Thursday, April 23, 2015

"Imxarrbin bil-petrol u maħruqin…'stuprata quddiem tfal'"

    - l-istejjer rakkontati lil Sarah Tyler


"Ilni disa' snin naħdem f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza ma' immigranti. Fl-aħħar jiem smajt minn fomm immigranti u tfal l-agħar stejjer ta' ħruxijiet. Iltqajt ma' Berhane, żgħażugħ ta' 16-il sena mill-Eritrea. Waqfa fid-deżert kienet trawmatika għalih. Immigranti għax għamlu moviment li m'għoġobx lil min kien qed iwassalhom, spiċċaw ġew imxarrbin bil-petrol u mogħtijin in-nar. Berhane fil-Libja kien ibati l-ġuħ u msawwat. Fi triqtu lejn Tripli minn Benghażi,  ra xejn inqas minn 60 ġisem. 25 minnhom kienu bla ras. Baqgħet ġo moħħi l-esperjenza ta' tifel Somalu ta' 15-il sena. Jirrakkonta kif spiċċaw fiċ-ċelel. Ittorturati. Ra mara tiġi stuprata quddiem għajnejn immigranti oħra.  Wara din il-mara ikkommettiet suwiċidju".
Dawn huma l-kummenti li għaddiet lil L-ORIZZONT lbieraħ, Sarah Tyler, ħaddiema umanitarja li lbieraħ kienet fil-port ta' Awgusta fi Sqallija, tistenna l-wasla ta' 460 immigrant li ġew salvati siegħat qabel.  Hi kienet ukoll ma' għadd ta' ħaddiema umanitarji oħra mal-wasla fi Sqallija ta' 28 immigrant li salvaw mill-akbar traġedja fil-Mediterran fejn 850 immigrant hu maħusb li mietu mgħarrqin.
Immigranti 'għajjenin', 'bla saħħa' għamlu jiem 'bla ilma'
Nistaqsuha dwar il-kundizzjoni li kienu fiha l-immigranti salvati fl-aħħar jiem fosthom dawk salvati mill-akbar għarqa.  Tgħidilna li "l-immigranti kienu għajjenin ħafna.  Xi wħud minnhom ma' kellhomx saħħa jżommu fuq saqajhom. Kienu ilhom sigħat sħaħ u jiem bla ilma. Ikunu dehydrated. Kellna tifel li ħassu ħażin kif wasal fil-port. Ikollhom ħruq fuq il-ġilda minħabba l-ħinijiet twal li jkunu qattgħu fix-xemx.
Fost dawk salvati kien hemm mara Sirjana.  Meta tkellmu magħha din qalet li "konna ilna tmint ijiem fil-baħar. Għamilna l-vjaġġ għax ridna nsalvaw ħajjet it-tfal". Tgħid li kien hemm tfal li salvaw li qalu li "kien hemm nies li kienu fin-naħa ta' taħt tad-dgħajsa. Rajnihom jgħerqu".
Dwar x'tip ta' assistenza jagħtu lit-tfal migranti li jkunu għadhom kif ġew salvati, apparti ikel u ilma, Sarah tgħid li "minn fomm it-tfal smajna li min ikun qed jorganizza l-vjaġġi jiggarantixxi li l-vjaġġ ikun wieħed sigur lejn pajjiż Ewropew. Iltqajt ma' tfal li lanqas biss kienu jafu fejn kienu sejrin. Għalhekk meta huma jkunu salvati u jiddaħħlu l-art, waħda mill-ewwel affarijiet li nagħmlu hu li nuruhom eżattament fejn qegħdin. Dawn lanqas ikunu jaf fejn hi l-Italja. Ma jkunux jafu li qegħdin Lampedusa. Ikun hemm minnhom li jkunu jafu li ġejjin l-Ewropa għax ikunu raw stampi ta' postijiet fil-Ġermanja".
Xi ħaġa li jirrakkontawha l-immigranti kważi kollha hi dik li abbord id-dgħajsa huma jkunu bla ikel u bla xorb. Kien hemm min għamel jumejn f'din il-kundizzjonijiet. Oħrajn għamlu minn tlieta sa sitt ijiem f'kundizzjonijiet simili.
