Tan-nar imħeġġin jivvutaw 'IVA'... "Illum dawn u għada aħna" - President tal-Għaqda Piroteknika Maltija
Fost ħafna dilettanti tan-nar, il-kwistjoni tar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa qed titqies bħala materja li għalkemm ma tolqothomx direttament bħalissa, m'hemm xejn eskluż milli l-kanuni fil-futur jiddawru fuq il-piroteknika Maltija. Fil-fatt, il-President tal-Għaqda Piroteknika Maltija, Josef Camilleri, meta kkuntattjat minn L-ORIZZONT qal li, "Aħna qed ngħidu li llum dawn (għall-kaċċaturi) u għada aħna. Jekk tridu tibżgħu għal din is-sengħa tafu x'għandkom tagħmlu. Qed inħallu lill-membri liberi li jivvutaw kif iridu imma qed ngħidulhom jaħsbu b'moħħhom."
Josef Camilleri meta tkellem ma' L-ORIZZONT qal li, "Fuq il-kwistjoni tar-referendum ninsabu ftit inkwetati. Bħala għaqda qed nagħtu appoġġ lill-Federazzjoni tal-Kaċċaturi. Bħala Għaqda Piroteknika m'aħniex nieħdu sehem attiv fir-referendum imma qed ninfurmaw lill-membri tagħna kollha dwar x'jista' jiġri. Jien personalment ma naqbilx mal-kaċċa. Imma se nmur nivvota u se nkun qed nivvota 'Iva'. Ma naqbilx li jkun hawn xi grupp jew xi ħadd li jipprova jgħaffeġ lill-minoranzi u d-delizzji tagħhom. Dawn li qed jgħidu le għall-kaċċa filli jgħidu li għandha tinqata' l-kaċċa fir-rebbiegħa u filli jgħidu li n-nies għandhom igawdu l-kampanja. Naħseb li jew ħaġa jew oħra, għandhom jiddeċiedu".
Hu sostna li, "Lill-membri qed ngħidulhom jaħsbu b'moħħhom. Qed ngħidulhom illum dawn u għada aħna. Dawk dilettanti u li jridu jibqgħu jsegwi l-ispettakli li jsiru fil-bliet u rħula tagħna, jafu kif għandhom jivvutaw."
Intant diversi dilettanti tan-nar qed iqassmu bejniethom fuq il-midja soċjali kummenti li kien għamel Dr Arnold Cassola f'isem l-Alternattiva Demokratika dwar in-nar fis-sena 2011. Hu kien qal hekk: "Bħala Alternattiva nirrikonoxxu l-valur tal-festi. Il-fatt pożittiv hu li jkunu ċentru soċjali u li jinfetħu t-toroq. Però hemm żewġ punti li ma nistgħux naqbżuhom, fosthom is-sigurtà. Is-sigurtà tan-nies irridu nieħdu ħsiebha u r-rispett tar-residenti għall-mistrieħ. Malta nbidlet għax inbniet. Qabel kienu jisparaw mill-perifierji u llum kważi m'hemmx periferiji. Malta tant kibret fil-bini li minkejja d-distanzi ta' 200 metru xorta qiegħed viċin l-abitat."
Ta' min jgħid li l-Alternattiva Demokratika kienet ipproponiet moratorju fuq in-nar għal sentejn.
Meta mistoqsijin dwar il-fatt li kien ingħad li m'hemmx bażi legali biex delizzji oħra jkunu suġġetti għal referendum, dilettanti tan-nar xorta qed iħossu li jekk tirbaħ il-'Le', dawk li mexxew din il-kampanja se jkollhom enerġija ġdida biex jibdew kampanji u pressjonijiet ġodda kontra ċerti delizzji.
"Taħseb inti li jekk ikun hemm maġġoranza kontra l-kaċċa, wara ma jinbdewx kampanji ġodda? In-nar ilu snin issa fil-mira ta' xi wħud minn dawk li qegħdin fuq quddiem kontra l-kaċċa. Jekk jirbħu nimmaġina x'enerġija u xi pressjoni jibdew fuq in-nar u delizzji oħra," sostna dilettant tan-nar li tkellem ma' L-ORIZZONT.
Ta' min jgħid li ftit ġimgħat ilu saret dikjarazzjoni konġunta minn 11-il espert legali. F'din id-dikjarazzjoni l-esperti legali spjegaw kif l-argument li wara l-kaċċa se jkun hemm delizzji oħrajn li se jaffaċċjaw referendum ma għandu l-ebda bażi legali.
Id-dikjarazzjoin ġiet iffirmat mill-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello, Dr Kevin Aquilina, Dr Reuben Balzan, Dr Mark Bencini, Dr Andrew Borg Cardona, Max Ganado, Edward Debono, Graziella Bezzina, Philip Manduca , Richard Camilleri, Dr Stephen Muscat u Dr David Meli.
Waqt il-konferenza stampa li saret fil-Belt Valletta Dr Mark Bencini kien qal li hu għamel riċerka legali dwar li permezz ta' referendum abrogattiv jistgħu jiġu affettwati attivitajiet oħrajn. Bencini spjega kif mill-istudji ħareġ li l-bniedem jista' jagħmel id-delizzji li jrid, sakemm ma jkunx qed jikser il-liġi. Qal li fejn ħafna delizzji mhumiex regolati, bħal ngħidu aħna kollezzjoni ta' bolli jew xi forma ta' eżerċizzju, oħrajn hemm bżonn li jkunu suġġetti għal-liġi hekk kif dawn jistgħu jkunu ta' periklu.
Madankollu hemm distinzjoni bejn leġiżlazzjoni regolatorja u regolazzjoni permessiva, bħalma hija l-kaċċa. Il-liġi li tippermetti l-kaċċa fir-rebbiegħa hija eċċezzjoni għal-liġi ġenerali. Għaldaqstant referendum abrogattiv ma jkollu l-ebda utilità jew skop f'dak li għandu x'jaqsam ma' delizzji regolatorji. Fost id-delizzji regolatorji hemm tiġrijiet taż-żwiemel, logħob tann-nar, karozzi, każini tal-baned u sajd. minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home