Ritratti tal-Fotografu ROGER AZZOPARDI
Il-kappella medjevali tas-Sanċir għar-restawr wara snin ta' talbiet
Wara snin li fihom saru għadd ta' talbiet u appelli biex l-awtoritajiet kompetenti jaraw li tkun restawrata b'mod immedjat il-kappella medjevali magħrufa bħala 'Tas-Sanċir' li tinsab fir-Rabat, fl-aħħar jiem kien hemm żvolta u dan hekk kif f'laqgħa li saret mad-Direttorat għar-Restawr ġie deċiż li din il-kappella se tkun fost dawk li għaliha se jintalbu fondi Ewropej. L-ORIZZONT ftit tal-jiem ilu staqsa lis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewropej dwar il-prospetti ta' fondi Ewropej biex din il-kappella medjevali li parti mis-saqaf tax-xorok tagħha waqa', tkun restawrata qabel iġġarrab aktar ħsarat. Is-Segretarjat Parlamentari, konxju tal-istat li tinsab fih din il-kappella, il-ġimgħa li għaddiet f'laqgħa mad-Direttorat għar-Restawr dwar fondi Ewropej, qajjem il-każ ta' din il-kappella u ġie deċiż li din tkun inkluża.Is-Segretarju Parlamentari, Ian Borg f'kummenti lil L-ORIZZONT qalilna li "bħala Segretarju Parlamentari responsabbli għall-fondi Ewropej u li għandi għal qalbi ferm il-patrimonju rikk ta' pajjiżna, għalija kien ferm importanti li niżgura li inteventi ta' restawr ta' wirt storiku f'żoni rurali barra ż-żona tal-iżvilupp jibqgħu jkunu possibbli. Fil-jiem li għaddew iddiskutejna mad-Direttorat għar-Restawr il-proposti tagħhom għaż-żmien li ġej. Il-kappella ta' San Mikiel is-Sanċir - flimkien ma' interventi oħra, se tkun qed tiġi inkluża. Jien nħares 'l quddiem biex din il-kappella isirilha ix-xogħol tant meħtieġ u li ħafna ilhom jixtiequ".
Il-kappella tas-Sanċir tinsab f'żona mill-isbaħ - dik ta' Ġnien is-Sultan magħruf għar-raba' għammiel li hemm. Mhux faċli tasal għal din il-kappella hekk kif m'hemm ebda tabelli li jindikaw it-triq.
Din il-kappella, li llum parti minnha hi miksija kollha bil-liedna li xxebilket magħha u li qed tkompli tagħmlilha l-ħsara, baqgħet bil-binja oriġinali tagħha - dik ta' struttura tipikament medjevali. Naraw li l-ħitan tal-kappella, huma taż-żonqor u bejniethom hu mimli ħamrija u ġebel tas-sejjieħ. Dawn il-ħitan qed iżommu saqaf inklinat li fiha hemm l-influwenza Għarbija b'arkati bil-ponot u rkiekel mal-ħitan.
Dawra mal-kappelli u anki fuq ġewwa wieħed jista' faċilment jara konsenturi kbar - xi wħud wesgħin diversi ċentimetri. Parti mis-saqaf waqgħet, waqt li fuq is-saqaf qed jikbru diversi pjanti. Kemm mis-saqaf imkisser kif ukoll minn konsenturi oħra li hemm, qed jispiċċa jidħol l-ilma tax-xita, fejn jidher anki minn investigazzjonijiet li saru fil-passat, li dan l-istess ilma qed jagħmel ħsara fil-pedamenti tal-istess kappella.
Id-devoluzzjoni tal-art?…..l-ewwel ir-restawr u wara ssir id-devoluzzjoni
Waqt li l-aħbar li issa din il-kappella ġiet inkluża għal fondi Ewropej għar-restawr se tintlaqa' tajjeb minn dawk li ilhom jitolbu li din tkun restawrata, tibqa' l-mistoqsija dwar id-devoluzzjoni tal-art. Minn informazzjoni li għandu inewsmalta.com jidher li din ġiet trattata ukoll fl-aħħar jiem, fejn ġie deċiż li d-devoluzzjoni tal-art lill-kunsill lokali se ssir wara li jkun sar ir-restawr. Minn naħa tiegħu l-Kunsill Lokali irid jibda ħidma biex il-permessi li kienu nħarġu fis-sena 2010, jerġgħu jiġu imġeddin.
Filfatt kien f''Lulju tas-sena 2010, kien inħareġ permess mill-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), biex ikun hemm irranġar u tindif madwar iż-żona ta' din il-kappella u biex tkun restawrata. Biss ix-xogħlijiet qatt ma inbdew. Jidher li l-art li fuqha hi mibnija l-kappella u madwarha qatt ma saru talbiex tkun devoluta lill-Kunsill Lokali li kien talab li jsir ir-restawr.
Jekk mhux se tingħata attenzjoni, din il-kappella se tintilef
Is-Sindku tar-Rabat, Charles Azzopardi, meta kkuntattjat minn L-ORIZZONT dwar l-istat ta' din il-kappella u l-bżonn li tkun restawrata qalilna li "inħoss li jekk mhux sejra tingħata l-attenzjoni immedjata sejra tinqered darba għal dejjem. Din hija unika tax-xorta tagħha. Hija ħarsa li patrimonju arkitettonika jispiċċa mitluf. Irridu nikkultivaw dak li għandna u nieħdu ħsiebu. Hemm bżonn li l-Gvern mill-fondi Ewropej jew entitajiet mhux governattivi jallokaw il-fondi biex tiġi rrestawrata".
L-istorja ta' din il-kappella tmur lura sew, tant li kienet issemmiet fi żjara li kien għamlilha Monsinjur Pietro Dusina li żarha fl-1575. Fi żjajjar li sar wara ġie irrimarkat l-istat ta' telqa li kienet fih. Din kienet spiċċat ġie ipprofonata fl-1679.
Minn hemm 'l quddiem, il-bdiewa kienet bdew jużaw din il-kappella għal ħtiġijiet tagħhom tant li anke serviet bħala maqjel.
Il-kappella hi imdawwra bl-għelieqi u għal bdiewa midħla ta' dawn l-inħawi, ix-xewqa hi li tkun restawrata. Bidwi li tkellimna miegħu qalilna li "dejjem nafha abbandunata. Daqs erbgħin sena ilu niftakar li fil-kappella kien hemm ħajt fin-nofs u kienu jinżammu l-annimali. Dan kien finalment tneħħa. Imma l-kappella xorta kienet baqgħet abbandunata. Hawn kulħadd jixtieq li jaraha irranġata. Ġew restawrati tant kappelli - għaliex din ħallewha barra meta hi daqshekk antika?", staqsa l-istess bidwi.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home