'Meta jkollhom ix-xogħol hu l-mument li ma jibqgħux refuġjati'
- Hamdi Ulukaya
Bla dubju ta' xejn, li waħda mid-dikjarazzjonijiet b'saħħithom li saru lbieraħ fil-konferenza li saret mill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refugjati (UNHCR), kienet dik minn Hamdi Ulukaya. Persuna Kurda li għoxrin sena ilu mar l-Istati Uniti biex jitgħallem l-Ingliż. Spiċċa xtara fabbrika tal-yoghurt u llum iħaddem miegħu għadd ta' refuġjati. Fi kliemu stess waqt il-konferenza, "Integrazzjoni għar-refuġjati tfisser aċċess għall-impjiegi u għax-xogħol. Hu f'dan il-mument li dawn il-persuni ma jibqgħux iħossuhom refuġjati." Hu spjega b'mod mill-aktar ċar kif kien beda jimpjega refuġjati għall-fabbriki tal-yoghurt li hu għandu fi New York u f'Idaho. Ilu jagħmel dan għal dawn l-aħħar ħames snin minkejja li kienu jgħidulu li r-refuġjati ma jafux jitkellmu bl-Ingliż u li ma kellhomx liċenzja.Ulukaya ddikjara li hu jemmen li la refuġjat ikun għadda minn dawk l-esperjenzi kollha ebsin ta' vjaġġi, fejn ikun ra l-mewt ma' wiċċu diversi drabi, dan ikollu l-motivazzjoni tiegħu għax xogħol fl-aqwa tagħha. Irrakkonta kif refuġjati li jħaddem jibdew billi jgħidulu li m'għandhom xejn. Imma mbagħad wara ammont ta' xhur jixtru karozza, jibdew jistudjaw, javvanzaw fil-post tax-xogħol u jixtru dar.
Irrakkonta wkoll kif qatt ma kellu problemi b'ħaddiema refuġjati. Fid-diskors li għamel, Hamdi Ulukaya saħaq li, "Irridu nsibu metodi ġodda. Jien waqqaft fondazzjoni biex insib aktar negozji biex ngħinu lill-għaqdiet mhux governattivi. Qegħdin fejn qegħdin, fittxu l-vuċi tal-intraprendituri." Enfasizza li, "Il-fatt li impjegajt ir-refuġjati kien l-aħjar investiment."
Mar jistudja l-Ingliż…u sar biljunarju
Biex wieħed jifhem eżatt min hu Hamdi Ulukaya, wieħed irid jara dan minn fejn telaq. Hu kien jgħix ma' familtu li huma Kurdi f'villaġġ żgħir fir-Turkija. Familtu kienu jrabbu n-nagħaġ u jagħmlu l-yoghurt u l-ġobon. Persuna li ma jafx eżatt meta twieled u dan għax twieled waqt vjaġġ li familtu kienet qed tagħmel fil-muntanji.
Studja x-Xjenza Politika fl-Università ta' Ankara fis-sena 1994. Spiċċa kien mar l-Istati Uniti fl-università ta' Adelphi biex jistudja l-Ingliż. Għamel xi korsijiet fuq kif tmexxi negozju u kien spiċċa ħa xogħol f'razzett. Meta missieru mar sa ħdejh, kien ikkonvinċieh biex jimporta l-ġobon li l-familja kienet qed tipproduċi fit-Turkija. Fetaħ impjant f'Johnston fi New York iżda wara sentejn, kien irnexxielu biss jifdi l-ispejjeż.
Kollox inbidel fis-sena 2005, meta Ulukaya ra avviż dwar fabbrika tal-yoghurt li kienet għall-bejgħ. Kienet madwar 65 mil bogħod mill-impjant tiegħu. Fil-bidu rema l-avviż iżda wara ddeċieda li jmur jara l-impjant. Il-parir li ngħata kien li ma kinitx tgħodd għalih. Mar kontra l-kurrent u xtara l-impjant. Ried li joħloq prodott ġdid. Ħa espert tal-yoghurt fit-Turkija, fejn dawn għamlu sentejn jiżviluppaw riċetti tal-yoghurt.
Biex jippoduċi l-yoghurt li ried kellu bżonn dak li jissejjaħ 'yoghurt separator' - magna li dak iż-żmien kienet tiswa madwar $1 miljun. Sab waħda użata u xtraha għal $50,000. Lura lejn daru, hu ddeċieda li jsemmi l-prodott 'Chobani' li tfisser ragħaj bil-lingwa Torka.
Fi żmien qasir u bi strateġiji ġodda, il-prodott tiegħu kien suċċess kbir. Sas-sena 2009, Chobani kienet qed tbigħ 200,000 kaxxa fil-ġimgħa. Il-prodott infirex lejn pajjiżi fl-Asja, l-Amerika Latina u l-Awstralja. F'Marzu ta' din is-sena, tħabbar investiment ta' $100 miljun.
Fis-sena 2014, Ulukaya ħabbar li kein se jagħti $2 miljun lill-UNHCR biex dawn imorru għal refuġjati Iraqqini u Sirjani. F'Mejju tas-sena 2015, hu kien ħabbar li se jagħti l-maġġoranza tal-ġid tiegħu biex jiġu mgħejjuna r-refuġjati madwar id-dinja b'kollox madwar $700 miljun. F'Settembru tas-sena li għaddiet hu kien żar il-gżira ta' Lesbos biex jara b'għajnejh it-tbatijiet tar-refuġjati Sirjani.
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home