Nelly meta tkellem ma' Vice News |
Immigranti mohbijin - ritratt Vice News |
"Ngħid lil sħabi ma jagħmlux il-vjaġġ
….tasal biss jekk tkun xortik tajba'
Lil sħabu fil-Kamerun li juru x-xewqa jew l-iċken ħsieb li jitilqu minn pajjiżhom biex jagħmlu l-vjaġġ lejn l-Afrika ta' Fuq u wara jippruvaw jidħlu fl-Ewropa, il-parir li jtihom hu dak li 'ma jagħmlux dan il-vjaġġ". Jiddikjara bla tlaqlieq li l-vjaġġ ikun suċċess biss jekk ikollok xortik tajba. Nelly - immigrant mill-Kamerun jiddikjara l-ferħ li ħass meta rnexxielu jaħrab mill-Kamerun, ferħ li ma tantx dam għax malajr induna li kien jinsab waħdu quddiem l-isfidi tal-vjaġġi fosthom dak tad-deżert.
Din hi l-esperjenza ta' Nelly - immigrant mill-Kamerun, li fl-aħħar jiem għadda l-esperjenza tiegħu lil Vice News - grupp ta' ġurnalisti li jxandru dokumentarji permezz tal-YouTube. L-ewwel dokumentarju li xxandar hu wieħed minn erba' dwar ir-rotot tal-immigrazzjoni, fejn l-ewwel dokumentarju tratta l-immigranti li jmorru lejn il-Marook biex minn hemm jaqsmu lejn Ceuta u Melilla li huma parti minn Spanja.
Nelly meta mistoqsi għaliex telaq minn pajjiżu qal li "tlaqt kollox għax rajt li l-ħolm taż-żgħażagħ tal-Kamerun kien qed jitteħdilhom. Ħafna minna studjaw. Imma l-Kamerun mhu jtina xejn lura".
Nelly jirrakkonta li "meta qsamt mill-Kamerun lejn pajjiż iehor kienet xi ħaġa kbira. Imma imbagħad issib li tinsab waħdek. Trid tkun kawt u attent. Tispiċċa tgħaddi minn foresti xmajjar u tipprova tiżgwida bil-militar u l-gwardji".
Jistaqsuh x'kienu x-xeni li ra fin-Niger, wieħed mill-pajjiżi li għadda minnu biex finalment wasal il-Marokk. "Rajt tfal ibatu. Ma setgħux jieklu. Li tara adult f'dik is-sitwazzjoni forsi tgħaddiha imma li tara tifel ta' sitt snin ma jistax jiekol hi diffiċli. Tarah miexi bi platt madwar għonqu. Qisu xi biċċa ġojellerija - qisu għandu xi karta tal-identità. Dan ma jagħmel xejn ħlief ifittex l-ikel".
Jiddikjara ukoll li " rajt persuni jmutu fid-deżert. Nistaqsi għaliex hemm il-fruntieri? Għaliex iżommu bniedem mill-jaqsam il-fruntiera?", jistaqsi Nelly.
Id-dokumentarji minn Vice News jitratta diversi aspetti tar-rotta li jieħdu l-immigranti li mill-Marokk jippruvaw jaqsmu lejn Spanja. Jgħid kif ġieli kien hemm xejn inqas minn 1,000 immigrant f'salt li ppruvaw jaqbżu l-ħitan għoljin tal-fence li hemm, fejn minn dak l-ammont huma biss madwar 50 li rnexxielhom jaħarbu u ma jinqabdux.
Id-dokumentarju intitolat 'L-Ewropa jew immutu", jgħid li meta l-immigranti jagħtu s-salt għall-ħajt, ma jkunx hemm ċans li jgħinu lil ħaddiehor. Jirnexxielhom jaqbżu dawk li jkunu l-aktar b'saħħithom u l-aktar ħfief. Dawk li jirnexxielhom jagħmu dan, ikollhom il-possibilità li mbagħad imorru lejn l-Ewropa.
Fid-dokumentarju jitkellem wieħed mill-uffiċjali tal-gwardji, bil-kundizzjoni tal-anonimità. Jgħid li huma jirċievu appoġġ fis-sajf, meta jiżdiedu l-immigrantili jippruvaw jaqbżu l-fruntiera. Jgħid li hemm diversi metodi kif l-immigranti jippruvaw jidħlu fi Spanja u fosthom dan hemm dawk li għandhom il-flus li jużaw karozzi u jistaħbew fihom, vjaġġi oħra isiru bid-dgħajjes, iżda ħafna oħrajn jippruvaw jaqsmu l-ħajt li hemm f'Mellilla u Ceuta li jiffurmaw parti minn Spanja.
Id-dokumentarju jgħid li meta l-awtoritajiet Spanjoli jaraw vettur suspettuża, huma iwaqqfuha u joħorġu lill-persuni minn ġo fiha. Huma imbagħad ipoġġu apparat apposta mal-karozza u dan l-apparat jidentifika jekk hemmx persuni moħbijin mit-taħbit tal-qalb.
