Dilemma bejn xogħol u taħriġ….
…"sibt it-taħriġ utli ħafna'
- Abdul Rahman immigrant mill-Eritrea
Għandu 30 sena. Kompjuter kważi qatt ma kien użah qabel. Ftit li xejn kien jaf iħaddmu u ftit li xejn kien konxju ta' kemm jista' jkun ta' għajnuna għall-futur tiegħu. Jaf sew, għax hi xi ħaġa li tingħad kontinwament li "Bla Ingliż bla xogħol". Illum Abdul Rahman, immigrant mill-Eritrea li wasal Malta f'Settembru, hu wieħed minn diversi immigranti li qed jattendi kors tal-kompjuter, allavolja fis-sitwazzjoni li qegħdin fiha dawn l-immigranti mhux faċli li dan isir. Dan għax hemm minnhom jiġu fid-dilemma jekk imorrux jaħdmu jew inkella joqgħodux għat-taħriġ. Il-kors qed isir b'kollaborazzjoni bejn l-Awtorità Maltija għall-Kommunikazzjoni (MCA) u l-Fondazzjoni għall- Kenn u Appoġġ għall-Immigranti (FSM).
Abdul Rahman, meta tkellem ma' L-ORIZZONT, waqt waħda mil-lezzjonijiet qalilna li "sibt dan il-kors utli ħafna. Qed nitgħallem kif nagħmel CV biex inkun nista' nibgħatha biex insib xogħol". Nistaqsuh jekk qattx ħadem f'pajjiżna mindu wasal mil-Libja u hu jagħti tweġiba fin-negattiv. Jisħaq li "ftit li xejn kelli okkażjonijiet nuża l-kompjuter. Issa li qed nitgħallem inħaddmu, għandu jgħinni ħafna aktar. Nixtieq li jgħinni biex naħdem", jiddikjara Abdul.
Abdul jgħid kemm sab li hu utli t-taħriġ fuq il-kompjuter, għax b'hekk hu mhux biss se jitgħallem jaċċessa siti biex ifittex ix-xogħol, imma anki jista' jikkomunika ma' nies u ħbieb tiegħu f'pajjiżu.
Segwejna lil Abdul għal diversi ħinijiet waqt it-taħriġ li jinkorpora fih l-użu bażiku tal-kompjuter. Il-kors li jdum għaxar ġimgħat hu kompost minn għaxar lezzjonijiet li jibdew minn taħriġ bażiku ta' kif tħaddem il-kompjuter, kif tuża l-internet, kif tikkomunika, l-użu ta' Skype, soċjalizazzjoni permezz tal-internet, e commerce fosthom xiri bl-internet, medja diġitali u x-xiri ta' kompjuters u laptops.
Nitkellmu ma' immigranti oħra u dawn jirrimarkaw li mhux dejjem faċli għalihom li jagħmlu korsijiet simili. "Ġieli tiġi f'sitwazzjoni fejn, jew se tmur għax-xogħol u taqla' xi ħaġa, jew tiġi għal lezzjoni. Trid tagħżel. Għalhekk ikun hawn min ma jkomplix bil-kors".
Immigrant iehor jgħidilna li "hawnhekk nisimgħu li 'bla Ingliż bla xogħol' u għalhekk hu importanti it-taħriġ biex ikollna xogħol".
Is-Service Manager tal-FSM, Sandra Schembri Wismayer meta kkummentat ma' L-ORIZZONT dwar dawn il-korsijiet offruti bla ħlas u li huma ffinanzjati minn fondi Ewropej, qaltilna li hemm immigranti li jkun jafu jħaddmu l-kompjuter. Tispjega iżda li dan il-kors qed jgħallimhom kif jiktbu ittra kif jagħmlu CV biex jibagħtuha lil postijiet tax-xogħol u anke kif jaċċessaw siti anki tal-gvern biex ifittxu x-xogħol.
Hi spjegat li hemm għatx kbir fost l-istess immigranti biex jitħarrġu fuq il-kompjuters.
Dawn il-korsijiet jesiġu li l-immigranti jattendu għal 75 fil-mija tal-attendenza biex finalment jingħataw ċertifikat.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home