'Missek tqum fil-Parlament u tiddikjara l-interess tiegħek... ilek xhur tagħmel ħsara lil Malta'
Quddiem il-kritika li saritlu għall-fatt li fid-diskors ta'
introduzzjoni tiegħu fil-Parlament ma tkellimx dwar l-ekokontribuzzjoni
ta' 50ċ għal kull lejl f'pajjiżna, il-Ministru għat-Turiżmu, Edward
Zammit Lewis, ikkritika b'qawwa lid-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo.
Dwar l-ekokontribuzzjoni, il-Ministru Zammit Lewis qal li hemm mandat
ta' inibizzjoni l-Qorti u qed jistennew minn ħin għal ieħor digriet
fuqu.
Iħares fiss lejn id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo, il-Ministru
Zammit Lewis qal li, "Ilek xhur għaddej, Onorevoli, biex twaqqaf din
l-inizjattiva. Jien kollox jasalli. Messek tqum fil-Parlament u
tiddikjara l-interess tiegħek għall-ħsara li qed tagħmel lill-pajjiż
biex twaqqaf inizjattiva tajba li minnha se jiggwadanjaw l-operaturi.
Nistennew li jinqata' l-mandat ta' inibizzjoni u nbaxxi rasi
għad-deċiżjoni. Din se ttina €5 miljun fis-sena u dan biex nagħmlu
proġetti importanti għal pajjiżna.”
"X'jagħmilna speċjali? Bini ġgantesk jew it-toroq dojoq ħelwin?” - Marlene Farrugia
Id-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia qabblet il-prodott turistiku
Malti mal-ħobża Maltija. Qalet li l-prodott tagħna rridu naraw kif
nagħmlu biex ikun speċjali. “Bini ġgantesk u moderna li bħalu naraw
mad-dinja kollha? Dan jagħmilna speċjali? Jew il-ħlewwa tat-toroq dojoq?
Jagħmilna speċjali dak il-bini ċkejken li jsebbaħ l-ibliet u l-irħula.
Dawn jagħmlu lil Malta l-attrazzjoni li hi,” qalet il-kelliema.
Żiedet tgħid li, “Inħeġġeġ lill-MTA biex tkun paladin biex tipproteġi
l-prodott li għandna u biex iżżomm bilanċ bejn l-iżvilupp modern u dak
eżistenti. L-appell tiegħi hu li nfittxu u nirriċerkaw kif noħorġu
s-sbuħijiet ta' pajjiżna li sa issa mhux nisfruttaw biżżejjed. Fost dawn
hemm l-ingredjent tal-ambjent naturali tagħna. Il-ftit li baqgħalna,
f'dak li hu ambjent, hu importanti li jidħol fil-prodott turistiku.”
minn inewsmalta.com

No comments:
Post a Comment