Daqshekk detenzjoni għat-tfal immigranti
L-istejjer ta' tfal immigranti, imħalltin u jgħixu ma' adulti, maqfulin bejn erba' ħitan u ma jistgħux jaraw id-dawl tax-xemx, issa huma xi ħaġa tal-passat. Ninsabu infurmati li f'Ħal Far kollox jinsab lest, u hemm struttura lesta biex meta f'pajjiżna jidħlu tfal immigranti, dawn ma jitpoġġewx fid-detenzjoni kif kien qed jiġri sa ftit xhur iżda jittieħdu f'din il-faċilità fejn il-proċedura se tkun dik li jkun hemm verifikar tal-età u stħarriġ mediku.
Għalkemm din il-faċilità tlestiet ftit tal-ġimgħat ilu, fix-xhur ta' qabel mal-wasla ta' immigranti tnaqqas drastikament iż-żmien li t-tfal għamlu fid-detenzjoni. Il-kwistjoni tat-tfal migranti detenuti kienet tqajmet mill-Prim Ministru Joseph Muscat lejlet Jum il-Ħelsien tas-sena li għaddiet, u minn dakinhar bdiet ħidma li fiha kien hemm involuti anke organizzazzjonijiet internazzjonali biex issir din is-sistema u jinstab post.
Meta għamilna kuntatt mal-Agency for the Welfare of Asylum Seekers, dawn ikkonfermaw li tlestiet il-faċilità. Qalulna li, "Fit-23 ta' Frar ta' din is-sena beda jopera uffiċjalment l-Initial Reception Centre f'Ħal Far, taħt it-tmexxija tal-Agency for the Welfare of Asylum Seekers. Dan f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ entitajiet oħra relevanti. Din l-istruttura timplementa l-politika tal-Gvern li eliminat għalkollox id-detenzjoni tat-tfal. Mal-wasla ta' tfal f'Malta, dawn jittieħdu fiċ-ċentru fejn isiru l-verifikar tal-età u stħarriġ mediku, kif ukoll stħarriġ ieħor li jkun meħtieġ. Malli dawn jitlestew, l-utenti tas-servizz jimxu għal stadji oħra tal-proċess."
Sas-sena 2013 kien hemm xejn inqas minn erba’ familji fid-detenzjoni bi tfal ta’ bejn tliet xhur u seba’ xhur. Minn żmien għal żmien diversi aġenziji jew awtoritajiet kienu jiġu u jagħmlu żjarat fid-detenzjoni. F’Novembru tas-sena 2013 l-kwistjoni tad-detenzjoni tat-tfal immigranti tqajmet minn Stati membri tal-Ġnus Magħquda, fosthom in-Norveġja u l-Olanda waqt il-‘universal periodic review’ tad-drittijiet umani f’Malta.
Human Rights Watch fis-sena 2013 kienu spjegaw ukoll kif fi żjara f’Malta sabu tfal detenuti ma’ persuni adulti li mhumiex il-ġenituri tagħhom. Kienu qalu li, “Malta tippresumi li kull min viżibilment jidher li mhux tifel jew tifla, jiġifieri min jidher li għandu aktar minn 12-il sena, jitqies adult. Fid-detenzjoni t-tfal ikunu esposti għal vjolenza u esplojtazzjoni. Tifel li ltqajna miegħu qalilna li ‘kuljum kien jiġi raġel mill-Mali u jgħidli biex nagħtih l-ikel. Darba għedt le u sawwatni. Spiċċajt mal-art għal nofs siegħa’."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home