from the final rest for 24 nameless victims of tragedy in Mediterranean...they cried 'Why? Why?' Photo by Roger Azzopardi, photographer at L-ORIZZONT and inewsmalta.com |
Aħfulna talli nqasna li nsalvawkom fil-ħin….
'Stajna konna aħna'…..l-aħħar tislima
lil 24 immigrant
'Għaliex?. Għaliex'. Karba ta' omm Eritreana li flimkien ma' għadd ta' persuni oħra Ertirej u Etjopjani lbieraħ inġabru quddiem l-Isptar Mater Dei fejn ingħatat l-aħħar tislima. Tgħatti wiċċha u tolfoq. Miżmuma minn idejha minn immigranti oħra li ukoll nfexxew jibku magħha. Ilissnu xi kliem bil-lingwa tagħhom. Nistaqsu lil immigrant li kien ħdejna dwar x'qed jgħidu u jgħidli 'stajna konna aħna'. Iħares lejja u jgħidli 'aħna bħal dawn għamilnieh il-vjaġġ. Stajna spiċċajna hekk ukoll. Kienet il-fortuna. Aħna wasalna, ħafna oħra ma waslux. Ftakru li mhux fil-baħar biss imutu. Imma fid-deżert, fil-Libja u anki f'pajjiżi oħra waqt li jkunu qed jivvjaġġaw". Waqt li qal hekk, daħal wara l-aħħar grupp ta' twiebet, qabel inbdiet iċ-ċerimonja li tagħat l-aħħar tislima lil 24 immigrant li ddaħħlu f'Malta ftit jiem ilu. Dawn kienu l-vittmi tal-akbar traġedja fil-Mediterran, fejn dgħajsa b'950 immigrant spiċċat għerqet. Minnha salvaw biss 28 persuna li ddaħħlu l-Italja.
Kienet ċerimonja dinjituża għall-aħħar u mingħajr ħafna pompa. Sa min kmieni filgħodu, xejn inqas minn 300 bukkett li kienu intbagħtu fil-Kamra Mortwarja - fosthom minn skejjel Maltin ġew impoġġijin fil-passaġġ li minnu kellhom jgħaddu it-twiebet mill-kamra mortwarja lejn it-tinda fejn saret iċ-erionja inter reliġjuża. Barra t-tinda u madwar il-helipad - fejn kien hemm it-tinda, ħaddiema tal-isptar, il-pubbliku inġenerali u għadd ta' immigranti isegwu. Bnadar fuq djar fil-qrib kienu mezzasta.
L-emozzjoni u l-biki ta' dawk preżenti ma naqasx. Spikka ferm x'ħin iddaħħal it-tebut abjad li fih kien hemm it-tifel - li għandu bejn 10 u 14-il sena. It-twiebet iddaħħlu bid-daqq tal-arpa.
Is-servizz funebri tmexxa mill-Imam Mohammed el Sadi u mill-Isqof t'Għawdex, Mario Grech. Iċ-ċerimonja bdiet billi l-Imam qara silta mill-Koran u warajh l-Isqof Grech qara silta mill-Evanġelju ta' San Luqa.
110 sa 133…..numri
fuq it-twiebet
Spikkaw sew in-numri fuq it-twiebet. Kienu jibdew minn 110 u jibqgħu sejrin sa 133. Miktubin fuq wara tat-tebut. Persuni li ħadd ma jaf xejn dwarhom u sa issa l-ebda immigranti jew familjari tagħhom ma għamlu xi kuntatt mal-awtoritajiet dwar possibilità li xi ħadd minn dawk il-katavri kien jiġi minnhom.
Ma tistax ma tistaqsix għaliex in-numri bdew minn 110. L-ORIZZONT ġie infurmat li peress li fuq dawn il-katavri saret id-DNA u għal dan hemm reġistru apposta, dawk il-kampjuni jkunu jġibu n-numru li hemm fuq it-tebut. Dan il-proċess hu importanti f'każ li fil-futur ikun hemm min ikun irid jagħmel it-test tad-DNA biex jara kienx hemm xi ħadd jiġi minnu fost dawn l-immigranti mejtin.
