Il-mewt ta' Rakhat Aliyev f'ħabs fl-Awstrija……..
"Filmati tas-CCTV bil-lejl
kienu vojta….ma nemminx li miet b'suwiċidju'
- Irina Petrushova, wara li rat il-fajls tal-Pulizija
Vjaġġ li kellu jsir mill-Polonja lejn Madrid bl-ajruplan spiċċa ġie kkanċellat. Fuq dak il-vjaġġ kellu jkun hemm Irina Petrushova, ġurnalista mill-Każakstan, li finalment spiċċat kellha titlaq mill-pajjiż minħabba theddid serju fuq ħajjitha. Il-mewt ta' Rakhat Aliyev f'ħabs fl-Awstrija kienet il-kaġun li kkanċellat il-vjaġġ, fejn hi immedjatament bdiet l-investigazzjoni tagħha fuq il-każ. Minn dak li rat mill-fajls tal-Pulizija u minn filmati tas-CCTV, Irina temmen li Rakhat Aliyev m'għamilx suwiċidju. Fi kliema stess, ix-xena tad-delitt ma ġietx priservata, il-Pulizija marru sagħtejn wara, waqt li hu ċar li Aliyev ingħata pilloli tal-irqad, pilloli li min jeħodhom ma jqumx f'nofs ta' lejl - il-ħin li fih miet Aliyev f'ċirkostanzi li juru li sar tgħalliq.
Irina li fl-aħħar sigħat kienet f'pajjiżna fejn ġiet tixhed f'kawża fil-Qrati Maltin b'rabta ma' assi iffrizati, iltaqgħt ma' it-Torċa u tkellmet dwar l-aħħar żviluppi fil-każ tal-mewt ta' Rakhat Aliyev.
Tgħidilna li "l-ewwel u qabel kollox ngħid li nemmen li Rakhat Aliyev ma għamilx suwiċidju. Anki jekk se jkun hemm dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet Awstrijaċi li hu suwiċidju, nemmen li mhux. Minn dak li investigajt sa issa mill-fajls tal-Pulizija fl-Awstrija, ma sibt ebda prova li turi li kien suwiċidju. Kemm mill-fajls tal-Pulizija fl-Awstrija u anke mill-filmati tas-CCTV, ma rajtx li hemm provi li juru li kien suwiċidju. L-ewwelnett jirriżulta bl-aktar mod ċar li l-uffiċjal tas-sigurtà daħal fit-tojlit taċ-ċella ta' Aliyev u sabu mejjet, qata r-reċipjenti li kienu m'għonqu u dan wassal biex il-ġisem tiegħu waqa' ma' l-art. Il-post fejn ġara, dan ma ingħalaqx. Apparti dan, il-Pulizija marru fuq il-post sagħtejn wara li Aliyev instab mejjet. Sa dak il-ħin fiċ-ċella kienu qed jidħlu u joħorġu diversi barranin. Ix-xena tad-delitt ma ġietx priservata. Ma nafux eżattament f'liema pożizzjoni instab. Hu nstab mgħallaq mhux ma' xi saqaf imma ma xi ħaġa ħafna aktar 'l isfel. Espert mediku li tkellimt miegħu irrimarkali li biex tagħmel suwiċidju hekk, ried jaqta' saqajh minn mal-art u b'dan il-mod bata' ħafna. Imma fil-post kien hemm il-wajer tal-latpop u tat-televixin, għaliex ma intużawx dawk?"
Irina tkompli tgħid li "fuq is-sodod li kien hemm fiċ-ċella tiegħu, kollox kien qed juri li kien qed jipprepara għas-seduta tal-Qorti li kellu l-għada. Il-ħwejjeġ mitnijin puliti u d-dokument ippustjati. Mill-fajl tal-Pulizija Awstrijakka jirrizulta li għal ħabta tal-10.00 ta' bil-lejl, Aliyev ingħatat pilloli tal-irqad. L-esperti mediċi kkonfermawli li meta tieħu dawn il-pilloli mhux se tqum f'nofs ta' lejl u hawnhekk hawn il-mistoqsija l-oħra għax Aliyev miet għall-ħabta tat-3.00 ta' filgħodu. Il-pilloli ma ngħatawx mill-infermier imma minn uffiċjal tas-sigurtà. Issa mill-awtopsja li saret instabu sustanzi li huma projbiti fl-Awstrija".
