Proposta biex residenti jnaddfu f'Buġibba
Fi tmiem il-ġimgħa f'Buġibba ġie organizzat il-Karnival tas-Sajf, attivitá li intlaqgħet tajjeb ħafna mill-kommunità kummerċjali. Biss għal darba oħra kien tmiem il-ġimgħa fejn f'żoni partikolari kompliet tispikka in-nuqqas ta' ndafa. F'żona fejn kien hemm il-karrijiet ipparkjati, liema żona tiġi ftit biss bogħod mil-lukanda Santana kien hemm miżbla sħiħa. Wieħed seta' jinnota li t-turisti mhux biss bdew jiġbdu ritratti tal-karrijiet imma anke ritratti ta' dawk l-iskart.
Intant quddiem dak li għaddej f'Buġibba u San Pawl il-Baħar, għadd ta' residenti minn żoni fil-periferija ta' Buġibba ikkummentaw dwar żoni fl-inħawi tagħhom li fi kliemhom stess huma 'litteralment abbandunati'. Residenti li joqgħod fl-inħawi magħrufin bħala l-Erba Mwieżen qalilna li "n-naħa tagħna tista' tgħid li hi f'abbandun. Għadd ta' ħmieġ mifrux 'l hawn u l hemm u hawn parti bil-ħamrija mimlija karti u fliexken. Hawn min se jagħti kasna?". Intant l-eks sindku ta' San Pawl il-Baħar, Mario Salerno, ma naqasx li fl-aħħar jiem jikkummenta dwar in-nuqqas ta' ndafa u ddikjara li "Buġibba hi maħmuġa". Hu ilmenta fuq nuqqas ta' knis u ppropona sistema fejn ikun hemm grupp ta' nies u jikinsu t-toroq".
Mario Salerno, meta kkummenta dwar in-nuqqas ta' ndafa qal li "ħafna mill-ilmenti f'San Pawl il-Baħar huma fuq il-knis tat-toroq. Il-lokalità għandha 47 kilometru ta' toroq residenzjali. Ħafna igergru fuq l-indafa. Lokalità sabiħa u mżewwqa b'karatteristiċi naturali mill-isbaħ imma maħmuġa u trid kinsa papali. Soluzzjoni hemm! Kinsa f'kull triq . Kif u min? Mitt persuna bl-ixkupa u kull persuna jkollu nofs kilometru x' jiknes. Residenti jkunu mistiedna biex jieħdu ħsieb jagħtu daqqa t'id u kull wieħed jiknes u jaħsel il-bankina ta' quddiem biebu . Inizjattiva li għandha tittieħed mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar b' kollaborazzjoni mal-għaqdiet kollha tal-lokalità. Imma ssir qabel jibdew l-iskejjel sabiex anke il-villeġġjaturi jagħtu daqqa t'id u jkunu kburin li taw sehemhom wara li jkun tgawda l-ambjent."
Hu kkummenta dwar kif l-indafa fil-lokalità marret lura fl-aħħar xhur. Spjega li kieku kien hemm appoġġ għal miżuri li kienu pproposti tlett snin ilu u li dwarhom saret konsultazzjoni, kieku l-lokalità mhix f'dan l-istat ta' nuqqas ta' ndafa. Fost il-proposti li hu semma' u li dwarhom saret konsultazzjoni kien hemm li l-iskart jibda jinġabar fil-għaxija, li l-kartun jinġabar erba' darbiet kuljum mill-ħwienet, li jkun hemm eks pulizija idur it-toroq u jiffaċċja lil min jabbuża fir-rimi ta' skart, laqgħat ta' kull xahar mal-lukandiera u liġijiet marbutin ma' rimi ta' fliexken u sigaretti."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home