Thursday, August 25, 2016

Omm u żewġt itfal Bormliżi jesperjenzaw it-terremot li ħalla ħerba fl-Italja...

Għall-familja Micallef, il-lejl ta' bejn nhar it-Tlieta u l-Erbgħa se jibqgħu jiftakruh għal għomorhom u jistgħu jgħodduh b'waħda. Dan hekk kif ftit qabel is-sebħ esperjenzaw it-terremot li ħalla ħerba sħiħa fiċ-ċentru ta' l-Italja. Irene, l-omm flimkien ma' żewġ uliedha qamu maħsudin hekk kif is-sodod li kienu reqdin fuqhom bdew jimxu 'b'mod vjolenti'.  Fi kliemhom stess, "ħriġna niġru l-barra mid-dar.  Ma erġajniex dħalna lura. Jien u t-tfal irqadna fuq bennieni tal-irqad fil-ġnien. Hemmhekk esperjenzajna t-theżżiż ta' wara t-terremot, fejn is-siġar bdew jiċċaqalqu sew. Bżajna nidħlu lura ġewwa." 
Il-familja Micallef esperjenzat ħsarat mhux daqstant kbar fl-istruttura tad-dar b'mod partikolari fiċ-ċumnija.  Missier it-tfal bħalissa jinsab imsiefer fuq xogħol.

Din il-familja Maltija għandha din id-dar li tkun tgħix fiha għal vaganzi jew għal xi perjodu oħra matul is-sena u tinsab fuq in-naħa l-oħra tal-muntanja li ddawwar l-ibliet li ġew l-aktar affettwati mit-terremot. I
d-dar tinsab f'Sant Angelo in Pontano.

Mistoqsijin dwar il-ġurnata tal-bieraħ u dwar il-jiem li ġejjin, l-omm tgħidilna li għal iljieli li ġejjin se jagħżlu li jorqdu isfel u mhux fis-sular ta' fuq. Dan kemm minħabba t-theżżiż li jista' jkun hemm kif ukoll wieħed jista' jifhem li jridu jsiru analiżi tal-effett tat-terromot fuq il-binja. 
Matul il-ġurnata tal-bieraħ it-tfal ta' Irene qattgħu l-jum jirranġaw l-ixkafef tal-kotba, hekk kif dawn waqgħu bit-terremot.

Irene tgħid li "t-terremot kien b'saħħtu ħafna.  Ħafna djar spiċċaw waqgħu u hemm ħafna oħra b'konsenturi kbar.  In-nies irrispondew mill-ewwel u ftit sekondi wara li sar kulħadd kien fit-triq.  Aħna irqadna fil-ġnien. Bħalissa it-temp għadu jippermetti. Il-biża' tagħna hi mit-theżżiż li jista' jkun hawn wara."


Familja oħra qaltilna li "ngħixu ftit bogħod imma t-terremot ħassejnieh.  Hawnhekk ħafna nies ħarġu fit-triq. Ma kienx hawn il-bini mwaqqa' li kien hemm f'Amatrice u rħula oħra qrib.  Kien hawn xi bini imma b'konsenturi.  Hi xi ħaġa tal-biża, li tħoss kollox miexi. Il-ħsieb tiegħi f'dan il-mument imur lejn dawk li mietu u lejn dawk li tilfu djarhom". Spjegatilna li qed isiru appelli biex min għandu konnessjoni tal-internet bil-wifi ineħħi l-password biex ikun jista' jintuża minn persuni oħra. Dan qed jitqies bħala kruċjali biex titjieb il-kommunikazzjoni peress li l-postijiet milquta huma f'żoni mwarrbin.


Mistoqsija dwar is-sitwazzjoni qatlilna li "fil-mument ftit li xejn għandi kliem. Il-ħasda għadha hemm. Qed isiru appelli kontinwi għad-demm fejn in-nies qed jintalbu jmorru l-isptar ta' Rieti li jinsab qrib il-postijiet l-aktar li ntlaqtu. Mill-ftit aħbarijiet li smajt, tħoss għafsa ta' qalb għal dik it-tifla li nħarġet mejta. Kellna anke ukoll storja ta' nanna li poġġiet liż-żewġ neputijiet taħt is-sodda. Wieħed kellu erba' snin u ieħor ta' seba' snin. Dawn inħarġu ħajjin.

Matul il-ġurnata tal-bieraħ ġie kkonfermat li ma kien hemm ebda Maltin fost il-vittmi ta' dan it-terremot fl-Italja. 

Intant il-Prim Ministru Malti, Joseph Muscat, f'messaġġ li ħareġ fuq Twitter qal li "solidarjetà mal-Italja. Lesti biex ngħinu." Dan kien il-messaġġ li ħareġ fuq twitter il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat wara t-terremot li heżżeż iċ-ċentru tal-Italja. Fil-messaġġ tiegħu hu qal li kkuntattja lill-Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi.  L-aktar postijiet milqutin minn dan it-terremot kienu Amatrice, Accumuli u Arquata del Tronto.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home