Ma nistgħux ma nistaqsuhiex punt kruċjali - dak ta' x'juru l-kameras tas-CCTV bejn l-10.00 ta' bil-lejl meta ngħata l-pilloli u s-2.00 jew it-3.00 ta' filgħodu meta instab mejjet. Deher dieħel xi ħadd fiċ-ċella tiegħu?.
Irina tgħidilna li "minn dak li intqal lili, il-Pulizija qed jgħidu li din il-parti tas-CCTV hi vojta u mhemm xejn irrekordjat. Li nista' ngħidlek hu li jien tkellimt ma' eks priġunier li kien fl-istess ħabs. Hu għamel allegazzjonijiet li fil-ħabs ġieli ddaħħlu prostituti u anke ingħataw drogi lill-ħabsin. Jiġifieri fil-ħabs jistgħu jidħlu persuni minn barra. L-investigazzjoni fuq il-mewt ta' Aliyev għadha għaddejja. Hemm min iridha tidher li hi suwiċidju, kemm fir-Russja u anke fil-Kazakstan. Nemmen li fl-Awstrija l-Pulizija qishom ma tantx għandhom ħeġġa jinvestigaw dan il-każ biex tinħareġ il-verità".
Enfasizzat li "irrid ngħid li membri tas-servizz sigriet tal-Każakstan illum jinsabu jiġru mal-Ewropa kollha bla biża. Jispiċċaw isegwu persuni imfittxijin u anke jagħmlulhom theddid".
Tkellimna ma' Irina dwar il-fatt li spiċċat kellu titlaq minn pajjiżha il-Każakstan, għalkemm illum xorta għandha ġurnal onlajn. Staqsejniha kemm hu diffiċli li xxandar meta tkun bogħod minn pajjiżek. Hi tgħidilna li "inxandar onlajn u ma nsibhiex daqshekk diffiċli. Hemm diversi għodod x'wieħed jista' juża".
Irina Petrshuhova fis-sena 2000 kienet waqqfet il-ġurnal ta' kull ġimgħa 'Respublika' - ġurnal li kien iġib aħbarijiet ekonomiċi u marbuta man-negozju fil-Każakstan. Ta' spiss bdiet tippubblika stejjer bi kritika kontra r-reġim tal-President Nursultan Nazarbayev. Il-ġurnal beda jippubblika stejjer fuq skandli finanzjarji u nepotiżmu rampanti. F'waħda mill-isejjer 'Respublika' żvelat kif Nazarbayev kien poġġa $1 biljun li ddaħħlu minn negozju taż-żejt tal-Istat, f'kont Żvizzeru. Il-gvern kien qal li dankien fond ta' emerġenza. Ir-reġim tal-Każakstan quddiem stejjer bħal dawn għamel tentattiv biex jixtri parti mill-ġurnal. F'Jannar tas-sena 2002, pubblikaturi bdew jirrifjutaw li jistampaw il-ġurnal u dan wara li wieħed minnhom sab ras ta' skeletru wara l-bieb. Il-ġurnal ittella' l-Qorti u kien ordnat ma jiġix ippubblikat aktar, iżda dan ġie evitat meta l-ġurnal beda joħroġ taħt l-isme ta' 'Not That Respublika'.
Irina Petrushova bdiet ukoll tkun suġġetta gġal attakki. Fil-Jum Internazzjonali tal-Malra, intbagħatitilha kuruna ta' fjuri bħal dawk li jintużaw fil-funerali. F'okkażjoni oħra kelb bla ras tpoġġa mal-uffiċini tal-ġurnal b'sikkina b'nota magħha tgħid li mhux se jkun hemm ċansiehor. Ras il-kelb tpoġġiet barra d-dar tagħha. Tlett ijiem wara, l-uffiċini tagħhom kienu assedjati u nħarqu. Hi telqet mill-pajjiż u llum tippubblika l-ġurnal onlajn.
Minn it-Torċa
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home