Sunday, January 25, 2015







"Kull ma rridu hu li nirritornaw fi djarna u ngħixu fil-paçi'….

'Il-maħrubin'……kull familja
bit-traġedja tagħha
      - Maria Lozano, fi żjara lill-insara fl-Iraq


'Dort id-dinja.  Rajt ħafna tbatijiet u sofferenzi.  Dak li esperjenzajt fost l-insara f'Erbil fl-Iraq ħalla l-marka fuqi. Sakemm indum ħajja dawk l-esperjenzi ma ninsihom qatt. Rajt l-uċuħ tal-ommijiet, missirijiet u tfal. Uċuħ ta' dieqa, tensjoni u inċertezza.  Smajt l-istejjer li daħlu f'qalbi. Rajthom u smajt l-istejjer ta' dawk li huma xhieda tal-ġenoċidju - l-attakk fuq kultura u ċivilizazzjoni li tmur lura mijiet ta' snin.  Kull familja għandha it-traġedja tagħha. Kull familja għandha qraba li ġew maqtulin jew massakrati. Ma ninsa' qatt il-mument li ltqajt ma' żewġ ġenituri. Kienu jgħixu Qaraqosh  - belt nisranija. Tnejn minn uliedhom inqatlu mill-bomba tal-ISIS (Stat Iÿlamiku). Kellhom jaħarbu.  It-tifel l-iehor li baqa' ħaj ukoll sofra xi ġrieħi.  Sibtu  mitluq fl-art. Ma kienx jaf li ħutu inqatlu. Kif ratni ommu ħarġet ritratt tat-tfal mejtin. Għannqitu magħha. Bkiet. Ħallitni bla kliem. Bdejt nistaqsi lili nnifsi x'nista' nagħmel għal din il-mara.  Kif nista' nwaqqaf din il-bikja? Għaddiet minn tbatija kbira. Bkejt magħha. Għannaqtha. Għidtilha li kull ma nista' nagħmel hu li nwassal l-istorja tagħha lid-dinja. Ngħid lin-nies jitolbu għalikom".
Dan sostnietu ma' it-Torċa, Maria Lozano, li ftit tal-ġimgħat ilu kienet f'Erbil fl-Iraq fejn iltaqgħet mal-familji Insara li kellhom jaħarbu minn fejn kienu jgħixu minħabba l-persukuzzjoni tal-ISIS.  Maria Lozano, li hi assistent direttur ma' l-organizazzjoni 'Aid to the Church International'. Iż-żjara tagħha kienet parti mill-ħidma ta' din l-organizazzjoni - li anke għandha fergħa f'Malta. Din l-organizazzjoni bil-missjoni tagħha mhux biss riedet tara minn x'hiex għaddew l-insara iżda anke riedet turi s-solidarjetà magħhom u turihom li m'humiex waħedhom.  Dan apparti l-għajnuna materjali u finanzjarja li ngħatat.
Meta tkellmet mat-Torċa dwar l-esperjenza tagœha, Maria Lozano, qaltilna li "s-sofferenzi tal-insara fl-Iraq huma indeskrivibbli. Diæa kienu f'sitwazzjoni ħażina qabel.  Iltqajt ma' refuġjati insara Iraqqini fit-Turkija, il-Libanu, il-Ġordan u anke l-Ġermanja. Ħarbu mill-persekuzzjoni u d-diskriminazzjoni.  Imma issa is-sofferenzi ġew elevati għal livelli li qatt ma kienu fihom qabel. Litteralment qed jiffaċċjaw il-mewt kuljum".
"Jekk tieħu l-mument ta' bħalissa issib li dawn l-insara kważi m'għandhom xejn. Ħarbu minn fejn kienu jgħixu u spiċċaw jgħixu f'bini nofs mibni jew abbandunat.  Oħrajn spiċċaw jgħixu fi skejjel, swali jew ċentri sportivi.  Jorqdu mal-art.  Ilma u ikel jiddependu mill-karità.  Ma' dawn iridu jiffaċċjaw u jiġġieldu in-nuqqas ta' tama li teżisti għal ħajja aħjar.  Il-mistoqsija li jagħmlu hi 'meta se tintemm din l-inċertezza u tensjoni?  Kif jaraw lil xi ħadd bħalna mill-ewwel jgħidulna 'tistgħu tgħinuna noħorġu minn hawn?  Irridu nibdew ngħixu mill-ġdid?  Jafu li qed jgħixu iżda m'għandhom xejn".

