Wednesday, April 22, 2015



 'Aħfrulna'......il-Maltin jirrispondu
bil-fjuri

Għażiż ħija - oħti.  Jiddispjaċini li ma wasaltx Malta. Niskuża ruħi li xi wħud min ħuti Maltin donnhomn ħadu pjaċir li ma wasaltx. Niskuża ruħi aktar għax xi wħud ma apprezzawx ħajtek għax int iswed jew sewda. Żgur li mhux i-kaz fejn qiegħed jew qiegħda issa għax il-Mulej iħobbok kif int. Nitolbok iddur lejn il-Ħallieq li issa int qed tara u tgħidlu jgħinna biex inżommu lil ħutek milli jegħrqu".  Dan hu wieħed mill-messaġġi li wasal fl-aħħar sigħat ma' bukkett fjuri fil-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei, li fiha hemm miżmumin l-24 katavru ta' persuni li kienu abbord dgħajsa li nqalbet fil-Mediterran u għerqu.  B'kollox għerqu mat-850 persuna.  Il-Maltin, irrispondew b'diversi modi biex juru l-kruha ta' dawn it-traġedji u l-karba tal-istess immigranti. L-entratura tal-Kamra Mortwarja salbieraħ f'nofsinhar kienet imtliet kollha b'bukkett ta' fjuri b'xi wħud b'diversi messaġġi.  Il-kelma 'aħfrulna' iddominat fuq diversi bukketti.  Sal-bieraħ filgħaxija kienu intbagħtu xejn inqas minn 300 bukkett ta' fjuri.
Flimkien mal-fotografu Roger Azzopardi qattajna ftit ħin mhux ħażin fl-entratura tal-kamra mortwarja. F'silenzju akkumpanjat minn irwejjaħ tal-fjuri. Rajna diversi bukketti ta' fjuri b'messaġġi li jmissu l-qalb. Messaġġi li juruk li min bagħat il-bukkett waqaf għal ftit ħin jaħseb fuq din it-traġedja - fuq dawn il-persuni li qed jagħmlu l-vjaġġi ta' tama.
Bukketti identifikati. Mibgħuta minn indivdwi, għaqdiet, kumpaniji jew organizazzjonijiet. Fatt li jistona ftit ma' dak li hemm ftit metri l-ġewwa fejn il-pubbliku ma jistax jidħol.  Katavri mhux identifikati li mietu mgħarrqin. Aktarx iċ-ċans hu li qrabathom f'pajjiżi Afrikani għadhom lanqas jafu li mietu. 24 katavru instabu u ddaħħlu Malta.  850 katavru iehor, għadhom bil-baħar. L-istess bħal sħabhom mejtin. Aktarx li dawn ukoll ħadd ma jaf min huma. Se jkunu mniżżlin bħal ħafna immigranti oħra li mietu mgħarrqin  - jiġifieri  'neqsin'.  Għal darba oħra huma n-numri fuq it-twiebet li se jiddominaw.
Ċimiterju li qatt ma kellu jkun…tesprimi l-messaġġ bl-arti
Sarah Ezabe, studenta universitarja, irreflettiet fuq din it-traġedja.  Il-ħsieb tagħha esprimietu permezz ta' tpinpija li għamlet. Tpinġija ta' bniedem qed jokrob. Fl-isfond jidher il-baħar miżgħud bl-oqba - li jfissru l-imwiet li saru fih. Meta kkuntattjata minn L-ORIZZONT qaltilna li "meta tiġri xi ħaġa li tolqotni inħobb inpinġija. Huma tpinġijiet li nżommhom għalija. Meta għamilt dik it-tpinġija kelli diversi affarijiet f'moħħi.  Il-kwistjoni mhux kemm se jkun hemm aktar imwiet ta' persuni li jitilqu bid-dgħajjes.  Il-kwistjoni kollha hi li meta se nibdew nieħdu inkonsiderazzjoni, li aħna qed nitrattaw mhux ma numri imma ma' bnedmin. Dan l-istess kif trattajna lil dawk li mietu fi Franza, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra madwar id-dinja. Hu biss meta nibdew nivvalutawhom bħala li huma daqsna fid-dinjità, li nkunu qed nirrealizzaw li Malta hi gżira imdawra b'ċimiterju li jinsab f'qiegħ il-baħar.  Ċimiterju li suppost qatt ma kien".
'Kont sorpriż bir-rispons tal-Maltin…it-tajjeb hu li tieqaf u taħseb'
Quddiem ir-rispons tal-Maltin għat-talba biex jibagħtu l-fjuri, tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon. Hu qalilna li "waslu bukketti anki minn barra minn Malta.  Il-gvern Irlandiż bagħat ukoll bukkett.  Waslu madwar 300 bukkett fjuri. Qatt ma stennejt dan ir-rispons mill-Maltin. Jien għamilt it-talba biex jibagħtu bukketti għal erba' ħbieb tiegħi.  Ir-rispons juri li xi kultant ikollok impressjoni mod imma imbagħad jiġri mod iehor. L-appell għamiltu mhux għall-fjuri imma biex dak li jkun  minkejja l-pressjoni tal-ħajja ta' kuljum u t-taħbit, jieqaf u juri ħsieb.  Li tieqaf u ċċempel  lil tal-fjuri u tordna bukkett. Jien naħseb li wassalna l-messaġġ anki b'mod internazzjonali li l-poplu Malti ssibu dejjem meta jkollok bżonnu".
