L-ewwel dimostrazzjoni f'Benghazi fis-sena 2011 quddiem il-Kateeba - bażi miliari. |
"Ma nafux fejn qegħdin…..din mhix
ir-rivoluzzjoni li ġġilidna għaliha"
- Libjani fir-raba' anniversarju mindu bdiet ir-rivoluzzjoni
"Ma nafux fejn qegħdin". 'Qegħdin fid-dlam". "Dak li qed nesperjenzaw illum mhux dak li ġġilidna għalih fir-revoluzzjoni'". "Mhux se naqtgħu qalbna'. Dawn kienu l-kummenti li għaddew lil L-ORIZZONT diversi Libjani fil-Libja, meta mistoqsijin jikkummentaw dwar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha llum, eżattament fir-raba' anniversarju minn mindu bdiet ir-rivoluzzjoni kontra l-Mexxej tar-Rivoluzzjoni Libjana Muammar Gaddafi.
Nitkellmu ma' Farag residenti fil-kapitali Libjana u jgħidilna li "llum qegħdin f'sitwazzjoni fejn ma tistax titkellem - ma tistax tiftaħ ħalqek. Is-17 ta' Frar hi l-ġurnata tat-tama u tal-ħolm. Il-ġurnata li fiha inbdiet il-ġlieda għal bidla fil-Libja. Kienet ġurnata li fiha l-poplu Libjan kollu tkellem u esprima l-vuċi tiegħu. Ġurnata mistennija wara dittatura ta' 42 sena. Illum meta nħares lura u nara fejn qegħdin, ngħid li qegħdin fid-dlam. Pajjiż b'żewġ gvernijiet. Milizzji f'anarkija. Estremisti barranin jieħdu żoni fil-Libja. Tensjoni ta' kuljum. Ngħid li llum ninsabu fid-dlam. Illum ninsabu f'pożizzjoni fejn m'għandniex għażla li nmorru lura. Nazzarda ngħid li llum qegħdin f'pożizzjoni li ma nafx jekk dak li nbeda erba' snin ilu kien għall-aħjar jew le".
Nistaqsieh dwar il-futur u jgħid li "mhux se naqtgħu qalbna. Kull min iġġieled kontra r-reġim erba' snin ilu, qed jgħid li din mhix ir-rivoluzzjoni li ġġilidna għaliha. Kien hawn ħafna żgħażagħ li ġġieldu kontra r-reġim u meta l-battalja intrebħet warrbu l-armi u komplew bi triqithom. Imma sfortunatament, is-sitwazzjoni iddeġenerat bil-milizzji li ngħaqdu kontra r-reġim jiġġieldu bejniethom. Imma mhux se naqtgħu qalbna. Mhux se nitilfu t-tama".
Nader El Gadi, żagħżugħ Libjan li kien ingħaqad ma' waħda mill-milizzji li finalment daħlet fi Tripli, jiddikjara ċar u tond li "ma jiddispjaċinix li kelli ħolma biex il-ħajja tkun aħjar. Għad jiġu żminijiet aħjar".
Jazia Benomran, residenti fl-Istati Uniti iżda kienet waħda li marret il-Libja ftit wara r-rivoluzzjoni. Il-kummenti tagħha huma ċari ħafna. "Erba' snin ilu kellna ħolma li ngħixu f'Libja ħielsa. F'rivoluzzjoni ta' tmien xhur tlifna ħafna biex finalment il-ħolma tkun realtà. Il-flus u l-egoiżmu rikbu fuq kollox. Dak li kellu jkun ostaklu żgħir fit-triq tal-libertà, spiċċa f'ħafna ostakoli. Illum qegħdi inweġgħu aktar minn qatt qabel. Wisq tkissir u qerda. Intilfu ħafna ħajjiet innoċenti. Illum it-terrur hu ħafna akbar. Għaliex it-theddid mill-milizzji? Għaliex l-affarijiet marru daqshekk ħażin? Din mhix il-ħolma li kellna. Din mhix il-Libja li ridna. Nitlob għal għaqda bejn il-Lvant u l-Punent tal-Libja. Nitlob biex il-mexxejja li hemm jaħdmu flimkien u biex jiġġieldu lill-estremisti. Illum ngħid li bis-sitwazzjoni fil-Libja m'hemmx x'tiċċelebra l-anniversarju tas-17 ta' Frar".
Nasser Busen, Libjan li kien wieħed milli għen biex għajnuna minn Malta tasal lejn Misrata, jgħid li "kellna ħolma ta' Libja demokratika. Din ma mmaterjalizzatx. Illum għandna pajjiż f'ħafna inkwiet. Imma mhux se naqtgħu qalbna".
'Jekk jibqa' ma jkunx hemm qbil in-
Nazzjonijiet Uniti se jkollha tintervjeni"
Intant Bernardino Leon, ir-rappreżentant speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u Kap tal-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja, iddikjara li wasal iż-żmien li d-diskussjonijiet dwar il-Libja jagħtu r-riżultati u jekk jibqa' ma jintlaħaqx ftehim bejn il-partijiet kollha involuti, in-Nazzjonijiet Uniti se jkollha tintervjeni bilfors.
Leon qal li l-Libja tinsab fix-xifer ta' kollass ekonomiku, finanzjarju u politiku u wasal iż-żmien li t-taħditiet jagħtu riżultati konkreti. Dan mhux biss għall-ġid tal-Libja biss imma wkoll tal-pajjiżi Afrikani u Ewropej qrib tagħha, fosthom Malta.
Żied jgħid li l-partijiet kollha ltaqgħu għall-ewwel darba l-Ħamis li għadda u l-ewwel prijorità hi li jintlaħaq ftehim bejniethom. Jekk il-ftehim ma jintlaħaqx, fil-jiem li ġejjin il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jintalab jieħu azzjoni konkreta.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home