Tajna kenn lil familja Taljana - il-familja Maltija, li wkoll ġarrbet ħsarat f'darha bit-terremot
L-għadd kbir ta' tħeżżiż li saru wara li seħħ it-terremot fiċ-ċentru tal-Italja kmieni mas-sebħ nhar l-Erbgħa, wasslu biex tard ilbieraħ filgħaxija dar li tinsab f'Sant Angelo in Pontano ġġarrfet. Il-familja Taljana li kienet qed tgħix f'din id-dar, ingħatat kenn mill-familja Micallef, li ukoll id-dar tagħhom ġarrbet xi ħsarat. Il-familja Micallef fl-aħħar sigħat tkellmet ma' inewsmalta.com dwar dak li esperjenzaw u anke kif qattgħu l-ewwel lejl wara t-terremot. Lejl deskritt bħala wieħed tal-biża tant li huma ma raqdux ġewwa iżda għażlu li joqogħdu f'post miftuħ fil-karozza. Bl-għan li t-tfal jiġu aljenati minn din it-trawma, kemm dawk tal-koppja Maltija kif ukoll tfal oħrajn, ġew organizzati attivitajiet fil-ġnien tad-dar.inewsmalta.com kompla jsegwi dak li għaddejja minnu din l-omm Maltija flimkien ma' żewġ uliedha. Ir-raġel tagħha, li kien f'pajjiż ieħor fuq xogħol, ingħaqad mal-familja fl-aħħar sigħat.
Wara li matul il-ġurnata tal-Erbgħa il-familja Maltija qagħdet tagħmel il-bżonnijiet li kien hemm bżonn fid-dar fosthom tirranġa l-affarijiet li waqgħu, kollox ħa żvolta ġdida filgħaxija. Kien għall-ħabta ta' 9.00 p.m. meta nħasset tħeżżiża oħra qawwija. Din għaddiet bħal dik ta' qabilha iżda ftit wara l-familja Maltija ġiet infurmata li f'Sant Angelo in Pontano kienet waqgħet dar ta' familja ħbieb tagħhom.
Il-Maltin kienu pronti taw kenn lil din il-familja. Biss minħabba l-biża' li kien hemm ta' aktar theżżiż u minħabba li ħafna nies anki f'dan ir-raħal għażlu li jorqdu barra jew fil-karozzi, il-familja Maltija għażlet li toqgħod ma' dik Taljana fil-ġnien.
Fi kliemhom stess deher ċar li t-tfal kienu beżgħanin u xxukkjati b'dak li għaddew minnu u għalhekk ġew aljenati b'sensiela ta' attivitajiet fil-ġnien. Matul il-lejl huma raqdu fil-karozzi f'post miftuħ.
Tibda l-ħidma ta' għajnuna mill-Maltin fl-Italja
Hekk kif nhar l-Erbgħa filgħaxija ħames Maltin membri fl-SOS K9 USAR telqu lejn l-Italja flimkien ma’ żewġt iklieb imħarrġin fit-tiftix għall-persuni f’diżastri naturali, illum bdew il-ħidma tagħhom proprju fil-lokalitajiet milquta mit-terremot. ?Il-ħames membri li hemm bħalissa l-Italja mmexxija minn John Gera huma Josette Bonnici, Janine Theuma Castelletti, Padraig O’Keeffe u Davide De Bernardin flimkien mal-klieb Ace u Mambo. Huma tellgħu l-ewwel ritratti fuq is-sit soċjali ta’ Facebook tal-ħidma tagħhom bil-klieb u ta' dak li kienu li s’issa huma ltaqgħu miegħu.
L-Isqfijiet Maltin jappellaw għall-għajnuna
Min-naħa tagħhom, l-Isqfijiet Maltin appellaw lill-pubbliku inġenerali biex jgħin lill-vittmi tat-terremot fl-Italja. L-Arċisqof Charles Scicluna f'messaġġ li ħareġ qal li l-ġabra li ssir fil-parroċċi fi tmiem il-ġimgħa se tkun għal dawk milqutin mit-terremot.
L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech qed isejjaħ għall-ġenerożità materjali u spiritwali f’ċirkolari li se tinqara fil-quddiesa fi tmiem il-ġimgħa.
Il-Caritas f’Malta, bħala aġenzija tal-Knisja f’Malta, fetħet fond għal dan il-għan. F’Għawdex, id-donazzjonijiet jistgħu jitwasslu fl-uffiċċju tal-Caritas fil-Kurja, r-Rabat.
Iż-żewġ Isqfijiet jappellaw għas-solidarjetà u għat-talb għal dawk li huma feruti, u għal dawk kollha li b’mod jew ieħor qed jagħtu l-għajnuna meħtieġa lil dawk milquta mit-terremot.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home