Tirrakkonta kif qabel l-aktar traġedja fil-Mediterran kien hemm il-każ fejn grupp ta' immigranti kienu f'bini li fih seħħet splużjoni ta' gass. Min kien qed jorganizzalhom il-vjaġġ ma riedx li dawn l-immigranti, li ħafna minnhom sofrew ħruq jingħataw l-kura. Fosthom kien hemm tfal u anke tarbija ta' ftit xhur.  Din it-tarbija spiċċat għamlet sitt ijiem bla kura, għalkemm illum qed tirċievi l-kura kollha neċessarja fl-Italja.
Sarah Tyler tirrakkonta l-istorja ta' Berhane. Minuri li fil-vjaġġ li għamel ma kien akkumpanjat minn ħadd minn familtu. Kien flimkien ma' tletin oħra fuq trakk meta qasmu d-deżert tas-Sahara. Qalilna li "it-trakk kien jieqaf f'ċertu distanzi biex nistrieħu. Jekk f'dak il-ħin tagħmel xi ħaġa jew xi mossa li ma togħġobx lil min ikun qed jorganizzalek il-vjaġġ, tispiċċa ħażin. Rajt persuni jiġu mxarrbin bil-petrol u ngħataw in-nar. Berhane fil-Libja kien torturat. Għamel jiem bil-ġuħ.  Fil-ħabs għamel xejn inqas minn xahar.  Waqt li minn Benghażi kien sejjer lejn Tripli, ittieħed f'żoni li kienu kontrollati minn milizzji Islamiċi. Hemmhekk ra igma ta' madwar 60 persuni. Xi wħud minnhom kienu b'rashom maqtugħa".
Tyler tirrakkonta esperjenzi fejn dawk li kienu qed jorganizzaw il-vjaġġi sfurzaw immigranti biex iċemplu lil qrabathom. F'dak il-mument isawtuhom biex il-qraba jisimgħuhom. Dan isir biex jintalbu aktar flus mill-qraba.  "Dan hu qasam organizzat ħafna. Immigranti jibdew jgħaddu minn traffikanti għal oħrajn. Fil-Libja ġieli jispiċċaw jinħatfu minn traffikanti oħra u jintalbu jħallsu aktar flus."
Il-katavri f'Malta…tifel ta' 14-il sena
L-ORIZZONT hu infurmat ukoll li fost il-katavri tal-immigranti fil-kamra mortwarja tal-isptar Mater Dei, liema katavri kienu irkuprati waqt ħidma ta' tiftix, hemm dak ta' tfajjel ta' madwar 14-il sena. Fl-akbar traġedja fil-Mediterran li saret bejn il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd li għadda kien hemm mal-mitt tifel u tifla. It-28 persuna li baqgħu ħajjin wara din it-traġedja, u li taw ix-xhieda tagħhom fi Sqallija, qalu li magħhom kien hemm mas-60 tifel u tifla li ma kinux akkumpanjati minn adulti.
Tifel Niġerjan jispjega lil sħabu li l-ġenituri waslu bid-dgħajsa
F'Malta, apparti għadd ta' bukketti ta' fjuri b'messaġġi emozzjonali li ntabgħtu fil-Kamra Mortwarja, fosthom dawk bil-kelma 'aħfrulna', ma naqsux inizjattivi fi skejjel. Spikkat l-inizjattiva li saret fl-iskola Primarja tal-Imsida. Filgħodu l-istudenti, qabel daħlu fil-klassijiet għamlu attività simbolika.  L-istudenti bil-permess tal-ġenituri, taw għotja żgħira ta' flus bħala ġest simboliku. L-istess skola bagħtet ukoll kuruna ta' fjuri.
Spikka iżda l-mument fejn tifel Niġerjan, li tkellem dwar il-fatt li ommu u missieru kienu immigranti li waslu Malta permezz ta' dgħajjes mill-Libja.  Il-Kap tal-Iskola, Rita Barbara, meta kuntattjata minn L-ORIZZONT qaltilna li "ridna li nagħmlu xi ħaġa simbolika biex it-tfal huma ukoll ifakkru u jsellmu lil dawn il-vittmi ta' din it-traġedja".
Minn L-ORIZZONT

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home