"Tkaħħalt mal-art u ma stajtx niċċaqlaq...ħriġt lil ibni rieqed fuq ix-xatt" - Antoine Scicluna
"Tkaħħalt mal-art u ma stajtx niċċalaq. Kelli litteralment intir mis-sodda. Qbadt lil ibni u ħriġna fuq ix-xatt. Kien hemm ħafna nies hemm, ħafna minnhom bil-ħwejjeġ ta' taħt jew ftit ilbies. Kien hemm paniku sħiħ".Dawn kienu l-kummenti li għaddielna Antoine Scicluna, Malti minn San Ġiljan li jgħix fi Treviso u li dakinhar li seħħ it-terremot kien qrib iż-żona għal vaganza ma' ibnu ta' sitt snin.
Hu qalilna li ""jien ngħix fil-provinċja ta' Treviso. Oriġinarjament minn San Ġiljan. Kont iddeċidejt li nqatta' ġimgħa mat-tifel fil-bajja ta' Gabbicce Mare fil-provinċja ta' Pesaro Urbino. Din tinsab madwar 10 kilometri bogħod miż-żona ta' Riccone u Rimini. L-epiċentru tat-terremot hu madwar 150 kilometru bogħod minn fejn konna aħna vaganza. Tidher li hi l-bogħod imma għal terremot 150 kilometru mhux bogħod".
Antoine Scicluna kompla jgħidilna li "għall-ħabta tat-3.30 ta' filgħodu, jiġifieri ftit minuti biss qabel sar it-terremot, kont diġa imqajjem. M'għandix raġuni għal dan. Jista' jkun li ħassejt xi theżżiża qabel u din qajmitni. Biss f'daqqa waħda is-sodda bdiet titriegħed. Ħsibt lit-tifel, li għandu sitt snin kien qed jaqbeż fuq is-sodda li konna fuqha. Dort u għedtlu 'Pippo x'qed tagħmel? Indunajt iżda li t-tifel kien rieqed. F'daqqa waħda it-theżżiż sar aktar vjolenti. Smajt ħoss qawwi. Malajr indunajt li dan kien terremot. Il-qawwa tan-natura tant kienet kbira li jien kelli litteralment naqbeż minn fuq is-sodda. It-theżżiż tant kien qawwi li ħassejtni mwaħħal mal-art."
Tenna li "dawwart xugaman miegħu u ma ibni li kien rieqed u ħriġt fuq ix-xatt. Kien hemm paniku kullimkien, kemm fil-lukanda u anki fit-toroq. Kulħadd ħareġ fuq ix-xatt. Ħafna persuni kienu bil-ħwejjeġ ta' taħt jew bi ftit li xejn ilbies. It-terremot dam madwar minuta imma kien ħin li tarah idum ħafna ma jgħaddi. Ħassejna biża kbir."
Antoine jgħidilna ukoll li "tifel qam meta kont nieżel bih it-taraġ. Ħafna tfal kien qed jibku għax ma setgħux jifhmu x'kien dak il-paniku. F'sitwazzjonijiet simili m'hemm xejn x'tagħmel. M'hemm ebda avviż ta' x'se jiġri. Tispiċċa imblukkat. Imwaħħal ma' l-art ma tafx x'se taqbad tagħmel. Id-deċiżjoni li noħorġu barra ma kinitx tajba lanqas għax it-taraġ seta' ġġarraf. Nirringrazzjaw l-Alla li ma ġara xejn u l-bini ma ġarrabx ħsarat. Siegħa wara kien hem tħeżżiża oħra imma din kienet iżgħar. Fis-6.00 ta' filgħodu irritornajna lura lejn il-lukanda."
Il-Malti jgħidilna li "immedjatament ċempilt lil xi ħbieb f'Giulianova Abruzzo li jinsab madwar 80 kilometru bogħod. L-istejjer li smajt mingħandhom kienu tal-biża. Bi xkafef u b'oġġett jaqgħu u b'nies jaqbżu mit-twieqi għat-toroq minħabba l-qawwa tat-terremot. J'alla dawk milqutin ikollhom is-saħħa li jibdew ħajjithom mill-ġdid".
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home