Friday, February 6, 2015


Wieħed mill-immigranti li minn taħt Għar Ħasan kien iddeċieda li jmur l-Italja iżda reġa' spiċċa f'Malta…

Minn ħassiel f'Malta għal
infermier gradwat fl-Istati Uniti


Għex f'Malta għal erba' snin. Kien wieħed minn dawk li għamel sigħat sħaħ f'nofs ta' lejl f'dgħajsa taħt l-irdum ta' Għar Ħasan f'Birżebbuġa. Kien wieħed minn dawk li akkost ta' kollox ried ikompli l-vjaġġ lejn l-Italja flok jidħol Malta. Xi wħud minn sħabu iddeċidew li jiġu salvati mill-Forzi Armati Malti iżda hu u ħafna oħrajn, wara sigħat jippruvaw jiddeċiedu kienu salpaw lejn l-Italja. Kienu skortati minn patrol boat Maltija sal-ibħra Taljani, iżda mad-dħul tagħhom f'Pozzallo, il-gvern Taljan kien iddeċieda li la l-ewwel kuntatt kien ma' Malta, kellhom jintbagħtu lura hawn u hekk ġara.  Imma Amanuel, immigrant mill-Eritrea, qatt ma ħares lura.  F'pajjiżu kien gradwat bħala infermier.  F'Malta  kien jaħdem bħala ħassiel u kien wieħed mill-ewwel refuġjati li bdew jaħdmu f'lukanda ta' ħames stilel.  Illum Amanuel hu storja ta' suċċess u ta' integrazzjoni fl-Istati Uniti. Tgħallem sew l-Ingliż u rnexxielu ukoll jiggradwa bħala infermier fejn illum hu qed jagħti servizz lill-komunità.
Iggradwajt infermier fl-Eritrea
iżda ordnawli nibqa' suldat'
L-istorja ta' Amanuel tmur lura għal qabel is-sena 2003.  Bħal ħafna żgħażagħ oħra hu mar l-Università. Hu iggradwa bħala infermier. Bħala parti mis-servizz nazzjonali hu spiċċa iservi fil-militar. Amanuel, minkejja li kien iservi fl-armata kien studja bla heda u laħaq infermier.  Hawnhekk ħaseb li se jkun liberu li jipprattika din il-professjoni. Ġara iżda li minħabba kunflitt mal-Etjopja hu kien ordnat jibqa' iservi ta' suldat.  Din kienet xi ħaġa li affettwatlu ħajtu u dan hekk kif il-paga ta' suldat hi ftit wisq.  F'Awwissu tas-sena 2003 ħarab mill-Eritrea.  Fi kliemu stess, "kelli nitlaq minħabba l-politika u l-gvern".
Ridt nivvjaġġa b'mod legali imma
ma stajtx….kelli nirrikorri għat-traffikanti
Amanuel jgħid li hu dejjem ried li jitlaq u li jivvjaġġa b'mod legali iżda dan ma setax jagħmlu.  "Ħallast lit-traffikanti biex mill-Eritrea dħalt fis-Sudan.  Li kieku l-gvern tal-Eritrea qabadna naħarbu kien joqtolna jew jitfagħna f'ħabs.  Għamilt ġimagħtejn mat-traffikanti u mill-fruntiera tal-Eritrea ħaduna fil-kapitali tas-Sudan, Khartoum. Fis-Sudan għamilt sitt xhur. Fl-2004, komplew bil-vjaġġ u minn Khartoum itteħidt lejn id-deżert tas-Sahara u minn hemm lejn il-Libja. Id-deżert tas-Sahara inqabblu mal-baħar.  M'għandek l-ebda indikazzjoni fejn hi it-tramuntana, in-nofsinhar, il-punent jew il-lvant. Ilma m'hemmx. Kien vjaġġ perikoluż".
