Thursday, April 2, 2015





"Kull ħajja ta' immigrant li nsalvaw 


hi rebħa għall-umanità" 


         - Sea Watch


Fl-aħħar jiem bdew il-preparamenti biex il-bastiment 'GO 46' ikun f'pajjiżna f'nofs Mejju li ġej, biex iwettaq ħidma umanitarja - dik ta' salvataġġ ta' immigranti li jkunu qed jaqsmu bejn il-Libja u l-Ewropa. L-ekwipaġġ ta' dan il-bastiment qed jagħmilha ċara li mhux se jittellgħu immigranti abbord minħabba li dan jista' jiġi interpretat jew iqajjem suspetti ta' traffikar. Biss, l-istess ekwipaġġ se jinforma lil Qawwiet Militari Taljani u l-Forzi Armati Maltin b'immigranti li jkunu qed jaqsmu. "Nafu bir-riżorsi limitati tagħna, u nafu li ma nistgħux inwaqqfu l-imwiet ta' immigranti li jkunu qed jaqsmu.  Imma kull ħajja li se nsalvaw bl-inizijattiva tagħna, se tkun rebħa għall-umanità".
Din l-inizjattiva qed tissejjaħ 'Sea Watch', inizjattiva li anke għamlet sejħiet għal paramediċi u tobba biex jassistu jekk ikun hemm bżonn.  L-operazzjoni tagħhom fil-Mediterran se ddum xejn inqas minn tlett xhur b'xiftijiet li jinbidlu kull ġimgħatejn.
Wara din l-inizjattiva hemm żewġ negozjanti Ġermaniżi, Harald Hoppner u Matthias Kuhnt.  Imħassbin u ħafna drabi milqutin minn aħbarijiet ta' dgħajjes jinqalbu fil-Mediterran bl-immigranti, huma iddeċidew li jibdew proġett u dan billi xtraw bastiment u permezz tiegħu se jagħmlu sorveljanza fil-Mediterran.
Din l-idea żviluppat f'Novembru li għadda fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mill-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin.
Quddiem dikjarazzjonijiet minn għaqdiet u organizazzjonijiet umanitarji li l-operazzjoni ta' salvataġġ minn Triton mhix adekwata, fejn fl-aħħar jiem anke l-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li din falliet, Hoppner u Kuhnt investew xejn inqas minn $162,000 f'dgħajsa twila 21 metru.  Huma anke waqqfu sit fuq l-internet li permezz tiegħu  bdew jinġabru fondi biex tinxtara din id-dgħajsa.
Lejn l-aħħar ta' April, hu mistenni li din id-dgħajsa tkun f'Malta, fejn minn hawn tinbeda din l-operazzjoni. Il-ħidma mistennija tibda f'nofs Mejju.
Ovvjament id-dgħajsa li se tintuża mhix xi waħda kbira u din forsi tista' tqajjem diversi mistoqsijiet. Hoppner u Kuhnt iwieġbu għal dan u jgħidu li abbord id-dgħajsa se jkollhom diversi 'life rafts' kif ukoll provvista ta' ilma għal xejn inqas minn 500 persuna. Huma jenfasizzaw li kif se jaraw dgħajsa f'diffikultà huma se jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti.
Il-proġett umanitarju ta' Sea Watch, se jkun qed joħloq kuxjenza fost il-pajjiżi Ewropej u jgħin biex issir pressjoni fuq il-mexxejja Ewropej dwar il-karbiet tal-istess immigranti.  Sea Watch tgħid li minkejja li l-opeazzjoni immexija mit-Taljani bl-isem ta' Mare Nostru salvat xejn inqas minn 130,000 immigrant li kienu qed jaqsmu lejn l-Ewropea, l-opeazzjoni ta' wara bl-isem ta' Triton kienet ħafna iżgħar. Tgħid li l-gvern Ġermaniż jitkellem ħafna fuq għajnuna għall-immigranti iżda m'hemm ebda proposti kif dawn jistgħu jaslu sal-Ġermanja.  
"Jitkellmu fuq kultura ta' merħba imma l-Ewropa li qed tagħmel hu li tagħlaq il-fruntieri. Il-Kanċillier Ġermaniż titkellem fuq kif in-nies mhux qed iħossu għal dawn l-immigranti u sadanittant tfal, ommijiet u missirijiet jibqgħu jegħrqu fil-Mediterran. Iddeċidejna li niġġieldu biex il-politika tkun aktar umana. L-ospitalità għandha tkun in-norma. Se noħolqu servizz ta' salvataġġ għax l-Unjoni Ewropea mhix lesta li tagħmel dan".
Malta se tkun il-bażi ta' din l-operazzjoni
Sea Watch se jużaw lil Malta bħala bażi għall-operazzjoni tagħhom. Apparat marbut mas-salvataġġ u materjal iehor se jkun maħżun f'Malta. Id-dgħajsa se jkollha ekwipaġġ ta' bejn 4 u 8 persuni għal madwar 12-il ġurnata. It-tiftix għad-dgħajjes bl-immigranti se jsir b'radar u b''air cam'.
Ta' min jgħid li s-sena li għaddiet kienet saret operazzjoni simili minn Migrant Offshore Aid Station (MOAS), li wkoll kienet ibbażata f'Malta.  Din l-operazzjoni mistennija ssir ukoll dan is-sajf.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home