Ir-referendum dwar id-deroga dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa....
Wara t-telfa jippuntaw is-swaba.....
....tgħajjir bla qies lil min ivvota 'IVA'
'Nies stupidi u injoranti hawn. Jimxu wara l-mexxej. Kieku ma ndaħalx aktarx konna nirbħu". "Tilef is-sens komun. Rebħet l-injoranza'. 'Bħan-nagħaġ ta' Bendu għamlu n-nies, skont ma qalulhom". 'Nazzjon tad-dwejjaq aħna". "Il-ġaħan Malti jirbaħ fuq il-Malti Ewropew Progressiv'. "Kellna ċans biex intejbu pajjiżna. Illum nistħi ngħid li jien Maltija".
Dawn huma ftit żgħira minn kummenti li ssib fis-sit soċjali ta' Shout - il-kampanja kontra d-deroga għal kaċċa fir-Rebbiegħa. Minkejja l-verdett ċar ta' maġġoranza tal-poplu biex tinżamm deroga negozjata mal-Unjoni Ewropea, esponenti fil-kamp tal-LE qed jibqgħu jippersistu u donnhom ma jridux jaċċettaw ir-riżultat. Quddiem din it-telfa esponenti ta' Shout issa qed jippuntaw lejn il-Prim Ministru, sempliċiment għax iddikjara li se jivvota Iva.
Dan l-argument qed iqajmuh issa wara li sar ir-riżultat. Waqt il-kampanja, ma lissnu ebda kelma kontra dan. Anzi imlew il-gurnali b'avviżi li kien jgibu l-Prim Ministru u d-dikjarazzjoni li kulħadd jista' jivvota kif irid. Ovvjament ir-riżultat ħallihom b'togħma morra għax il-poplu warrab għal kollox argumenti ta' abolizzjoni tad-deroga. F'temp ta' ftit sigħat donnhom insew li kienu ġabu r-reklami tal-Prim Ministru u d-diska dawruha billi bdew jippuntaw is-swaba.
Imma f'telfa bħal din, in-naħa telliefa aktar milli tipponta s-swaba u ssib l-iskużi l-ewwel li m'għandha tagħmel hu li tara x'mar ħażin. Minnu dak li allegaw li ħafna kaċċaturi jabbużaw? - maġġoranza tal-poplu jidher li m'emmnitiex. Il-maġġoranza emmnu dak li ġie allegat ta' theddid fil-kampanja? Meta tara l-vot u d-distretti tara faċilment li l-inħawi rurali - dawk qrib il-kampanja kienu bi ħġarhom mal-kaċċaturi.
X'impressjoni taw tagħhom infushom lill-maġġoranza tal-poplu dawk li kienu fuq quddiem man-naħa tal-LE, b'mod partikolari lil dawk tal-irħula u dawk viċin il-kampanja? Il-maġġoranza tal-poplu iqishom bħala li kellhom messaġġ favur l-ambjent?
Li hu żgur hu li l-messaġġ tal-Le ma ġiex aċċettat biżżejjed. Apparti d-differenza żgħira ta' voti kien hemm ammont iehor sostanzjali li ħass li ma kellux jivvota. Ma aċċettawx il-messaġġ b'mod partikolari fid-distretti li għandhom rabtiet mill-qrib mal-ambjent rurali. Bla dubju ta' xejn li dan hu falliment kbir għal din il-kampanja. Distretti qrib l-ambjent rurali tista' tgħid li kważi kollha ntrebħu mill-IVA. Bla dubju dan għandu jiftaħ għajnejn dawk li mexxew il-kampanja tal-LE.
Fuq kollox, kellna sitwazzjoni differenti wara r-riżultat. Min tant għajjat b'referendum, demokrazija u li r-riżultat ikun aċċettat, spiċċaw jgħajjru lill-poplu sempliċiment għax ivvota kontra l-messaġġ li kienu qed jimbottaw. Waħħlu fil-Prim Ministru. Li jmiss issa mhux li jippontaw is-swaba, iżda jidħlu fihom infushom u jaraw x'mar ħażin u għaliex il-messaġġ ma ġiex aċċettat.
Jidher li l-maġġoranza tal-poplu hi aktar favur il-bilanċ, milli pożizzjonijiet ta' żbilanċ.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home