Friday, February 20, 2015

Aggressjonijiet u attentati fuq pudur ta' għalliema minn studenti…….

Rapporti, kwereli iżda
ebda passi mill-Pulizija


Għalliema madwar Malta flimkien mal-ogħla uffiċjali tal-Unjin tal-Għalliema (MUT) qegħdin jesprimu it-tħassib tagħhom minħabba l-fatt li fl-aħħar xhur kien hemm diversi każi ta' għalliema ġew aggrediti u saru attentati fuqhom minn studenti u minkejja li saru rapporti u anke kwereli baqgħu ma ttieħdu ebda passi mill-Pulizija.  Jidher li ma ttieħdu ebda passi minħabba li fl-aħħar ġimgħat għoliet l-età tar-responsabbilità kriminali.  Is-Segretarju Ġenerali tal-MUT, Franklin Barbara meta mistoqsi dwar dan minn L-ORIZZONT qalilna li "nikkonferma li kien hemm rapporti u kwereli iżda l-Pulizija ma tistax tieħu passi għax kien hemm bdil fil-liġi tar-responsabbilità kriminali fejn għoliet l-età.  Fost l-għalliema li tkellmu ma' L-ORIZZONT, kienu diversi li għamlu suġġerimenti li għandha tiddaħħal sistema ta' 'boot camp' għal dawn l-istudenti b'imġieba diffiċli ħafna.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MUT fil-kummenti lil L-ORIZZONT enfasizza li "din hi sitwazzjoni li qed tinkwetana.  Hemm bżonn tittieħed azzjoni biex naraw x'għandu jsir. Għandna l-għalliema li qed jgħidulna irrappurtajna, saru kwereli u ma sar xejn".  Hu kien sostna ukoll li "hemm bżonn li ningħaqdu u nwaqqfu s-sitwazzjoni qabel tkompli tiggrava. Għall-ġid tal-istudenti fuq kollox għax ser jitilgħu b'mentalità ta' drittijiet mingħajr dmirijiet. Se jkollna soċjeta' ta' delinkwenti".
Intant fost l-għalliema qed isir suġġerimenti biex issir diskussjoni dwar jekk f'Malta għandhiex tiddaħħal sistema ta' 'boot camp' - li hi sistema korrettiva u dixxiplinarja fuq studenti b'imġieba diffiċli ħafna.  Għalliem li għamel kuntatt magħna sostna li "boot camps' kellhom riżultati tajbin f'diversi pajjiżi.  Jintużaw għall-adoloxxenti u studenti bi problemi ta' imġieba. Id-dixxiplina li tintuża fihom u s-sistemi li jintużaw jgħinu lil dawn l-istudenti biex jibdlu l-imġieba tagħhom".
Intant riċentament saret mistoqsija Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar dwar xi prekawzjonijiet u x’passi ttieħdu fil-konfront tal-istudenti li ġew rrappurtati li wettqu aggressjonijiet jew attentati fuq il-pudur ta’ għalliema, LSAs jew kindergarten asisstants.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo qal li "infurmat li meta jinqalgħu każijiet bħal dawn id-Dipartiment u l-iskejjel ikkonċernati fi ħdan id-Direttorati tal-Edukazzjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont in-natura tal-każ jew allegazzjoni. Fost dawn ta’ min isemmi sessjonijiet ta counselling guideance mal-vittma u mal-aggressur, sessjonijiet mal-psikoloġi, is-social workers u mal-ispeċjalisti tal-SEBD, fejn ukoll il-vittma jingħata l-possibiltà ta’ counselling service. Barra minn hekk, il-guidance teacher tal-Anti-Bullying Team iżuru l-iskejjel u kulfejn ikunu rappurtati tali każijiet, dawn isegwu proċeduri u miżuri stabbiliti biex jagħtu l-għajnuna professjonali tagħhom. Permezz tar-restorative justice, l-istudenti kkonċernati, waqt interventi individwali, jiġu wkoll mgħejjuna biex jifhmu li għal kull aġir hemm konsegwenza. Għalhekk jittieħdu wkoll azzjonijiet differenti fejn l-istudenti jistgħu juru b’mod konkret id-dispjaċir tal-azzjoni li jkunu wettqu".
Gwerra kontra studenti bi
mġieba diffiċli jew infasslu esperjenza għalihom?
Intant quddiem il-kwistjoni tas-sitwazzjoni fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun fejn nhar il-Ġimgħa l-għalliema se jagħmlu strajk ta' siegħa, il-Ministru Evarist Bartolo ikkummenta u staqsa x'għandu jsir dwar is-sitwazzjoni ta' tfal bi mġieba diffiċli. Fis-sit soċjali tiegħu hu kkummenta li "għandna tfal fl-iskejjel ġejjin minn ħajja diffiċli ħafna li mhux qed jirnexxielna nilħquhom bl-iskola kif inhi. X'nagħmlu? Niddikjarawlhom gwerra u nżommuhom 'il bogħod? L-iżjed triq faċli. Jew nagħżlu t-triq iżjed diffiċli li tista' tagħmilhom id-differenza kollha: inħobbuhom u nippruvaw infasslu esperjenza edukattiva li jsibuha tgħodd għalihom?".  Minn L-ORIZZONT

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home