Wednesday, March 30, 2016

Xebgħa minn bouncers f'Paceville

Il-ġurnal L-ORIZZONT fil-ħarġa tal-lum jgħid li wara d-diversi każi li kien hemm fl-aħħar ġimgħat ta' allegati swat minn bouncers ta' stabbilimenti tad-divertiment f'Paceville, nhar il-Ħadd feġġ każ ieħor fejn żagħżugħ ta' kważi 19-il sena allegatament qala' xebgħa minn tlett bouncers. "Kienu tlett bouncers fuq kull persuna. Qlajt daqqa ta' ponn u tefgħuni fl-art. Wara komplew ituni bis-sieq u bl-idejn", qal iż-żagħżugħ lil L-ORIZZONT. Akkumpanjat minn missieru, it-tifel u l-missier enfasizzaw li qed jistennew li ssir ġustizzja hekk kif iż-żagħżugħ jinsab f'pożizzjoni li jagħraf lil dawk li sawtuh allegatament għal xejn b'xejn.   Waqt li wieħed faċilment jara li l-istatura ta' dan iż-żagħżugħ mhix waħda robusta, il-missier qajjem il-mistoqsija kif dan spiċċa mdawwar minn tlett bouncers li baqgħu ituh anki meta kien mal-art. L-istess missier staqsa dwar x'inhu r-rwol tal-bouncers hux dak li jżommu l-ordni u jaraw li ma jinqalax inkwiet, jew inkella li joħolqu s-swat u t-tensjoni huma stess.
L-ORIZZONT spjega kif bħala ġurnal għandu d-dettalji ta' fejn kienu jaħdmu dawn il-bouncers iżda għalissa mhux se jippubblikawhom biex ma jfixklux l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Iż-żagħżugħ qal lil L-ORIZZONT  li "kien nhar il-Ħadd fis-7.30 ta' filgħaxija meta jien kont ma' sħabi fi stabbiliment partikolari.  Kollox kien normali u jien kont qed nitkellem meta f'daqqa waħda nara grupp ta' nies jersqu  kollha lejn naħa. Nara ġlieda bejn bouncer u ħabib tiegħi. Ersaqt u wara li tefgħu  lil sħabi l-barra, jien ħriġt barra. Jien ma ndħaltx fil-ġlieda.  Il-bouncers bdew allegatament jagħmlu sinjali lil sħabi. Dak il-ħin jien kont nieżel l-isfel lejn it-taraġ.  Kif dawwart wiċċi rajthom jiġġieldu. Demmi ma tanix. Bdejt ngħidilhom ma jiġġildux. Ġie bouncer u qalli inti se timbuttani. Qas tani ċans naħseb, għax allegatament tani daqqa ta' ponn".
Iż-żagħżugħ allega li "bid-daqqa ta' ponn spiċċajt mal-art. Ġew tnejn oħra allegatament ituni bis-sieq u bl-idejn. B'kollox kienu tlieta. Waqfu jtuni u kif rajt li mhux qed naqla' qomt minn mal-art. Wiċċi kien kollu demm. Qasmuli mnieħri u farrġuni.  Qomt u mort fi stabbiliment ieħor naħsel wiċċi. Nies li ma nafhomx ġabuli tissues biex nimsaħ wiċċi."
Kompla  jgħid li "wara mort il-poliklinika ta' Raħal il-Ġdid. Hemmhekk wassluni sħabi. Rani tabib u qalli li aktarx li għandi mnieħri miksur. Hu qalli li aħjar inmur l-emerġenza. Hemmhekk ratni tabiba u qaltli m'għandekx ksur u għandi nmur ġimgħa oħra."
Hu spjega li dwar dan l-allegat każ sar rapport fl-Għassa ta' Birżebbuġa. It-Tnejn wara nofsinhar sar kuntatt mill-Pulizija maż-żagħżugħ fejn staqsewh jekk  jagħrafx lill-aggressuri, bir-risposta tkun fil-pożittiv.
Il-missier qalilna li "qed nistennew li ssir ġustizzja. La ma kienx involut fil-ġlieda ma nippretendix li jiġi msawwat. Allegatament kien hemm tlett bouncers ma' ġuvni ta' 19-il sena. Nistaqsi jien dawn x'inhu xogħlhom iwaqqfu l-ġlied jew isawwtu", temm jgħid il-missier.
minn L-ORIZZONT

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home