'Aħna ilkoll immigranti'
- L-Imam
L-Imam Mohammed El Sadi iddikjara li aħna kollha immigranti u li l-ħajja tagħna hi vjaġġ. Staqsa jekk hux qed nesperjenzaw kriżi spiritwali. Talab għall-barka fuq dawk l-individwi u pajjiżi li jaħdmu mal-immigranti. L-Imam sostna ukoll li quddiem Alla aħna kollha aħwa. Qal li dak li ġara f'din it-traġedja għandu jiftaħ għajnejn kulħadd. Staqsa jekk sarx biżżejjed biex l-immigranti jiġu mgħejjunin u salvati meta jkunu f'nofs ta' baħar. Hu qal ukoll li "aħna immigranti fid-dinja minn ġuf ommna. Nemigraw fl-oqbra".
'Aħfrulna talli nqasna li nieħdu miżuri
meħtieġa biex insalvawlkom ħajjitkom"
- l-Isqof Mario Grech
L-Isqof Mario Grech sostna li "għandna quddiemna erbgħa u għoxrin katavru ta' bnedmin mhux identifikati. Imma nafu li hemm ħafna oħrajn, mijiet li qed jistrieħu fiċ-ċimiterju kbir fil-baħar. Ma nafux isimhom, ħajjithom - nafu biss li kienu qed jaħarbu minn sitwazzjoni ta' disperazzjoni biex ifittxu l-ħelsien u ħajja aħjar. Insejħulhom mhux identifikati. Imma nibkuhom. Nibku t-telfa tagħhom. Nixtiequ nagħtuhom l-aħħar turija ta' rispett. Dan għax fil-fond ta' qalbna, irrispettivament mit-twemmin, il-kultura u n-nazzjonalità, ir-razza tagħna, aħna nafu li huma bnedmin ħutna".
Enfasizza li 't-triq tal-liġi mhix biżżejjed biex insolvu l-emerġenzi umaniarji. Nistgħu nkomplu neżaminaw il-liġijiet kif jagħmel l-għaref tal-liġi imma dan mhux biżżejjed. It-triq tal-liġi, it-triq tal-ġustizzja, għandha tinfetaħ għat-triq tal-imħabba. L-imħabba tmur lil hinn mill-ġustizzja, għax li tħobb iffisser li nagħti, li noffri minn tiegħi lil oħrajn".
Isostni li "l-imħabba, l-imħabba ħanina, lill-vittma mhux identifiakta toħroġha mill-anonimità tagħha. Issir 'hija', persuna li hi l-proxxmu tiegħi u ninkwieta għaliha. Jekk inħallu din l-imħabba tibdilna, is-sitwazzjoni attwali tinbidel ukoll. Minn dawk li jġarrbu l-influss tal-immigranti aħna insiru proxxmu ta' dawk li jaslu fuq xtutna. Il-ħniena biss tkisser iċ-ċirku tal-egoiżmu u l-vjolenza u toħloq il-possibilità ta' futur ġdid. Il-kompassjoni hi l-awtorità etika aħħarija kontra l-kefrija umana. Jalla dawn ħutna irġiel u nisa jistrieħu fis-sliem. Ma stajniex noffrulhom l-ospitalità tagħna. It-tbissima tagħna. It-tgħanniqa tagħna. Imma issa aħna u nafdawhom f'idejn Alla, nitolbuhom ukoll jaħfrulna talli inqasna li nieħdu il-miżuri f'waqthom li setgħu salvawlhom ħajjithom. Jalla it-tifkira tagħhom tibqa' ħajja fl-impenn imġedded tagħna biex insiru proxxmu għal dawk li diġa jinsabu fuq artna jew qed joqorbu lejn xtutna. Nitlob lil Mulej jibdilli qalbi bl-imħabba ħanina tiegħu u dan jista' jibdilni biex insir proxxmu għal ħuti kollha", temm jgħid l-Isqof Mario Grech.
Preżenti għaċ-ċerimonja funebri kien hemm il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, għadd ta' Ministri tal-Gvern u l-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil. Kien hemm preżenbti ukoll il-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni Dimitris Avramopoulos, il-Ministru tal-Intern Taljan, Angelino Alfani u l-Ministru tas-Solidarjetà Soċjali Grieg, Theano Fotio.
Wara li ntemmet iċ-ċelebrazzjoni funebri, il-katavri ittieħdu fi vjaġġi separati ta' seba' kull darba lejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata fejn saret id-difna.
Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home