Sunday, August 28, 2016


Jgħixu taħt soqfa neżlin

"Kemm se ddum tara x-xorok maqsumin? Kemm se ddum tħares lejn it-travi u tara dak is-sadid? Kultant żmien issib biċċiet tal-ġebel jew tas-sadid mal-art. Tagħmel ix-xita u l-ħsara dejjem tiżdied. Iġġib perit u jgħidlek hawnhekk ikkundannat, is-saqaf jista' jaqa' minn ħin għall-ieħor. Tispiċċa f'sitwazzjoni fejn tibda tgħix f'biża' kontinwa. Titkellem ma' sid il-post u kif issemmilu l-ħsarat u l-ispejjeż jgħidlek, il-post qed tgħix fih int, aħna niġbru biss il-kera. Bħali hawn anzjani oħra li s-sidien ma ridux iħallsu biex jiġu rranġati l-ħsarat li kien hemm. Meta se tittieħed azzjoni fuq sitwazzjonijiet simili, meta ssir xi diżgrazzja u jintradmu n-nies?" qaltilna l-anzjana li laqgħet lil inewsmalta.com f'darha. Jidher li mhumiex waħdiet l-anzjani li peress li m'għandhomx mezzi u l-enerġija biex joqogħdu jmorru japplikaw għall-fondi u jħallsu l-periti, dawn jagħżlu li jibqgħu jgħixu f'bini kkundannat.

    inewsmalta.com stħarreġ fost għadd ta' anzjani l-kundizzjoni tal-bini tagħhom. Diversi anzjani madwar il-pajjiż qed jispiċċaw jgħixu f'bini kkundannat jew inkella hu ta' periklu, f'riskju li jaqgħu xorok jew xi biċċiet tal-konkrit mis-saqaf. Dawn is-sitwazzjonijiet qed jispiċċaw hekk għax is-sidien jirrifjutaw li jħallsu parti mill-ispejjeż fil-maġġoranza tal-każi huma bini b'kirjiet pjuttost baxxi.

    Tmur f'dawn il-postijiet u litteralment tibqa' imbellah b'dak li tara. Xorok maqsumin. Xi wħud imbewqin 'l isfel u travi litteralment immermrin. Anzjani jgħidulek li ilhom snin twal jgħidu f'dak il-post u ħadd ma rranġa xejn.

    Waħda minn dawn l-anzjani spjegatilna li "meta kellimt lis-sid ma riedx jirranġa. Il-kirja tiegħi hi ta' ftit aktar minn €100 kull sitt xhur. Nifhem li mhix ħafna, għalkemm jien armla. Imma naħseb li s-sid kellu jgħin biex isiru x-xogħlijiet. Spiċċajt ħallast €11,000 biex ġew irranġati l-ħsarat kbar fis-saqaf u issa hemm bżonn xejn inqas minn €5,000. Irrikorrejt għand l-Awtorità tad-Djar u tawni €7,000. Jien se nkun ħriġt €9,000. Għalija dan hu ammont qawwi ħafna u ridt nara fuq min se ndur biex jgħinuni," qaltilna din l-anzjana. Tgħidilna li "naf oħrajn fl-istess żona. Jgħixu waħedhom u ma jridux jagħmlu spejjeż ta' periti. Qed jibqgħu jgħixu f'bini kkundannat".

    inewsmalta.com għamel kuntatt ukoll ma' Mary Pace, li għandha saqaf ikkundannat. Hi qaltilna li ommha kienet toqgħod l-ewwel fid-dar li qiegħda fiha issa. Spjegat li ommha kienet kriet din id-dar fis-sena 1941. Pace qalet li tul iż-żmien il-familja tagħha rranġat ħafna affarijiet fid-dar u anke għamlet kamra tal-banju għax ma kienx hemm.  Tispjega li għandha problema bis-saqaf u qal li dan hu fil-periklu li jaqa'. Hi ħallset żewġ periti biex jispezzjonawh, waqt li s-sid meta avviċinat ma kienx lest li joħroġ ċenteżmu wieħed. "  Din l-anzjana hi ffaċċjata bi spiża ta' eluf ta' ewro li hi m'għandhiex minn fejn tħallashom u għalhekk se jkollha tirrikorri għand l-awtorità.

    Hemm proċess ta' proċeduri minħabba l-banek

    L-Awtorità tad-Djar meta kuntattjata minn inewsmalta.com dwar dawn il-każijiet, qalulna li "l-Awtorità tad-Djar għandha żewġ skemi fejn tgħin inkwilini inkluż anzjani biex jirranġaw ir-residenzi tagħhom.  Waħda hija għal irranġar sabiex il-post jiġi abitabbli u l-oħra tapplika għal fejn ikun hemm periklu u s-sid ma jridx jirranġa. Din tapplika għal dak li jkollhom kirja datata qabel is-sena 1995. Fiż-żewġ każijiet l-inkwilini jistgħu japplikaw biex jitneħħa l-periklu, kif ukoll fiż-żewġ każijiet tingħata għotja." Qalulna li "sentejn ilu kienet saret simplifikazzjoni tal-applikazzjonijiet. Minkejja dan iżda, għad hemm ċertu proċess ta' dokumenti li huwa mportanti li jsiru minħabba riċerka li tkun trid issir mill-banek."

    Bżonn ta' politika nazzjonali dwar l-akkomodazzjoni - Charles Miceli, attivist soċjali

    L-attivist soċjali, Charles Miceli, meta kkuntattjat minewsmalta.com qalilna li "waqt li nemmen li kulħadd għandu dritt ikollu saqaf fuq rasu, meta niġu biex ngħaddu mit-teorija għall-prattika, trid tara ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ. Qed nitkellem f’ismi u f’isem ħadd aktar. Veru ma tista’ taqbel qatt li tara lil xi ħadd jgħix fil-periklu li jaqgħu x-xorok fuq rasu. U s-socjeta’ hija fid-dover li bla telf taż-żmien tara li l-periklu jiġi eleminat. Madankollu jekk tistaqsini jekk ir-responsabbiltà aħħarija hix ta’ sid il-kera jew le, ngħidlek ma nafx.  Kull każ irid jittieħed fuq il-mertu tiegħu. Għax hawn kera u hawn kera. Altru tkun qed tħallas €800 kera fix-xahar u altru tkun qed tħallas €200 fis-sena. Ma nafx kif is-sid jista’ jagħmillek €5,000 spejjeż l-aktar jekk huwa jkollu dħul miżeru aktar minn tal-inkwilin."

    Hu qalilna li "forsi tajjeb, kif qalet il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca meta indirizzat il-laqgha tal-Forum Komunità Bormliża f’Lulju li għadda,  li qabel nibdew nitkellmu fuq il-kirjiet għandna nitolbu biex ikollna politika nazzjonali dwar l-akkomodazzjoi. U politika bħal din, anke jekk ma tagħmilx mirakli, talanqas forsi tiċċara dawn is-sitwazzjonijiet ħalli ħadd ma jbati bla bżonn jew ikun fil-periklu."

    Ritratt: Travu mmermer fil-post fejn jgħixu l-anzjani

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home