Wednesday, March 23, 2016


'Grazzja f'diżgrazzja'
         - missier il-Malti ferut fi Brussell

    

"Iġġenint kif sirt naf bl-aħbar li ibni kien wieħed minn dawk li ntlaqtu fl-isplużjoni fl-ajruport ta' Brussels. Kien sejjer l-Istati Uniti. Intlaqat f'dahru. Għandu xi ħruq f'dahru u weġġa ftit rasu. Kellimna ftit ħin wara l-inċident u jidher mhux ħażin. Mort nitlob u nirringrazzja lil Alla. Din hi grazzja f'diżgrazzja. Kien qrib ħafna ta' fejn seħħet l-isplużjoni u setgħet ġiet ferm agħar".  Dawn kienu l-kummenti li għaddielna Charles Vella, emozzjonat għall-aħħar. Charles hu missier Lorenzo Vella ta' 33 sena li lbieraħ kien ferut ħafif fl-isplużjonijiet li seħħew fl-ajruport ta' Brussels. Hu kien akkumpanjat minn martu Cheryl li hi tqila meta kien fl-ajruport u wara li ndarab ittieħed fi sptar militari fi Brussels.
"Ġenn sħiħ… toroq traffikużi fi Brussels kienu deżert"
Ftit minuti wara l-attakki, is-sistema ta' komunikazzjoni bil-mowbajls ma bdietx taħdem u għalhekk inħoloq paniku sħiħ b'familjari Maltin jippruvaw jagħmlu kuntatt mal-qraba tagħhom fi Brussell. Finalment il-komunikazzjoni bdiet issir permezz tas-siti soċjali 'Facebook' u 'Twitter'.
Ħaddiema f'Dar Malta spjegaw kif ħassew il-bomba li seħħet fil-metro, waqt li spjegaw li ngħataw struzzjonijiet biex ma jiċċaqilqux mill-bini.
Yves Cordina meta kkuntattjat qalilna li, "Fil-ħin ta' wara l-isplużjonijiet kien hawn ħafna ġenn. Ibbumbardjaw il-metro ħdejn il-post tax-xogħol fejn naħdem jien. Bdew jgħidu lil kulħadd jibqa' ġewwa."  Spjegalna kif hemm biża' fost in-nies minħabba l-possibbiltà ta' aktar attakki waqt li enfasizza li toroq li s-soltu jkunu mballati bil-karozzi lbieraħ kienu battala.
Omm Maltija li tgħix fi Brussell qaltilna li, "Qed jgħidulna biex kemm jista' jkun kulħadd joqgħod ġewwa.  It-trasport pubbliku jinsab wieqaf. Hawn ħafna Pulizija fit-toroq. Paniku u kaos sħiħ. Wara dak li ġara, issa hawn il-biża' li meta se toħroġ barra m'intix se tkun sigur. Kienet xi ħaġa li kienet ilha tinstema' li tista' ssir. Imma qabel xnigħat biss kienu; issa ġrat. Il-biża' issa qiegħda hemm."
Malti iehor li tkellem magħna lbieraħ filgħodu qalilna li, "L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea bħalissa huma kollha magħluqin. Ingħalqet ukoll is-sistema tal-metro. Tinħass sigurtà kbira fil-belt, b'għadd kbir ta' pulizija u suldati kif ukoll ambulanzi, u t-toroq huma battala min-nies."
minn l-orizzont

No comments:

Post a Comment