Is-Sindku tal-Mosta: “ċempilli 10 minuti oħra"…u mbagħad ma rrispondietx telefonata oħra
Hekk kif fl-aħħar jiem sar magħruf li r-rapport dwar l-istat tat-toroq fil-Mosta li sar fis-sena 2012 ma kienx ingħata lill-Parlament Malti mal-ewwel tentattiv - bis-segretarju eżekuttiv jiddikjara li dan ma kienx jinsab fil-kunsill lokali, ilbieraħ minkejja tentattivi minn L-ORIZZONT biex jitlob kummenti lis-Sindku Shirley Farrugia din ma weġbitx it-telefonati tagħna. Għalkemm hi wieġbet l-ewwel telefonata tagħna u qaltilna nerġgħu inċemplulha għaxar minuti wara, meta għamilna dan hi ma weġbitx il-mowbajl. B'kollox għamilna għoxrin telefonata wara l-ewwel telefonata, fejn hi ma wieġbet għal ebda waħda minnhom.
Fl-aħħar sigħat, L-ORIZZONT għamel kuntatt mas-Segretarju Eżekuttiv biex nistaqsuh dwar xniegħat li qed jitmexxew fl-istess kunsill fosthom li r-rapport minn MP&DC - li hi kumpanija tar-raġel tas-Sindku u li s-Sindku tal-Mosta għandha sehem fiha, kien allegatament insteraq mill-kunsill. Is-Segretarju Eżekuttiv, John Camilleri qalilna li 'jien ma nistax nitkellem. Kellem lis-Sindku".
L-ORIZZONT ipprova jieħu kummenti tas-Sindku tal-Mosta u fuq kollox konferma mingħandha ta' jekk sarx rapport lill-Pulizija dwar din l-allegata serqa ta' dokument u meta sar dan ir-rapport lill-Pulizija. Mistoqsija kruċjali hi dik ta' jekk ir-rapport lill-Pulizija sarx wara li mill-Ministeru indunaw li kienu ġew żgwidati mill-istess kunsill u meta talbu dan ir-rapport flok ingħataw lilu ingħataw wieħed tas-sena 2009 minn Transport Malta.
Ridna nistaqsu ukoll lis-Sindku għaliex xi ħadd għandu jisraq dan id-dokument, meta tlett snin ilu l-istess rapport kien intbagħat lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali. Fuq kollox ir-rapport, li L-ORIZZONT għandu kopja tiegħu, ma fih xejn sigriet, għalkemm inżamm mistur. Dan għax għalkemm ir-rapport hu wieħed voluminuż, dan jikkonsisti bi tlett ritratti f'kull paġna ta' triq partikolari li dik il-paġna tkun qed titkellem fuqha u dettalji dwar l-istat tagħha.
Ovvjament, quddiem il-fatt li dan ir-rapport ma fih xejn kontroversjali, għajr min hu s-sid tal-kumpanija li għamlitu, il-mistoqsija kruċjali tibqa' għaliex dan inżamm bogħod minn għajnejn kunsillieri Mostin. Jidher li l-punt li jista' jitqies kontroversjali li fih dan ir-rapport jinsab fl-ewwel paġna tiegħu fejn hemm miktub li r-rapport sar minn MP&DC - kumpanija immexxija mir-raġel tas-Sindku tal-Mosta stess, f'liema kumpanija l-istess sindku għandha l-ishma.
Intant, meta ftit jiem ilu is-Sindku tal-Mosta Shirley Farrugia ikkummentat ma' L-ORIZZONT dwar dan ir-rapport, hi kienet qalet li dan għamlitu hi fuq inizjattiva tagħha u li anke kienet ħallsitu hi. Biss qed jirriżulta bl-aktar mod ċar minn ittra li l-istess Sindku kienet kitbet lid-Direttur tal-Gvern Lokali, li dak ir-rapport kien intbagħat lill-istess direttur meta saret talba għal għajnuna finanzjarja biex isiru ċertu toroq. Filfatt fl-ittra jingħad li "il-kunsill lokali tal-Mosta għandu rapport magħmul f'April 2012, dwar il-kundizzjoni tat-toroq fil-Mosta (ara kopja mehmuża)". Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Eżekuttiv meta ntalab jispjega għaliex ir-rapport inkwistjoni m'għaddiehx meta ntalab, qal li ma sabux fil-kunsill lokali u rrefera għalih bħala 'rapport mhux uffiċjali".
Is-Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsill tal-Mosta f'ittra li kiteb lid-Dipartiment tal-Kunsill Lokali, liema ittra inkitbet wara li sar magħruf li jeżisti rapport dwar l-istat ta' toroq fil-Mosta li sar minn kumpanija li hi tar-raġel tas-Sindku tal-Mosta Shirley Farrugia, qal li "fl-uffiċini tal-kunsill jien sibt biss rapport uffiċjali ta' Transport Malta li jġib id-data tad-19 ta' Frar 2009". Dan ifisser li r-rapport li sar mill-kumpanija tar-raġel tas-Sindku fis-sena 2012 ma kienx qiegħed fil-bini tal-kunsill lokali.
Id-Direttur tal-Gvern Lokali f'ittra li kiteb lill-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonniċi, kiteb li s-Segretarju Eżekuttiv intalab jagħti spjegazzjoni u dan wara li wieġeb mistoqsija parlamentari u fiha minkejja li kien mistoqsi għar-rapport tas-sena 2012, għadd r-rapport għas-sena 2009. Fl-istess waqt il-ġurnal L-ORIZZONT ippubblika stejjer li juru li kien jeżisti ir-rapport tas-sena 2012, u li dwaru anke xxandru kummenti tal-istess Sindku.
Is-Segretarju Eżekuttiv fir-risposta tiegħu qal li "l-Onor Agius Decelis staqsa biex jitpoġġa fuq i-mejda rapport li sar fuq talba tal-kunsill lokali tal-Mosta dwar l-istat tat-toroq. Jien wara li studjajt din il-mistoqsija bir-reqqa biex inkun nista' nirrispondi korretament jekk il-kunsill kienx għamel talba ta' dan it-tip, irriżultali li l-kunsill qatt m'għamel talba, jew ikkummissjoni jew ħallas għal xi rapport dwar l-istat tat-toroq fil-Mosta. Ir-rapport li inti qed tgħid li instab hu biss xogħol li sar fuq inizjattiva personali tas-sindku preżenti u ma sarx għax il-kunsill qatt talab li jsir dan. Irriżultali ukoll li qatt ma sar xi ħlas mill-kunsill għal dan ir-rapport li mhux uffiċjali". Kopja ta' dawn l-ittri tpoġġew fil-Parlament.
Ta' min jgħid li fuq il-fatt li r-rapport tas-sena 2012 ma ngħatax mill-ewwel lill-Parlament wassal biex il-Ministru Bonniċi jesprimi d-diżappunt tiegħu għal dan fil-Parlament u ddeskriva din bħala "xi ħaġa serja ħafna" filwaqt li qal li l-Kunsill seta' żgwida lill-Kamra bl-aġir tiegħu.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home