Il-vjaġġ ta' Amanuel kompla bil-vjaġġ bil-baħar mil-Libja lejn l-Ewropa.  Ma wasalx fid-destinazzjoni tiegħu mill-ewwel.  L-ewwel vjaġġ sar f'Ġunju tas-sena 2004 u dakinhar id-dgħajsa li kienu fuqha sofriet inċident u inqalbet. Mietu 11-il immigrant fosthom tifel. L-inċident seħħ qrib ibħra Libjani u huma ġew salvati minn diversi sajjieda.  Spiċċaw il-ħabs iżda inħelsu wara xahar.  F'Settembru ta' dik l-istess sena, reġa' ittanta jagħmel il-vjaġġ. Din id-darba l-ostaklu kien maltempata qawwija. L-irjiħat wassluhom qrib Malta. Kien hawn li ngħataw għajnuna mill-Forzi Armati ta' Malta. Abbord din id-dgħajsa kien hemm 196 immigrant. Fuq id-dgħajsa inqalgħet kwistjoni fejn grupp riedu jibqgħu sejrin lejn l-Italja u grupp iehor riedu li jidħlu Malta. Filfatt grupp iddaħħlu hawn u l-oħrajn fosthom Amanuel baqgħu abbord id-dgħajsa taħt Għar Ħasan. Bil-lejl talbu għal xi kutri minħabba l-ksieħ, iżda finalment dawn l-immigranti baħħru lejn Sqallija skortati minn patrol boat tal-Forżi Armati ta' Malta. Meta waslu f'Pozzallo inqalgħet kwistjoni mal-gvern Malti u dawn reġgħu intbagħtu lejn Malta.
Fis-sena 2008 wasal  f'Sioux Falls
….'irrid nikkontribwixxi għall-komunità'
Amanuel kien wieħed minn dawk li gawda minn programm li permezz tiegħu immigranti Afrikani f'Malta jibdew ħajja ġdida fl-Istati Uniti. F'Malta hu għex għal erba' snin.  Hawn ħadem f'lukanda ta' ħames stilel.
Dwar il-ħajja f'Sioux Falls fl-Istati Uniti, Amanuel jgħid li "kont eċċitat.  Il-perċezzjoni li kelli hi li hawnhekk kien hawn ħafna opportunitajiet ta' xogħol u anke akkademiċi.   Għandi kuġin li qiegħed f'Minnesota imma jien iddeċidejt li nibqa' f'Sioux Falls, għax hemm aktar opportunitajiet akkademiċi. Kont għamilt diversi intervisti biex naħdem bħala infermier iżda ma kontx ġejt impjegat.  Għamilt l-eżamijiet biex inkun Certified Nursing Assistant iżda ukoll ma sibtx xogħol.  Finalment spiċċajt naħdem f'impjant li jippakkja l-laħam. Qlibt ix-xogħol għal ħassiel ta' bil-lejl biex b'hekk inkun nista' nistudja".
Dwar l-isfidi fl-Istati Uniti, Amanuel jgħid li "xejn mhu faċli. Qabel tiġi hawn tkun qed taħseb li se ssib mod iżda meta tiġi l-affarijiet ikunu differenti. Trid issib ix-xogħol, tħallas il-kera, tħallas għat-trasport u tħallas għall-assigurazzjoni. Trid tħallas ukoll il-kontijiet. Il-familja li hemm fl-Eritrea ikunu qed jistennew appoġġ finanzjarju mingħandek. Imma huma ma jifhmux il-ħajja hawn. L-aktar aspett li joffri sfida hu l-lingwa. Hi diffiċli. Hemm ukoll il-barriera kulturali. Meta ġejt hawn qaluli li għandi Ingliż tajjeb, iżda xorta sibt li l-lingwa u l-kultura baqgħu barriera diffiċli".
Imma l-isforzi u s-sagrifiċċji li għamel Amanuel wassluh biex finalment hu ħadem bħala infermier fi sptar  u hu baqa' jistudja sakemm irnexxielu jiggradwa. 
"Nara li l-immigranti għandhom potenzjal kbir iżda m'għandniex l-opportunità li nservu. Ma rridx li nitwieled, biex ngħix u nmut biss.  Irrid nikkontribwixxi lill-komunità. Aħna onesti. Naħdmu iebes. Imma mhux kulħadd jinnota dan. L-unika problema li għandna aħna l-Eritreani hi l-gvern tagħna - kif hu jitrattana", itemm jgħid Amanuel.  Artiklu li deher f'L-ORIZZONT







 

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home