Saturday, March 14, 2015



"Użaw moħħkom…….tafu fejn għandkom tivvutaw” - Dilettanti tal-Armar tal-Festi
 
 

Hekk kif kif fl-aħħar jiem Josef Camilleri, President tal-Għaqda Piroteknika Maltija għamilha ċara ma' L-ORIZZONT li dawk dilettanti tal-ispettakli tan-nar għandhom jivvutaw 'Iva' fir-referendum dwar il-kaċċa, kienu diversi dawk il-voluntieri li matul is-sena u fl-eqqel xhur tas-sajf jaħdmu biex isebbħu t-toroq Maltin fil-festi tal-ibliet u l-irħula li għamlu kuntatt ma' dan il-ġurnal. Fi kliemhom stess, id-direzzjoni li qed jingħataw hi dik li jaħsbu b'moħħhom imma joqogħdu siekta.  "Ma rridux nidħlu fil-kontroversja,  se nivvutaw fis-skiet. Tal-armar jafu kif għandhom jivvutaw", sostna rappreżentant ta' għaqda tal-armar tal-festi f'pajjiżna.
L-ORIZZONT tkellem ukoll ma' Dr. Godfrey Farrugia mill-Għaqda Nazzjonali tal-Armar tal-Festi.  L-ewwel reazzjoni tiegħu għal mistoqsijiet tagħna kienet li "ma rridux nidħlu fid-dibattitu. Nemmen imma li l-membri tal-għaqda tagħna kapaċi li b'responsabbilità ta' dak li hu sew, jafu jiddeċiedu skont iċ-ċirkostanzi preżenti".
L-ORIZZONT hu infurmat li l-kwistjoni dwar ir-referendum għall-kaċċa fir-rebbiegħa, ma ġietx diskussa mill-Għaqda Nazzjonali Armar tal-Festi.
Il-mistoqsija li għamilna lil għadd ta' dilettanti tal-armar hi dik ta' x'qed iħassibhom wara dan ir-refendum. Dilettant tal-armar mill-Birgu qalilna li "mhux se nitkellem fuq il-kwistjoni tan-nar għax dawk tkellmu u l-pożizzjoni tagħhom hi ċara.  Fejn jidħol l-armar il-biża tagħna hi li hemm kwistjonijiet li jekk jirbaħ il-vot 'Le', faċilment tibda ssir pressjoni fuq kontroversji marbutin mal-armar tal-festi. Id-dilettanti tal-armar jafu b'ilmenti li jsiru tista' tgħid ma' Malta kollha. Ilmenti għax għal ġimgħa waħda biss, jew ġimgħatejn ikun hemm bankini imblukkati b'pilandri jew pedestalli.  Nifhem li ma jkunx hemm aċċessibilità fuq il-bankini bħala meta ma jkunx hemm l-armar. Biss dan ikun għal ftit jiem biss. Imma sfortunatament hawn min ma jirraġunax hekk. Jgħidlek il-bankina irriduha aċċessibbli. Nifhem li b'rebħa tal-vot 'Le', l-aċċessibilità u l-armar ikunu fil-mira".
Dilettant iehor qalilna li "l-festa mhix komposta minn sezzjoni waħda biss. Il-festa għandek il-baned, tal-armar u tan-nar. Jekk għandek sezzjoni li qed tħossha mhedda jekk ikun hemm ir-rebħa tal-"Le" u qed ngħid għal tan-nar, dawk tal-armar u sezzjonijiet oħra m'għandhomx triq oħra ħlief li jappoġġjawhom - għallinqas hekk nifhimha. Meta tneħħi n-nar minn għadd kbir ta' festi Maltin, jispiċċa jintilef il-karattru".
Dilettant iehor meta kkuntattjat minn L-ORIZZONT qalilna li "aħna bħala dilettanti tal-armar nitkellmu bejniethom. Nafu x'riskji hemm. Forsi aħna m'aħniex fil-mira daqs dawk tan-nar. Ma naħsibx li jkun tajjeb li wieħed joqgħod jesprimi fil-pubbliku l-opinjoni ta' kif għandu jivvota. Mill-għaqda qed iħallu l-kulħadd fil-libertà, imma kulħadd jaf kif għal diversi sezzjonjiet il-festi jew elementi minnhom huma fil-mira minħabba ċerti kwistjonijiet. Id-dilettanti tal-armar naħseb li llum jafu x'għandhom jagħmlu u fejn għandhom jivvutaw. Jien l-appell tiegħi hu biex kulħadd juża moħħu". Minn L-ORIZZONT

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home