Mixja għada biex jitfakkru - l-mijiet ta' ħajjiet li ntilfu
Intant għada se ssir mixja bix-xemgħat biex jitfakkru l-mijiet ta' ħajjiet li ntilfu fil-baħar Mediterran. Il-mixja silenzjuża u paċifika li se ssir mal-baħar, se tibda minn żewġ postijiet, minn ħdejn l-ITS f'Pembroke fis-6.30 p.m. u fil-Bajja ta' Spinola f'San Ġiljan ħdejn il-monument tal-Love, fis-6.45 p.m. u tintemm it-Torri f'Tas-Sliema. Fl-Exiles ix-xemgħat se jitpoġġew b'tali mod li jifformaw il-frażi "All Lives Matter" u se jintefgħu petali fil-baħar bħala turija ta' rispett lejn il-vittmi. 
Din l-attività qiegħda tiġi organizzata biex jintbagħat il-messaġġ lill-mexxejja u l-persuni madwar id-dinja li issa huwa l-mument biex tittieħed azzjoni u jinstabu soluzzjonijiet reali. Din mhijiex protesta imma azzjoni simbolika minn persuni li qegħdin jitolbu biex ma jintilfux aktar ħajjiet fil-baħar.
"Il-messaġġ tagħna huwa wieħed ta' għaqda u kompassjoni. Irridu ngħidu lid-dinja li lilna jimpurtana minn kull ħajja li tintilef, għax All Lives Matter, il-ħajjiet kollha jgħoddu. Issa huwa l-waqt li nibdlu d-dieqa f'azzjoni, li ningħaqdu u nagħmlu xi ħaġa. Il-preżenza tiegħek se tqajjem kuxjenza biex tinstab soluzzjoni għal din it-traġedja kontinwa li qiegħda sseħħ ftit mili biss bogħod minn xtutna," iddikjara l-organizzatur Damjan Attard.
Attività oħra li se ssir jisimha “Too many to count”. Din se tkun ħdejn il-librerija tal-Università fis-7.30pm. Se jinxtegħlu xemgħat u jinkitbu messaġġi ta' solidarjetà.
Bereket……"minn moħħi l-ħsieb hu li faċilment stajt kont wieħed minnhom"
Bereket hu immigrant mill-Eritrea. Nikkuntattjawh biex nisimgħu l-ħsieb tiegħu quddiem din it-traġedja. Jgħidilna li "ma tantx hemm x'wieħed jgħid. L-ewwel ħsieb li jiġini hu dak li faċilment stajt kont jien. Stajt kont jien vittma ta' traġedja mhux fil-vjaġġ bil-baħar biss. Stajt mitt fid-deżert. Iebsa ħafna din li taqsam id-desert. Rajt nies mejtin hemm li ma felħux jaslu. Stajt mitt fil-vjaġġi li għamilt fis-Sudan u fil-Libja".
"Jiddispjaċini li hawn min qalli imma dawn għalfejn jagħmlu l-vjaġġ? Ma jafux li perikoluż? Nifhem li tinsabu bogħod minn pajjiżi Afrikani u nifhem li diffiċli wieħed jifhem ir-realtà tagħna. Imma tajjeb tistaqsu għaliex il-vjaġġi u l-ħarbiet minn art twelidkom? Il-ħarba sseħħ minħabba ċirkostanzi li jvarjaw. Ħarba minn persekuzzjoni. Mid-dittatura. Ħarba mill-gwerer u l-kunfitti. Tkun iddisprat u ma tkunx trid tibqa' tgħix f'art twelidek. Emmnuni meta tiddeċiedi li taħrab minn pajjiżek u minn familtek, tkun vera iddisprat. Kont lest immut fi vjaġġ milli nibqa' ngħix hemm. Il-vjaġġ kien l-uniku tama li kien fadalli. Xejn ma kien se jżommni", jiddikjara Bereket. 
Petizzjoni...75,000 firma f'siegħa
Intant madwar l-Ewropa bdiet tinġabar petizzjoni, fejn f'temp ta' siegħa mindu inbdiet inġabru 75,000 firma. Il-petizzjoni inbdiet minn Tareke Brhane, wieħed minn dawk li kien waqqaf moviment meta seħħew it-traġedji ta' Ottubru tas-sena 2013.  Il-petizzjoni tgħid li "kull wieħed minn dawk li spiċċaw mgħarrqin għandhom isem. Għandhom storja. Jien stajt kont wieħed minnhom. Jisimni Tareke. Ħrabt mill-Eritrea ta' 17-il sena. Wasalt l-Italja fis-sena 2005. Ippruvajt ngħin lil nies oħra bħali.  Din it-traġedja hi l-aktar waħda li seħħet fil-baħar Mediterran. Jekk l-Ewropa mhix se taġixxi se jmutu aktar persuni. Qed nitolbu operazzjoni ta' salvataġġ robusta fil-Mediterran".
  Minn L-ORIZZONT
 

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home