Fuq governanza rridu nagħmlu aktar… se nippubblikaw il-kuntratti - il-Prim Ministru Joseph Muscat
Il-Prim Ministru Joseph Muscat beda l-intervent tiegħu billi semma' kif għadu kif sar magħruf li mietu 400 persuna mgħarrqin fil-Mediterran. Wara suġġeriment tiegħu l-Parlament waqaf għal ftit sekondi b'turija ta' rispett. Hu spjega li "l-unika strateġija li għadu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil hi dik li ma jagħmel xejn biex ma jiżbaljax.
Komdu ma tagħmel xejn imma mbagħad ma jispiċċawx il-mediċini out of stock. Jekk nagħmlu bħal Oppożizzjoni ma togħliex il-pensjoni u ma jidħlux id-drittijiet ċivili. "Fuq il-governanza rridu nagħmlu aktar. Sa tmiem din is-sena se nippubblikaw il-bqija tal-kuntratti kollha u b'hekk se nuru li ma nibżgħux mit-trasparenza. Bħala Gvern għamilna żbalji iżda l-Oppożizzjoni miexja mill-ħażin għall-agħar."
"M'għandux il-kuraġġ jieħu azzjoni kontra l-Viċi Kap Mario Demarco. Sa issa għadu lanqas tkellem u ma naħsibx li se jitkellem. Preċedessur tiegħu, kien qal li min ma jiġġilidx il-korruzzjoni hu korrott. Lil Busuttil ma smajniex jieħu azzjoni fuq kwistjonijiet li fnew il-Gvern preċedenti. X'għamel fuq l-iskandlu taż-żejt?", sostna l-Prim Ministru.
Bil-Prim Ministru jipponta subgħajh u jħares dirett lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni, irrepeta għal tliet darbiet wara xulxin li 'min ma jiġġildix il-korruzzjoni hu korrott'. Bil-Prim Ministru jistaqsi kif jista' jieħu lezzjonijiet mingħand membri tal-Oppożizzjoni meta hemm membri bħal Toni Bezzina li uża ħaddiema tal-Gvern f'xogħlijiet ta' każin Nazzjonalista, jew mingħand Claudio Grech li kien qed jinnegozja ma' Smart City u f'daqqa waħda mar Kap Eżekuttiv.
Semma lil Tonio Fenech u qal li dan kellu Kap tas-Segretarjat li ammetta li kien jieħu flus biex jirranġalhom għat-taxxa. Hu sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jgħid jekk hux se jippubblika l-ismijiet ta' min se jagħti s-self lill-Partit Nazzjonalista. Joseph Muscat qal li "l-affarijiet mhux biss iridu isiru legalment imma korrettament. Nixtieq dibattitu ieħor ta' 13-il siegħa biex kull wieħed u waħda minnhom jgħid x'se nagħmlu fis-sentejn li ġejjin. Il-Kap tal-Oppożizzjoni irid jifhem li aħna naċċettaw l-iskrutinju imma se nkomplu naħdmu biex nuru li verament Malta qed tinbidel".
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home