Erbil - realtà moħbija…..
……residenti mistoħbijin

Lozano tgħid li "l-belt ta' Erbil tolqtok mill-ewwel. Fil-bidu tiġbdek mill-ewwel l-arja ta' paċi li hemm  M'hemm xejn x'jurik li f'dan il-mument f'din il-part tad-dinja, id-destin ta' eluf ta' familji jinsab imdendel. Ma tara u ma tisma' xejn li jurik kunflitt, imma l-forzi tal-ISIS jinsabu biss 25 kilometru bogħod. Ir-realtà f'din il-belt hi moħbija fil-knejjes, bini li għadu qed jinbena u fl-iskejjel.  Fihom issib eluf ta' refuġjati.  Fi 22 post imxerrdin ma' din il-belt, qed isibu rifuġju xejn inqas min 70,000 insara".

Qaraqosh żvojtjat…..baqa' biss
dawk li ma setgħux jaħarbu - morda u anzjani

Maria tgħid li "kien fil-bidu ta' Awwissu meta l-Peshmerga - ġellieda li kienu jiddefendu żona fit-tramuntana ta'  Mosul, irtiraw.   Kif seħħ dawn bdew neżlin il-bombi sparati mill-ġellieda tal-ISIS fuq id-djar tar-residenti. L-ewwel żewġ vittmi kienu żewġ itfal, David u Mirat. Inxtered l-allarm mill-ewwel - li l-ISIS jinsabu fil-qrib. Qaraqosh minn belt ta' 50,000 nsara, spiċċat battala għax kulħadd ħarab. Kienu l-anzjani u l-morda biss li baqgħu hemm".
"Mar-residenti ta' Qaraqosh ingħaqdu nsara oħra minn villaġġi fil-qrib fosthom Bartella u Karemlesh. Hu stmat li fi spazju ta' ftit jiem xejn inqas minn 100,000 persuna bi twemmin nisrani ħarbu minn djarhom. Id-destinazzjonijiet tagħhom kienu Duhok, Zahko u Erbil. Hi diffiċli ħafna biex timmaġina l-paniku li ħakem lil dawn in-nies. Dawn ħarbu u ħallew kollox warajhom. Kull ma kellhom fuqhom kien biss  basktijiet bil-ħwejjeġ. Ħafna minn dawn in-nies esperjenzaw il-ħtif tal-belt ta' Mosul mill-forzi tal-ISIS fil-bidu ta' Ġunju. Dakinhar fi spazju ta' ftit sigħat l-ISIS ħatfu Mosul u ħadd ma pprova jiddefendiha. La l-politiċi u lanqas l-armata. F'Mosul kull familja għandha x'tirrakkonta, sofriet mit-traġedji."
"Dan hu hija Salman. Kellu 43 sena. Sparawlu tlett darbiet f'rasu. Kien ilu jgħix f'Mosul ħames snin".  Maġenbu jkun hemm ommu.  Hi tieħu r-ritratt min idejn binha u żżommu bejn idejha.  Għajnejha mimlijin bid-dmugħ. Huma ħarbu  minn Mosul u sabu rifuġju f'villaġġ qrib il-monasteru antik ta' Mar Mattai (San Mattew). Hemmhekk kellhom xi qraba u ħasbu li kienu siguri. Imma l-avvanz tal-ISIS wassal biex anki minn hawn kellhom jaħarbu".

'Tilfu l-art u djarhom…..mhux
gœalina ninkwetaw imma gœat-tfal"
Maria Lozano titkellem ukoll ma' Yacoub - wieħed mir-refuġjati.  Mixħut fl-art u saqajh kollha feriti. Yacoub ħarab flimkien mal-erbat itfal tiegħu minn Mosul. Marru Al Qosh iżda minn hemm kellhom jerġgħu jaħarbu. Hu tilef l-artijiet li kellu. Tilef daru u dak kollu li kien jipposjedi.  Imma mhux il-ġrieħi li għandu l-aktar li jinkwetawh imma x'se jkun il-futur ta' uliedu".

