Tmien għaqdiet jopponu pjani għal amnestija mill-MEPA għal żvilupp illegali….
Bini barra ż-żona ta' żvilupp
'għandu jitwaqqa'
- tmien għaqdiet ambjentali
"Bini barra ż-żona ta' żvilupp għandu jitwaqqa". Hekk iddikjara l-President tar-Ramblers, Joe Agius meta mistoqsi minn L-ORIZZONT dwar x'inhi l-pożizzjoni tagħhom dwar il-pjani ta' amnestija mill-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fejn jirrigwarda żvilupp f'żoni barra mill-iżvilupp. Joe Agius, għal mistoqsija iddikjara li "l-MEPA għanda timxi mal-liġi", waqt li sostna li żona barra l-iżvilupp isimha hu magħha dik li fiha ma jistax isir żvilupp. Hu qal dan waqt konferenza stampa minn tmien għaqdiet ambjentali li kkritikaw il-proposti tal-MEPA għal amnestija.
Ta' min jgħid li minn rapport tal-Awditur Ġenerali li nħareġ f'Settembru tas-sena 2013, kien intqal li bejn is-sena 2007 u Marzu tas-sena 2013 kien hemm xejn inqas minn 3,553 ordni ta' infurzar fuq żvilupp illegali f'żoni barra mill-iżvilupp. L-aktar każi ta' żvilupp komuni f'żoni barra l-iżvilupp hi l-bini illegali b'63.5 fi-mija u warajh jiġi r-rimi ta' materjal b'9 fil-mija.
''Case officers" inkompetenti u xi drabi
korrotti…fatti li rari jissemmew
Il-Professur Edward Mallia f'isem il-Friends of the Earth kellu kliem iebes fil-konfront tal-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dwar il-pjani biex tingħata dik li ssejħet amnestija biex jiġu sanzjonati irregolaritajiet f'dak li hu żvilupp - kemm f'żoni urbani u anke f'żoni barra mill-iżvilupp. Fi kliem Mallia "fatti li joħorġu mir-rapport tal-awditur dwar 'case officers' inkompetenti u xi drabi anki korrotti, uffiċjali tal-MEPA ħaġa waħda ma' l-iżviluppaturi, rari jissemmew". Jgħid li sa issa fuq din il-proposta instemgħet biss il-karba tas-soltu, li l-MEPA ma tistax tlaħħaq ma' valanga ta' ksur ta' liġijiet ta' l-ippjanar minħabba nuqqas ta' impjegati.
Il-professur Mallia qal ukoll li "malli xi ħadd jgħid li amnestija tista' ma tkunx l-aħjar soluzzjoni, malajr joħorġu b'xi każ ta' 'qsim il-qalb' biex kull suġġeriment ta' infurzar tal-liġi jidher f'dawl ikrah, jew aħjar dawl politiku partiġġjan. Dawk il-każijiet diffiċli li semma' l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA, Johann Buttiġieġ juru biċ-ċar li m'hemmx rieda li tinstab soluzzjoni ġusta li tħares il-ġid komuni. Fost dawn l-eluf ta' każijiet żgur li hemm żewġ tipi differenti - dawk fejn ħwejjeġ legali saru mingħajr permess u dawk fejn saru ħwejjeġ kontra l-liġi u kontra l-'policies' stabbiliti. Ta' l-ewwel ma jeħtieġux amnestija għax kellhom waħda fis-sena 2012. L-amnestija se tmiss ukoll bini barra miż-żona ta' żvilupp jekk dan ikun tela' qabel is-sena 1994. Hawn ukoll żidna sentejn mad-dħul fis-seħħ tal-Att tal-Iżvilupp u Ippjanar. Jekk ma' dik iż-żelqa iżżid l-għeluq ta' għajn waħda, tinżillu għasel lill-iżviluppatur li għandu f'idejh id-dokument tas-sena 2014 'Rural Policy & Design Guidance' ġeneruż ħafna fuq l-iżvilupp barra ż-żona ta' żvilupp".
Il-professur Mallia jiddikjara li "din l-amenstija mhix l-unika waħda fuq ix-xefaq. Hemm oħra midfuna fl-abbozz ta' politika dwar is-Solar Farms li għadha kif ħarġet għal konsultazzjoni pubblika. Din tgħid hekk: l-industrija tal-barrieri għandha ħafna operaturi. Sa mis-sena 1992, il-liċenzja tal-Pulizija, bi ftit regolamenti, kienet tirregola l-operat tal-barrieri. Meta daħlet l-Att dwar l-Iżvilupp fis-sena 1992, is-settur tal-barrieri waqa' taħt il-MEPA - li tħaddem 'policies' ta' ippjanar u kontroll. L-iżvilupp ta' Solar Farms f'barrieri jista' jħajjar l-operaturi biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom u jressqu l-operat lejn il-'policies' u l-liġi ta' llum. Ma tantx tista' ssib stqarrija daqshekk ċara għall-famlliment tal-MEPA. Kapaċi biss toffri ċejċa biex l-operaturi jirregolarizzaw ruħhom waqt li jgħinu lill-gvern biex jilħaq il-kwota ta' enerġija rinnovabbli li talbitna l-Unjoni Ewropea, billi jagħlqu barriera għal 30 sena u jdaħħu pannellu tax-xemx. Veru każ ta' jgħattu x-xemx bl-għarbiel", temm jgħid Mallia.
Intant it-tmien għaqdiet li huma Żminijietna, Flimkien Ambjent Aħjar, MOAM, Friend of the Earth, Din l-Art Ħelwa, Nature Trust, Ramblers u Noise Abatement Society of Malta, fil-konferenza stampa iddikjaraw li "qed iħeġġu lill-MEPA biex tippubblika r-rapport tagħha dwar għaliex għandhom jinħarġu dawn l-amnestiji u x'se jkun l-impatt ta' din il-miżura f'dik li hi kredibbilità, kontabilità u regolamentazzjoni. Nisħqu ukoll li jiġu ppubblikati studji xjentifiċi dwar l-impatt ta' dawn l-irregolaritajeit, kemm fuq dak li hu impatt ambjentali, dak soċjali, kulturali u ekonomiku. Qed nappellaw lill-MEPA biex ksur ta' regolamenti li saru f'żoni barra l-konfini ta' l-iżvilupp u mal-kosta jitneħħew immedjatament minn din il-proposta u minflok isir l-ewwel assessjar ta' dawk li huma ksur tal-liġijiet tal-ippjanar f'żoni urbani".
L-għaqdiet qalu li "l-argument ta' aktar dħul finanzjarju għal MEPA hu argument fażul u theddida diretta għad-demokrazija, il-ġustizzja soċjali u s-sostennibilità ekoloġika".
Il-kmamar fejn il-baħar….il-gvern
se jagħti amnestija lil dawn?
Minn naħa tiegħu, Stanley Farrugia Randon f'isem Din l-Art Ħelwa qal li "qiegħed isir ħafna żvilupp viċin il-kosta. Bini ta' lukandi, bini ta' ristoranti, bini ta' parapetti u lidos biex jiżdiedu l-imwejjed għall-ikel u bini illegali ta' 'kmamar fejn il-baħar'. Dawn mhumiex għad-dgħajjes iżda biex jintużaw bħala villeġġjatura Ħaddiehor irid iħallas ħafna flus u taxxi biex ikollu post għall-villeġġjatura u hemm min jieħu l-liġi b'idejh u jaqbad u jibni l-postijeit viċin il-kosta. U issa l-gvern irid jagħti amnestija għal dawn l-illegalitajiet. Hekk sew?", enfasizza Farrugia Randon.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home