Monday, August 22, 2016

Skart u firien f'Kemmuna

Fl-aħħar jiem anke wara pressjoni li saret minn inewsmalta.com, ittieħdet azzjoni fuq il-kwistjoni tal-umbrelel f'Kemmuna fejn sa minn kmieni filgħodu ix-xatt kien qed jittieħed minn umbrelel li jitpoġġew hemm għal min iħallas. Kienu ħafna dawk li tkellmu b'mod pożittiv dwar din id-deċiżjoni, li iżda għal għawwiema li jmorru regolament hemm żgur li mhix biżżejjed fejn jidħol l-infurzar li hemm bżonn f'Kemmuna.

Persuni li huma midħla tal-post meta tkellmu ma' inewsmalta.com spjegawnla fuq il-fatt li f'Kemmuna qed jaraw li qed ikun hemm żoni li qed jitħallew mandra sħiħa b'kull tip ta' skart ibda minn fliexken u reċipjenti tal-ikel. 


"Hemm diversi reċipjenti fejn tarmi iżda għal xi raġuni tibqa' ssib diversi li jarmu fil-blat u f'żoni oħra mwarrbin. Konna hemm fl-aħħar jiem u stajna naraw skart u fdal tal-ikel mormi. Naħseb li żgur li fejn tidħol l-indafa hemm bżonn aktar infurzar," qalilna l-istess persuna.


Intant minkejja l-ammont ta' reċipjenti ta' skart li hemm fil-post, sa tard waranofsinhar u filgħaxija dawn jispiċċaw mimlijin. Ir-riżultat ikun li wara li d-dgħajjes jieħdu lura lejn iċ-Ċirkewwa lil dawk li jkunu marru jgawdu l-baħar tal-Blue Lagoon, il-post jispiċċa impestat mill-ġrieden.


Ta' min jgħid li l-ġrieden f'Kemmuna illum qed jheddu serjament il-ħajja ta' għasafar tal-baħar li jbejtu hemm, bħall-garni. Għasfur li jbid bajda waħda f'sena u qed ikun hemm każijiet fejn l-istess bajd jittiekel mill-ġrieden, kif jidher fil-filmat. 

X'soluzzjoni hemm? Waħda mis-soluzzjonijiet hi dik li min imur fuq Kemmuna joħloq skart mill-inqas u li dak li joħloq jieħdu miegħu lura lejn daru u jiddisponi minnu hemm. Dan hu l-messaġġ li kien ħareġ minn filmat li ġie prodott bħala parti mill-proġett EU Life Malta Sea Bird Project. 


F'dan il-proġett, Ben Metzger u Steve R. Williams kienu ffilmjaw dak li jiġri fuq din il-gżira. Ma naqsux li jiffilmjaw il-firien ifittxu l-ikel qalb l-iskart u saħansitra far jipprova jiekol bajda ta' garnija.

Il-filmat iħeġġeġ biex min imur Kemmuna ma jagħtix ikla faċli lill-firien.


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home