Kunsilliera Laburista tissekonda mozzjoni Nazzjonalista u titlaq 'il barra
Waqt li f'Wied il-Għajn hemm xewqa kbira mir-residenti biex is-sit ta' fejn kien hemm il-Lukanda Jerma jintuża biex terġa' tingħata spinta lis-settur turistiku f'Wied il-Għajn, quddiem il-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn tressqet mozzjoni mill-kunsillier Nazzjonalista Charlot Cassar biex fis-sit tal-lukanda Jerma ma jsir ebda proġett meta titwaqqa' l-binja. Din il-mozzjoni kienet issekondata mill-Viċi-Sindku Laburista Desiree Attard. Saret komuni f'dan il-kunsill li mozzjonijiet Nazzjonalisti jkunu sekondati mill-Viċi-Sindku Laburista flok minn kunsillieri Nazzjonalista. Desiree Attard minkejja li ssekondat il-mozzjoni, telqet 'il barra mil-laqgħa qabel għax qalet li kellha fejn tmur. Hi spiċċat ma vvutatx fuq il-mozzjoni tagħha stess.
Il-mozzjoni m'għaddietx għax il-maġġoranza Laburista vvotat kontriha. Il-mozzjoni kienet tgħid li "nipproponi li b’mod urġenti li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala jagħmel talba formali lill-Prim Ministru biex jikkonsidra illi l-Gvern jixtri s-sit kollu ta’ fejn illum hemm il-fdalijiet ta’ dik li kienet il-Jerma Palace Hotel. Għal ħafna snin, il-poplu ġie mċaħħad minn aċċess ħieles ta’ din il-kosta u dan barra mill-fatt illi l-bini ta’ din il-lukanda qiegħed joħloq impatt negattiv qawwi fuq it-Torri ta’ San Tumas u l-ambjent ta’ madwaru.
L-aċċess ħieles għall-kosta huwa dritt fundamentali tal-bniedem. Għaldaqstant, iż-żewġ ponot tal-kosta f’Marsaskala għandhom ikollhom aċċess liberu għall-baħar u m’għandhomx jeskludu l-poplu. Il-Kunsill qiegħed jitlob ukoll lill-Gvern biex dan is-sit kollu, wara li titwaqqa’ l-Jerma, qatt ma jiġi kkunsidrat biex jerġa’ jinbena iżda jinzamm fl-istat naturali tiegħu fl-interess dejjiemi tal-poplu Malti."
Intant il-Viċi-Sindku, Desiree Attard, pererss li spiċċat ma vvutatx fuq mozzjoni tagħha stess, kitbet ittra wara l-votazzjoni lill-Kunsill. inewsmalta.com għandu kopja ta' din l-ittra u din tgħid li "għadni kemm ġejt infurmata li fil-vot li ttieħed, id-dikjarazzjoni li għamilt qabel ma tlaqt (għal raġunijiet li ma stajtx nevita), fejn għidt ċar u tond, għal darba tnejn, li jien naqbel mal-mozzjonijiet kollha li ġew ippreżentati għal-laqgħa, ġiet injorata.
B'hekk li jien ma tniżżiltx li qed nivvota favur ta' mozzjoni li ssekondajt jien stess. Dan qed inqisu bħala diżrispett bażiku tal-opinjoni tiegħi li kont diġà qsamt mal-Kunsill kollu, jiġifieri li jien qed naqbel ma' din il-mozzjoni, u nitlob raġuni valida għaliex sar dan. Ifisser allura li jien tniżżilt bħala astensjoni għal kull mozzjoni li tressqet? Nitlob li din l-istqarrija tiegħi titniżżel fil-minuti, u nitlob ukoll li din il-kwistjoni terġa' tittella' fil-laqgħa li jmiss."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home