"Deskritti persuni difettużi u diżgustanti … dan f'Malta ta' 2016"
- il-Ministru Helena Dalli
"Qed niftakar fil-persuni li fetħu qalbhom miegħi.
Persuna li rrakkontat li meta fittxet għajnuna biex tifhem lilha nfisha,
tawha parir biex tmur għand psikologa li tfejjaq l-omosesswalità. Mhux
aċċettabbli li f'Malta tas-sena 2016 għad hawn individwi li qed ikunu
deskritti bħala 'morda', 'diżgustanti' u 'difettużi'. Ixxukkjajt ruħi
diversi drabi nisma' dak li għaddew minnu f'terapiji ta' konverżjoni
għal persuni li mhux eterosesswali. Xi wħud ikkunsidraw is-suwiċidju.
Qed jiġru u issa se nagħtu soluzzjonijiet għal dawni r-realtajiet. "
Dan sostnietu il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Helena Dalli, hekk
kif fil-Parlament beda jiġi diskuss fl-istadju tat-tieni qari l-abbozz
ta' liġi dwar l-affermazzjoni tal-orjetantazzjoni sesswali, l-identità
tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru. Din il-liġi prattikament titratta
prattiċi fejn persuni jippruvaw jagħmlu terapiji ta' konverżjoni fuq
persuni li mhumiex eterosesswali.
Qalet li "llum hu jum ieħor importanti għal-libertajiet ċivili. Mhux
biżżejjed li nagħmlu l-liġijiet imma rridu nbiddlu l-kultura biex
verament inkunu soċjetà miftuħa u inklussiva. Għal din in-naħa tal-Gvern
kulħadd hu mwieled indaqs u li nwaqqgħu l-ħitan ta' preġudizzji li
inbnew tul iż-żmien. Ħadd ma jagħżel kif jitwieled u ħadd m'għandu jkun
penalizzat għall-mod kif twieled. Hawn bosta persuni li jbatu biex
jaċċettaw lilhom infushom kif inhuma u dan minħabba id-diskriminazzjoni
li jiffaċċjaw jekk jikxfu l-identità tagħhom. Ġenituri f'Malta imbuttaw
tfal biex imorru għand psikjatra jew prattiċi ta' konversjoni. Lil dawn
il-ġenituri ma ntihomx tort. Min jieħu lil uliedu għal dawn il-prattiċi
żgur li għax huma mingħalihom li qed jagħmlu l-aħjar għat-tifel jew
tifla. It-tort intih lil min jilludihom u jwegħduhom li se jbiddel
lit-tfal tagħhom u se jġibhom eterosesswali. Qed tagħtihom tama falza,
tieħu l-flus flok turihom kif għandek timxi mat-tfal biex ikunu
assertivi u jgħelbu l-ibbuljar. Nafu b'każijiet fejn saru prattiċi ta'
konverzjoni kemm minn professjonisti u anke minn persuni reliġjużi."
Enfasizzat li "l-prattika tal-konverzjoni hi dik li tipprova trażżan
jew tibdel l-identità tal-ġeneru. Dawn il-prattiċi m'għandhom ebda bażi
xjentifika u hi bbażata fuq il-preġudizzju. Il-Knisja kienet naqset
milli tagħraf l-uġiegħ li dawn il-prattiċi ta' konverżjoni jikkawżaw fuq
i-ġenituri u l-ulied iżda wara stqarrija li nħarġet minn grupp ta'
ġenituri Kattoliċi, l-Arċisqof Scicluna kien qal li ma jaqbilx ma'
prattiċi ta' konverżjoni."

No comments:
Post a Comment