Wednesday, March 25, 2015

 

 

Is-sindku tal-Mosta ftiehmet mal-gvern qabel iddiskutiet fil-kunsill…'Nerġa' nagħmel kif għamilt'


Hekk kif kienu diversi dawk ir-residenti Mostin li fl-aħħar sigħat bdew jistaqsu dwar kif it-toroq li jgħixu fihom baqgħu ma ġewx asfaltati minkejja li t-triq tagħhom ilha 30 sena mingħajr asfalt, issa qed jirriżulta li l-istess Sindku tal-Mosta, Shirley Farrugia, kienet iffirmat ftehim mal-gvern kważi xahar qabel iddiskutiet l-asfaltar tat-toroq li kellhom isiru.
It-toroq li ġew asfaltati ġew deċiżi abbażi ta' rapport li sar mir-raġel tagħha, rapport li nżamm 'il bogħod minn għajnejn il-kunsillieri Mostin.  Fil-minuti tal-kunsill lokali imkien ma ssib li sar dan ir-rapport mill-kumpanija tar-raġel tagħha stess - liema kumpanija hi għandha l-ishma fiha.
Minn tagħrif li għandna jirriżulta li wara li fis-7 ta' Settembru tas-sena 2012 kitbet lid-Direttur tal-Kunsilli Lokali  u fiha qaltlu li "l-kunsill lokali għandu dan ir-rapport dwar il-kundizzjoni ta' toroq fil-Mosta', imkien ma' intqal li dan ir-rapport kien sar mill-kumpanija ta' żewġha. Ftit wara fl-24 ta' Ottubru ġie ffirmat il-ftehim mal-gvern biex jiġu asfaltati dawn it-toroq. Kien imbagħad fil-15 ta' Novembru li hi infurmat b'dan f'laqgħa tal-kunsill u saret diskussjoni.
'Nerġa' nagħmel l-istess' - is-Sindku
F'kuntatt li għamilna mas-Sindku Shirley Farrugia staqsejnieha jekk hux nifhmu sew li hi qed tgħid li l-fatt li s-sindku qabbdet kumpanija tar-raġel tagħha biex tagħmel rapport u ma ddikjaratx dan fil-kunsill  għandu jitqies bħala eżempju għal ħaddiehor. Hi qaltilna li "iva dan għandu jittieħed bħala eżempju".
Hi kompliet tgħid li "kieku jkolli nerġa' nagħmel xi ħaġa simili, ma niddejjaqx nerġa' nagħmel dak li sar. Jien meta nidħol għal xi ħaġa nagħmel ix-xogħol tiegħi sew". Nistaqsuha fuq il-fatt li hi marret għand il-kunsill dwar ix-xogħlijiet fit-toroq tal-Mosta wara li kien diġà ġie ffirmat il-ftehim dwar liema toroq għandhom isiru. Hi qaltilna li "jekk taf kif jimxu l-affarijiet fil-kunsilli taf li hekk isir. Qed tippruvaw issibu xi ħaġa. Għamilna 17-il triq, lanqas il-gvern ma' għamilhom".
Ta' min jgħid li dan ir-rapport li sar minn MP&DC, kumpanija ta' periti li hi mmexxija minn Stephen Farrugia - ir-raġel tas-Sindku, inżamm mistur sew. Fil-fatt jidher li fil-minuti tal-kunsilli lokali mkien ma' jissemma min għamel ir-rapport u l-fatt li s-Sindku stess kellha sehem f'din l-istess kumpanija. Il-fatt li hi kellha sehem f'din il-kumpanija, u l-fatt li ma ddikjaratx kunflitt ta' interess, imkien ma ssib riferenza għalih fil-minuti tal-kunsill lokali.
'Kellna mistoqsijiet fuq kif qed jintgħażlu t-toroq'
Intant wara li llbieraħ xandarna l-istorja dwar dan ir-rapport fuq it-toroq li sar minn kumpanija li fiha s-Sindku għandha interess - xi ħaġa li s-Sindku qed tgħid li tħallset minn butha, kienu diversi dawk il-persuni li kkummentaw dwar dan.  Omm Mostija qaltilna li "jekk tiġi fl-inħawi ta' Santa Margerita tara f'liema stat qegħdin ċerti toroq. Hawn toroq fi stat diżastru. Jien kont ngħid kif toroq inqas imkagħbra ġew asfaltati u toroq fi stat ħażin ħafna le.
Antoine Bugeja, resident Mostim jikkummenta li "issa qed nifhem għalfejn għal 35 sena sħaħ qatt ma saru ċerti toroq, fosthom it-triq li noqgħod fiha jien fil-Mosta! Għamilna petizzjoni mir-residenti u preżentajniha lill-Kunsill tal-Mosta imma kollox baqa l-istess! Daqt jibdlu l ismijiet ta' dawn tit-toroq.  'Triq Bagdad', 'Triq l-Afganistan', 'Triq is-Sirja '. Jixirqilhom iktar ismijiet hekk dawn it-toroq".

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home