Wednesday, March 23, 2016


Maltija miż-Żejtun tagħlaq 108 snin…u għadha tmur 'l kappella darbtejn kuljum

Ta' kuljum għadha tmur għal quddies fil-Kappella. Ta' kull filgħaxija tittieħed ukoll biex titlob fl-istess kappella. Dan minkejja li llum Filomena Muscat, Maltija miż-Żejtun li llum hi residenti f'dar tal-anzjani f'Londra, għalqet 108 snin. In-neputijiet tagħha li llum jgħixu l-Kanada f'kummenti li taw lil inewsmalta.com qalulna li "n-nanna għadha fi spirtu tajjeb ħafna. Hi eżempju għalina ilkoll".
Din qed titqies bħala waħda mill-aktar Maltin li għexu fit-tul. Għal uliedha u n-neputijiet, Filomena Muscat tibqa' dik il-mara li f'ħajjitha ħadmet bla heda biex tgħajjex lill-familja - ibda minn xogħol fit-tarzna, ħasil tal-ħwejjeġ tal-militar Ingliż u meta rtirat b'xogħol volontarju fi sptar Ingliż. Karmena Camilleri, li llum għandha 85 sena u li tiġi it-tifla ż-żgħira ta' Filomena kienet qalet lil inewsmalta.com "lil ommi dejjem niftakarha taħdem għalina." Filomena Muscat imwielda iż-Żejtun, kienet emigrat biż-żewġt itfal tagħha lejn Tuneż.
Karmena Camilleri li llum tgħix il-Kanada, meta kellmitna dwar il-ħajja ta’ ommha tgħid li "ommi tilfet lil missieri meta kienet tqila bija. Jien twelidt f’Jannar tas-sena 1930, u ommi twieldet f’Marzu tas-sena 1908. Apparti lili, ommi kellha ukoll lil oħti l-fustanija Grace li twieldet sena u xahrejn qabli. Kellha tifla oħra li twieldet qabilna iżda dik kienet mietet." "Fil-gwerra u ftit wara konna ngħixu Malta. Jien niftakarni inmorru niġru għal ġo xelter. Niftakar l-isparar u l-bumbardamenti. Fil-gwerra ommi qatt ma waqfet milli taħdem. Biex ngħixu hi riedet taħdem għalina għax missieri kien miet ferm qabel. Kienet taħdem it-tarzna ġo uffiċċju fejn hemmhekk kienet tagħmel xogħol ta’ tindif. Kienet anke ħadmet mal-Qawwa tal-Ajru Ingliża.
Ommi niftakarha wkoll taħsel ħwejjeġ ta’ membri tal-militar Ingliż u ta’ dan kienet titħallas," tenfasizza Karmena. "Niftakar sewwa lil ommi u liz-zija Karm, jaħslu l-ħwejjeġ u jħitu xi buttuni jew isewwu l-ħwejjeġ tal-baħrin. Niftakar sew kien ikollhom ħafna qliezet għat-tiswijiet u għall-ħasil. Jien kont żgħira imma kont ngħin billi nimla l-bramel tal-ilma". Wara l-gwerra emigraw lejn it-Tuneżija... fl-Ingilterra kienet tgħin lill-Maltin Karmena tgħid li "wara l-gwerra eżattament fl-1948, emigrajna lejn it-Tuneżija. Ommi kienet iżżewġet lil ħu missieri.
Fit-Tuneżija ma ħadmitx. Fit-Tuneżija iżda s-sitwazzjoni bdiet issir aktar inċerta fejn jidħlu l-barranin. Peress li ommi kellha passaport Ingliż, peress li Malta kienet għadha taħt il-ħakma Ingliża, iddeċidew li jmorru jgħixu fir-Renju Unit," tkompli tgħid Karmena. Tgħid li "jien lil Malta kont inħobbha ħafna u mit-Tuneżija spiss kont niġi lejn Malta. Meta huma marru lejn ir-Renju Unit, jien mort il-Kanada, fejn bqajt ngħix hemm." "Iz-ziju ta' Dun Gorg Preca kien ibigħilna l-ħalib" Nena tgħid li "niftakar sew ukoll liz-ziju ta' Dun Ġorġ Preca. Kien jiġi jbigħ il-ħalib. Niftakru sew jiġu għand ommi bil-ħalib." Tgħidilna li mbagħad fir-Renju Unit ommha ħadmet f'diversi lukandi u kienet tkun ta' wens kbir għall-Maltin li jitilgħu hemm għall-kura. Ta' min jgħid li Filomena s-sena li għaddiet kienet daħlet fil-lista tal-Maltin li l-aktar li għexu. Fil-fatt l-ixjeħ Maltin li qatt għexu kienu John Mary Farrugia minn Ħad-Dingli li għalaq 106 snin ftit snin ilu u Emanuela Borg minn Ħal Balzan.
Kemm Farrugia kif ukoll Balzan mietu wara li għalqu l-età ta' 106 snin. Farrugia miet fis-sena 2007 u Emanuela Borg mietet fis-sena 2004. Fatti mis-sena 1908 - is-sena li fiha twieldet Filomena Filomena twieldet fis-sena 1908. Id-differenzi kbar bejn dik is-sena u ż-żminijiet tal-lum huma kbar. Dakinhar il-medja tal-ħajja tal-bniedem fl-Istati Uniti kienet ta' 47 sena. Sa dak iż-żmien l-aktar struttura għolja fid-dinja kienet it-Torri Eiffel. Il-paga medja f'xi pajjiżi kienet ta' 22 ċenteżmu fis-siegħa. F'sena, ħaddiem medju kien jaqla' bejn $200 u $400 fis-sena. Inġinier fl-Istati Uniti kien jaqla' $5,000 fis-sena. Ħafna tobba, jew 90 fil-mija tagħhom, ma kellhomx edukazzjoni fil-kulleġġi. Kienu jattendi fi skejjel mediċi. L-1908 kienet is-sena li fiha l-Kanada għaddiet liġi li żammet nies foqra milli jidħlu fil-pajjiż. Kienet ukoll is-sena li fiha l-kawżi prinċipali tal-imwiet kienu l-pnewmonja u l-influwenza, it-tuberkolożi, id-dijarea u mard tal-qalb.
minn inewsmalta

1 comment:

  1. God Bless My Nanna, and my Mom, who is in the pic with her, as well! We are so blessed to have them both still with us!! Thanks Vic for doing my Nan this honour!!

    ReplyDelete