L-istess uffiċjal jgħid li bejn 75 u 80 fil-mija tal-immigranti li jippruvaw jidħlu fi Spanja jagħżlu li jaqsmu l-ħajt tal-fruntiera f'Mellilla u Ceuta. B'kollox jikkalkulaw li madwar 2,000 jippruvaw jaqsmu din il-fruntiera kull sena b'dan il-mod. Mid-dokumentarju joħroġ li l-ħajt tal-fence għandu xejn inqas minn 42 kamera tas-sigurtà u oħrajn għal bil-lejl li jaqbdu kull moviment.
Il-ġurnalisti li għamlu dan id-dokumentarju marru fil-Marokk eżattament f'Mount Gurugu. Jiltaqgħu ma' immigrant ta' sittax-il sena.
Jgħid li "jien gejt hawn għax il-ġenituri tiegħi ma kellhomx flus biżżejjed. Il-ħolma tiegħi hi li nidħol fl-Ewropa u nsir plejer tal-football". F'Mount Gurugu, sabu għadd ta' kampijiet tal-immigranti, maqsumin skont in-nazzjonalità.
Wieħed mill-immigranti jurihom tinda imkissra u xi taqlib iehor. "Il-militar tal-Marokk ġew għall-ħabta tas-2.00 jew it-3.00 ta' filgħodu u qajmuna". Jgħid li ħafna mill-immigranti spiċċaw ħarbu waqt ir-rejd.
Id-dokumentarju wera immigrant li beda jallega li ssawwat minn membri tal-militar tal-Marokk.
Jitkellmu l-immigranti li kien hemm fuq din il-muntanja fil-Marokk b'wieħed minnhom jgħid li 'ġejna hawn għax l-affarijiet mhumiex tajbin. Ma stajniex nappoġġjaw lill-familja tagħna. L-Ewropa mhix ġenna tal-art imma hemm id-drittijiet umani". Immigrant iehor jgħid li hu niżel fuq l-art Spanjola iżda bagħtuh lura.
Pushbacks ma
jistgħux isiru
Id-dokumentarju iġib kumment ta' Michele Cercone, kelliem għall-Kummissjoni Ewropea, fejn hu sostna li "pushbacks ta' immigranti ma jistgħux isiru. Pushbacks m'humiex konformi mar-regoli Ewropej u internazzjonali. L-Istati membri ma jistgħux jagħmlu pushbacks'.
Immigranti msawwtin fil-Marokk
….tabib jgħid li ma ħaqqhomx ilma
Id-dokumentarju jitratta ukoll dak li iltaqgħu miegħu il-ġurnalisti fosthom immigranti Afrikani imsawwtin fil-Marokk fejn l-istess immigranti ġew mitfugħin barra sptar f'Nador. Id-dokumentarju jgħid li wieħed mill-immigranti kellu ġenbejh miksurin. Kien hemm ukoll mara immigranta bid-demm nieżel minn rasha u b'idejha miksurin.
Fid-dokumentarju wieħed mit-tobba jistaqsi lill-ġurnalista għalfejn qed tagħti l-ilma lil dawn l-immigranti. Hi qaltlu li tathom ilma u galletti. Minn naħa tiegħu it-tabib iwieġeb li 'ma jistħoqqilhomx'.
Korre, immigrant mill-Kosta tal-Ivorju jgħid li "ilni sena fil-Marokk. Qed nipprova naqsam lejn l-Ewropa imma hi diffiċli". Il-ġurnalista tgħid li hi semgħet li hu kien wiehed minn dawk li pprova jgħum lejn Ceuta.
Korre jgħid li "se tbikkini. Kienet iebsa ħafna. Mhix xi ħaġa li titkellem fuqha. Tbikkini. Ħafna nies mietu. Kienu hemm ħafna nies li kienu massakrati mill-gwardji. Jien intlaqt bi tlett bullits tal-lastiku. Wieħed f'għajnejja. Imma ninsab tajjeb".
Il-ġurnalisti imorru ukoll f'appartament fil-Marokk - li fih qed jgħixu flimkien xejn inqas minn 30 immigrant. Jiġu mistqosijin kif ikunu trattati mis-soċjetà Marokkina.
Waħda mill-immigranti tgħid li "jien kont naħdem bħala ħassiela. Kienu jgħiduli skjava".
Immigranta oħra tgħid li "aħna in-nisa umiljati bil-lejl u bi nhar. Il-pulizija Marokkini jaqbdu u jidħlu fuqna. Aħna għandna ħafna problemi. Razziżmu u bla xogħol. Il-Marokk mhu qed joffirlna xejn. M'għandhom xejn x'joffrulna ħlief il-mewt. Għalhekk aħna dejjem infittxu l-Ewropa. F'moħħna l-Ewropa hi El Dorado".
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home