Suċċess minkejja ħajja iebsa
…mill-kura tas-sorijiet Maltin għal ħajja fl-Istati Uniti u issa b’kumpanija speċjalizzata
Imwielda f’villaġġ remot fil-provinċja Etjopjana ta’ Wollo. Iċ-ċirkostanzi tal-ħajja wasslu biex l-ewwel kura u l-ewwel imħabba rċeviethom mingħand is-sorijiet Franġiskani Maltin li hemm fl-Etjopja. L-ofranatrofju Kidane Mehret immexxi minn dawn is-sorijiet kien tista’ tgħid l-ewwel dar tagħha. Abai jew l-isem proprju tagħha Abynesh, kif jiġri lil għadd ta’ tfal oħrajn f’dan l-orfanatrofju, ġiet adottata minn koppja mill-Istati Uniti. Koppja magħrufa għall-karità li tagħti. Abai iżda qatt ma nsiet lis-sorijiet Franġiskani Maltin. Ta’ spiss tmur iżżurhom. Ftit tax-xhur ilu, meta waħda mis-sorijiet kienet f’pajjiżna u semmejtilha li għamilt kuntatt ma’ Abai, mill-ewwel bdiet titkellem fuqha. Abai, minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli li sabet ruħha fihom meta kienet żgħira illum qed tagħmel isem għaliha nfisha. Irnexxielha twaqqaf kumpanija speċjalizzata. L-isem tagħha hu ZAAF. Dan l-isem ifisser siġra. Fl-aħħar ġimgħat il-prodotti tagħha bdew jidhru ukoll fi swieq magħrufin fosthom f’Ruma. Abai meta tkellmet ma’ l-orizzont qaltilna li “bħala persuna li għandi intrapriża żgħira irrid nagħmel xogħli b’paċenzja kbira. Meta konta l-iskola u l-kulleġġ fl-Istati Uniti, jien kont ngħaddi ħafna mill-vaganzi tas-sajf fl-Etjopja. Kien f’dan iż-żmien li kelli l-opportunità li ngħaddi żmien b’xogħol ma’ kumpanija privati u anke mal-gvern fl-Etjopja. Kien fl-istess żmien ukoll li għamilt xogħol volontarju ma’ għadd ta’ għaqdiet mhux governattivi”. “Kienu esperjenzi uniċi, li tawni l-opportunità li nħares lejn xogħlijiet differenti fl-Etjopja. Kienu esperjenzi li għenuni biex ningħaqad ma’ dak li hu Etjopjan kemm b’mod kulturali kif ukoll mil-lat emozzjonali. Fhimt ukoll l-isfidi li hemm fir-reġjun fil-preżent. Għamilt ir-riċerki tiegħi u t-teżi universitarja tiegħi kienet fuq is-settur tal-manifattura fl-Etjopja,” tgħid Abai Schulze. Abai tgħidilna li “wara li ggradwajt mill-Università ta’ Washington, ħdimt ma’ aġenzija tal-Gvern u wara mal-Ashoka - għaqdiet non governattiva. Din tippromwovi li wieħed jiftaħ intrapriża. Kien hemm ħafna li qasmu l-esperjenzi miegħu u dawn ispirawni. Bdejt nippjana li niftaħ negozju. Iddeċidejt li nmur lura lejn Addis Ababa - il-kapitali tal-Etjopja u hemmhekk bnejt il-kumpanija ZAAF. Din tiffoka fuq prodotti ta’ kwalità għolja magħmulin minn ġlud u maħdumin minn nies tas-sengħa fl-Etjopja”. “Ridt nikkonvinċihom li ridt bis-serjetà niftaħ negozju” Tgħid li “jien kbir f’ambjent fejn kien hemm min kultura intraprenditorjali. Din kienet fortuna. Għamilt ċara ma’ ħbiebi u anke mal-familjari tiegħi li jien kont qed nitkellem bis-serjetà meta għdit li rrid niftaħ negozju u nieħu r-riskji. F’Addis Ababa kelli nibda nagħmel il-kuntatti ma’ dawk involuti fis-settur. F’dan in-negozju kellu nilbes diversi kpiepel. Fl-Etjopja, l-affarijiet u d-deċiżjonijiet iduru madwar il-familja u l-ħbieb. Tgħallimt nibni relazzjoni onesta u sinċiera qabel nibda naħdem ma’ xi ħadd. Fl-Etjopja il-liġijiet dwar in-negozju jinbidlu kontinwament u mhux dejjem ikunu implimentati b’mod tajjeb. Ix-xibka ta’ nies li tibda taħdem magħhom jgħinuk tibqa’ informata f’dan l-ambjent amibgwu”. Abai tgħidilna li “ħafna mill-artiġġjani li naħdem magħhom mhux bilfors ikollhom uffiċċju. Ħafna drabi jkunu jridu nofs il-ħlas qabel ix-xogħol jitlesta. Kelli esperjenzi fejn persuni sparixxew bil-flus wara li jien inkun ħallast somma tajba. Jien privileġġjata li għaddejt minn għadd ta’ esperjenzi uniċi u privileġġjati, u li llum qiegħda ninvestihom lura fil-pajjiż li twelidt”.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home