni illegali.  Bir-riżorsi li għandna diffiċli naħdmu".  Il-gwardji tal-kosta f'Garabulli jinsabu madwar 50 kilometru minn Tripli u jinsabu fil-qalba tat-territorju kontrollat minn Libya Dawn, li hi ffurmata minn milizzji Islamiċi.
al Zeahe jgħid li "meta nkunu qed nagħmlu s-sorveljanza jinterċettaw madwar 120 persuna kuljum, xi drabi 2 dgħajjes kuljum.  F'ġimgħa ġieli salvajna bejn 4 u 5 dgħajjes.  Mindu bdejna dan ix-xogħol salvajna 5,000 persuna. Ir-riżorsi tagħna huma limitati.  Fix-xogħol tagħna anki nirkupraw iġsma mill-baħar.  It-taqsima marittima Libjana ma tgħinx f'dan. Tlabna anki lill-Unjoni Ewropea biex tgħinnha direttament. Għandna diversi problemi imma ħadd mhu jgħinna".
Jiġi intervistat ukoll membru iehor tal-Gwardji tal-Kosta Libjana, li għalkemm jidher fil-filmat, ismu ma xxandarx.
Hu sostna li "hemm ħafna gangs ta' traffikanti. Diffiċli tikkumbattihom.  Lili sparawli. Ma laqtunix.  Lil sieħbi Abudl Latif, sparawlu meta kien se jsalva xi immigranti mill-baħar.  Minkejja d-diffikultajiet se nibqgħu naħdmu biex insalvaw lin-nies.  In-nies li nsavlaw huma tfal, nisa, u anke anzjani. Meta għamilna salvataġġ f'nofs ta' lejl immigrant li ma kienx bogħod minni spiċċa miet. Kien impossibbli li nsavlaw 108 persuna. Għereq quddiemi. Tal-biża din li tara nies jgħerqu quddiem għajnejk".
Dan il-membri tal-gwardja tal-kosta f'Garabulli jgħid li "nistaqsuhom għaliex irridu jmorru l-Ewropa. Jgħidulna li jridu jmorru l-Ewropa biex jedukaw ruħhom u biex ikollhom għixien aħjar. Jgħidulna kif f'pajjiżhom hemm gwerer, qtil u ħtif. Naħseb li kieku jien qiegħed fl-istess sitwazzjoni tagħhom, nagħmel l-istess bħalhom. Nagħmel vjaġġ illegali".


No comments:

Post a Comment