Saturday, January 31, 2015






L-istorja ta' Paul  Washimba -  immigrant mill-Kongo…..

'Kważi għoxrin sena sħaħ…..
….ma narax lil uliedi"  

"Kif nista' nħossni tajjeb? Ħsibijiet fuq ħsibijiet. Ilni għoxrin sena ma nara lil uliedi.  Familti qiegħda l-Kongo - kelli naħrab minn pajjiżi minħabba inkwiet politiku. Ilni snin ngħix hawn Malta. Mifrud minn uliedi u familti ma nħossnix tajjeb".
Din hi l-esperjenza ta' Paul Washimba, immigrant mill-Kongo li issa ilu snin f'pajjiżna, għalkemm kien fl-1997 li telaq mill-Kongo.  Paul, jirrakkonta l-esperjenza tiegħu, li bħal  ħafna immigranti, iħossu maqbud f'Malta.
Paul Washimba jirrakkonta li "jien mill-Kongo.  Ħallejt pajjiżi ħafna snin ilu, eżattament fl-1997. Kien dak iż-żmien meta Kabila sar President flok Mobutu.  Jien kont naħdem ma' dan tal-aħħar u bħal ħafna oħrajn ħrabt.  L-ewwel mort Lagos in-Niġerja u minn hemm snin wara mort il-Libja u fl-aħħar wasalt Malta. Kien diffiċli ħafna nitlaq pajjiżi għan-Niġerja imma irnexxieli.  Hemmhekk applikajt biex ikolli protezzjoni internazzjonali.  L-ewwel  darba ma ġietx aċċettata imma appellajt u ħadt l-istatus.  Komplejt ngħix f'Lagos fejn anke kelli salarju żgħir fix-xahar. Kont  inmur nitgħallem l-Ingliż u l-gvern Niġerjan kien iħallas l-ispejjeż. Ngħid li hemmhekk kont tajjeb".
Paul ikompli jirrakkonta li "imma wara għaxar snin bdew il-problemi bejn in-Niġerja u l-Kongo.  Għalhekk kelli nitlaq u wasalt il-Libja.  Ma kinitx faċli u l-vjaġġ kien twil. Ħafna jippruvaw jaqsmu d-deżert biex jaslu l-Libja.  Meta wasalt Tripli kelli l-istatus ta' refuġjat imma l-Pulizija arrestawni darbtejn.  L-aħħar darba arrestawni quddiem l-uffiċċju tar-refuġjati, għammduni u ħaduni f'ħabs permezz ta' karozza. Domt hemm xahar u nofs.  Ħallewni nitlaq bil-kundizzjoni li nkun informatur  tagħhom.  Dan ix-xogħol xejn m'għoġobni u għalhekk wara tlett xhur ħallejt Tripli għal Malta".
Jenfasizza li "f'Malta ġejt trattat qisni assassin.  Żammewni sena fil-ħabs, anke wara li fl-ewwel sitt xhur għamluli intervista biex jivvalutaw it-talba tiegħi għall-ażil  Suldat ġie jakkumpanjani u kelli assistenza legali.  Imma l-intervistatur ma riedx jisma'. Għamlu xi mistoqsijiet u ma laqgħux it-talba tiegħi.  Ma nafx għaliex.  Wara dan ħarġuni mill-ħabs u jien għamilt it-tieni talba u reġgħet ma intlaqgħetx.  Hawn ħafna problemi hawn, il-Malitn għandhom il-liġijiet tagħhom u ma jridux jagħtu dokumenti".

Jikkritika il-proçeduri dwar
talbiet ta' ażil
Jistaqsi lil grupp ta' barranin li ġew jitkellmu miegħu u qalilhom "kemm ilkom hawn - rajtu lil xi ħadd jingħata status ta' refuġjat?  Probabbilemnt ħadd.  Jingħata biss lis-Somali.  Jgħiduli li fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo hemm il-problemi, imma int ġej minn Kinshasa fejn hemmhekk m'hemmx problemi.  Imma kif jistgħu jaraw l-istorja b'dan il-mod?  Ħafna drabi ma nħossnix tajjeb, għandi wisq ħsibijiet.  Il-familja tiegħi qiegħda l-Kongo. Kif tista' tħossok tajjeb jekk ma tarax lil uliedek għal aktar minn 20 sena?".

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home