"Esperjenzajt diversi terremoti imma dan kien vjolenti wisq"..."lejl bla rqad"
Hekk kif komplew it-tfittxijiet għall-vittmi u persuni oħra li ntlaqtu mit-terremot li seħħ fiċ-ċentru tal-Italja, fl-aħħar sigħat kienu diversi dawk li kkummentaw dwar l-esperjenzi tagħhom. Fost dawk li spikkaw kien hemm l-esperjenza ta' tabiba fl-isptar ta' Amatrice, li ddeskriviet dan it-terremot bħala li kien vjolenti wisq. Matul il-lejl minkejja li kompliet il-ħidma ta' tiftix, għadd ta' persuni iddeċidew li jorqdu barra, waqt li ħafna oħra raqdu fiċ-ċentru sportiv.
Ilaria Maria, li toqgħod ftit bogħod minn Amatrice, meta kuntattjata minn inewsmalta dwar l-esperjenza tagħha qaltilna li jien ngħix ftit kilometri bogħod minn Amatrice. It-terremot ħassejnieh imma fiż-żona tagħna m'għamilx il-ħsarat li għamel f'Amatrice u Pescare del Tronto. Il-ħsieb jibqa' ġo moħħok. Bil-lejl ma stajtx norqod. Il-ħin kollu nippassiġġa minn naħa għal oħra". Tgħidilna li "kien hawn ħafna raqdu f'karozzi jew barra taħt is-siġar. Il-biża hi kbira".
Patrizia Santilli, tabiba fl-isptar ta' Amatrice, iddeskriviet dak li seħħ u dak li għaddiet minnu fl-aħħar sigħat. Hi qalet li "esperjenzajt għadd ta' terremoti. Imma dan kien vjolenti wisq. Jien kont xogħol. Kif ħassejt l-ewwel theżżiż qbadt streċer u f'daqqa waħda kollox beda jiċċaqlaq b'mod vjolenti. Xi partijiet mill-isptar ġarrbu ħsarat. Kien hemm pazjenti li ħarġu u marru fit-toroq jitolbu l-għajnuna. Imma dak il-ħin ma kien hemm ħadd għax it-toroq kienu mimlijin trab u ġebel minn djar li ġġarrfu. Esperjenzajt xeni drammatiċi bħal dik ta' l-omm meta rat lil binha mejjet."
"Ħriġna mill-isptar u bqajna fit-toroq" Paola Mancini ta' 79 sena kienet rikoverata fl-isptar ta' Amatrice. Hi ddikjarat li "tlaqt mill-isptar. Fl-isptar kollox beda jiċċaqlaq u jaqa'. Infermiera bdiet tgħajjat biex noħorġu niġru l-barra. Is-sodda tiegħi bdiet timxi minn naħa għall-oħra. Ħriġt fit-triq flimkien ma' 14-il pazjent ieħor anzjan. Kien terribli. Bżajna ħafna. Konna pparalizzati bit-terrur". “Nittamaw li jkollna kuraġġ nħarsu 'l quddiem” Il-kappillan f'Amatrice, D'Amelio Savino jikkummenta li "din hi traġedja kbira. Nittamaw li jkollna l-kuraġġ li nħarsu 'l quddiem."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home