Wednesday, April 15, 2015





Id-daqquqa.....u l-indifferenza fl-
għarqa ta' 400 immigrant


Fl-aħħar sigħat komplejna nassistu għad-dibattitu dwar ir-riżultat tal-kaċċa.  Matul il-ġurnata kellna korijiet sħaħ jippuntaw is-swaba lejn persuna li sparat lejn tajra protetta. Kollha jistennew il-kruċifikazzjoni.  Każ li fih spikkat mill-ewwel l-effiċjenza tal-infurzar. Dak konċernat ammetta l-akkuża, wara li ftit sigħat biss wara li għamel l-illegalità ittella' l-qorti.  Sadanittant, quddiem din l-illegalità kien hemm min kien diġa qed jippretendi u bdiet il-pressjoni biex l-istaġun  jingħalaq.  Argument sporporzjonat u esaġerat. Is-siti soċjali mimlijin kummenti dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, jew aħjar 17-il nofs ta' nhar kaċċa fir-Rebbiegħa.
Imma fl-isfond tad-dibattitu dwar l-kaċċa u dak li ġara l-bieraħ, ftit mili biss bogħod minn Malta kellna traġedja oħra. Traġedja kbira bħal dawk ta' Ottubru tas-sena 2013, li dwarhom qamet diskussjoni sħiħa fl-Unjoni Ewropea. Traġedja li fiha 400 tilfu ħajjithom fil-vjaġġ bid-dgħajsa mil-Libja lejn l-Ewropa.  Traġedja li seħħew inqas minn sentejn minn meta saru dikjarazzjonijiet li traġedja simili m'għandhomx jiġu ripetuti.  Imma minn dakinhar 'lhawn, l-istess traġedji irrepetew ruħhom.
Traġedja li l-persuni li tilfu ħajjithom fiha, huma persuni bħal dawk li mietu fi traġedji oħra fosthom bħal dawk tal-ajru fosthom it-titjira Malasjana u dik riċenti tal-German Wings. Imma dawk vittmi tal-vjaġġi bid-dgħajjes ma jingħatawx l-istess attenzjoni. Qishom sekonda klassi. Qishom numru. La taf min huma u lanqas minn fejn ġew. Imma kollha bi storja warajhom. Storja ta' tbatija u uġiegħ. 

F'pajjiżna fl-aħħar sigħat battibekki sħaħ dwar il-qtil ta' tajra protetta, u din it-traġedja bilkemm issemmiet. Traġedja li bis-sitwazzjoni kif inhi, huma diversi dawk li qed isostnu li se jkollna aktar bħalhom. Aktar għarqiet ta' nisa, tfal u missirijiet.  Indifferenza?. Apatija?. Għax dawk nvoluti huma persuni Afrikani?  Donnu li għal ħafna l-għarqa ta' 400 immigrant qisha ma tfisser xejn. Min jaf forsi sirna indifferenti għall-valur tal-ħajja umana? Kelb jew xi annimal sar jagħmel ħoss aktar minn traġedja umana.  Prijoritajiet maqlubin rashom l-isfel u saqajhom 'l fuq.
Traġedja li tqajjem il-mistoqsija ta' meta l-Ewropa se tiftaħ toroq legali biex l-immigranti jibdew jaslu l-Ewropa b'mod legali.  Kemm hemm bżonn imutu aktar nies biex forsi l-Unjoni Ewropea tiftaħ għajnejha? 

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home