Tfal miġburin ikantaw……
…..ma tarax ġugarell wieħed
F'Mangesh, Lozano sabet  diversi familji bit-tfal, jgħixu fit-tined.  "Rajt lil waħda mit-tfal imdawra b'għadd ta' tfal. Kienu qed ikantaw. 'Kulħadd iħobbni, kulħadd iħobbni' kienet l-għanja tagħhom. It-tfal li ma jifhmu xejn fil-gwerer ma jafux x'inhi mibgħeda u massakri, ma kinux qed jinkwetaw fuq il-futur. Hi stramba  kif tara daqstant tfal jilagħbu flimkien imma ma tarax ġugarell jew pupa waħda. Ħafna mit-trabi li kien hemm kienu ukoll mal-art.

"X'għamlet binti biex spiċċat
tgħix f'kamra ma' tmien familji?"
"Iltqajt ma' Sieiman. Kien qed iżomm lil bintu ta' tlett snin f'idejh. 'X'għamlet binti biex spiċċat tgħix f'kamra ma' tmien familji u kellha tħalli l-art fejn kienet tgħix?".  Maria tibqa' impressjonata bil-kundizzjonijiet inumani li fihom qed jgħixu dawn l-insara maħrubin.
"Jorqdu fuq saqqijiet mal-art. Ikel u ilma mogħti lilhom mill-knisja tal-lokal.  Sħana infernali.  Fit-tined li twaqqfu f'Erbil, li fihom qed jgħixu dawk li ma sabux postijiet fil-knejjes u skejjel, issib tmien persuni ġo kull tinda.  Matul il-ġurnata fit-tinda jkun hemm sħana kbira li xi drabi tlaħħaq 48 grad.  Bil-lejl hemm ir-riskju ta' gdim minn ġrieden u skorpjuni.

L-ittra N mal-bibien….il-ħarba
Munira Aziz illum għandha 74 sena. Tiddeskrivi l-mumenti ta' meta l-ISIS bdew jattakkaw Mosul.  "Smajna l-isparar wara l-bieb tad-dar. Konna nafu li t-terroristi kienu qed joqtlu l-insara. Ittamajna li xi ħadd jiġi u jipproteġina. Inqfilna fi djarna. Domna jumejn hemm. Finalment ħrabna bil-lejl".
Meta l-ISIS daħlu f'Mosul huma ħabbru li trid tiġi segwita ix-Sharia, bid-djar tal-Insara bdew jiġu immarkati bl-ittra 'N' li tfisser 'Nasare' jew Nazareth. Ir-residenti intalbu jaqilbu għall-Islam jew imutu. Ħafna spiċċaw ħarbu.
Munira tgħid li hi flimkien ma' sitt membri tal-familja ħarbu l-ewwel lejn Qaraqosh iżda sabu li anki hawn kienu waslu tal-ISIS.  Minn hemm huma marru lejn Erbil.  F'Erbil huma għamlu jiem jiġru fit-toroq għax ma setgħux isibu saqaf fuq rashom.  Raqdu fil-ġonna u fit-toroq, qabel iddeċidew li jimxu minn hemm. "F'Erbil rajna l-Insara kullimkien. F'kull ġnien li morna u fit-toroq. Ma jafux fejn se jaqbdu jmorru", tgħid Munira.

L-ISIS akkużati bi qtil ta' nies ċivili, ħtif u stupru
Ta' min jgħid li n-Nazzjonijiet Uniti qed jakkużaw lill-Grupp Militanti għall-Stat Iżlamiku (ISIS) b'akkużi kontra d-drittijiet tal-bniedem. Fost l-akkużi hemm dak ta' delitti kontra l-umanità. In-Nazzjonijiet Uniti qalet li l-abbużi twettqu bejn is-6 ta' Lulju u l-10 ta' Settembru fl-Iraq.
L-akkużi saru f'rapport li inkiteb wara li uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għamlu madwar 500 intervista ma' nies li sofrew minn azzjonijiet tal-ISIS. Irriżulta li l-ISIS attakkaw b'mod dirett nies ċivili u l-infrastruttura tal-pajjiż, qatel nies ċivili, ħataf u anke stupra l-vittmi.
'Għidu d-dinja li kull ma rridu hu
li nirritornaw fi djarna'
U meta mistoqsijin dwar ix-xewqat tagħhom, dawn ir-rifuġjati jgħidu bla tlaqlieq li jridu jirritornaw fi djarhom. Li jridu jgħixu. Munira bla tlaqlieq tiddikjara li "għidu lid-dinja x'qed jiġri hawn. Għidu lid-dinja li kull ma rridu  hu li nirritornaw fi djarna. Kull ma rridu hu li ngħixu - li nkunu siguri u bla biża".

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home