"Kbirna, inbdilna...kif iltqajna ma' Bjorn qed napprezzaw aktar il-valur tal-ħajja"
Min jaf kemm minnkom dan is-sajf iddeċidejtu li tnaqqsu r-ritmu biex tqattgħu il-jiem sajfin f'ambjent aktar kajman. L-istess kien qed jippjana li jagħmel George Busuttil mill-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl u anke Bjorn Formosa - il-persuna li tbati mill-marda tal-ALS li sa issa għad m'hawnx kura għaliha. Imma grupp ta' residenti fil-faċilità korrettiva ta' Kordin ħasbuha differenti, u ma' dan il-ħsieb George u Bjorn flimkien ma' 10 residenti fil-faċilità intefgħu f'ħidma biex jorganizzaw kunċert nazzjonali bl-għan li jinġabu fondi biex imorru għar-riċerka marbuta mal-kura tal-ALS.
L-ORIZZONT iltaqa' ma' wieħed minn dawn il-priġunieri li tista' tgħid li hu wieħed mill-imħuħ wara dan il-kunċert. Nistaqsuh dwar id-diversi drabi li ltaqgħu ma' Bjorn fil-ħabs. Fi kliemu stess, ħajjithom inbidlet meta iltaqgħu miegħu. 'Kbirna. Inbdilna. Il-mod kif aħna nitkellmu bejnietna fuq il-ħajja sar kompletament differenti. Illum qed inħarsu b'mod differenti ħafna lejn il-valur tal-ħajja. Aħna inqasna u ta' dan qed inpattu għalih. Imma dan iż-żagħżugħ kien b'saħħtu. Bħal sajjetta fil-bnazzi ġiet din il-marda fuqu. Għaġġibna bl-energija li għandu. Jaf li hemm bżonn fondi biex finalment tinstab kura fejn hu jemmen li fi żmien tmien snin din il-kura tkun ġiet żviluppata. Jaf ukoll imma u jgħidha ċara li sa dakinhar hu ma jkunx għadu magħna. Bħala residenti naħseb li mindu ltqajna ma' Bjorn sirna nagħdru u nifhmu aktar. Issa aktar determinati li nagħmlu xi ħaġa nazzjonali mhux għalina imma għal ħaddieħor".
Nistaqsu lir-resident fil-faċilità korrettiva li tkellem magħna dwar x'kienet ir-reazzjoni ta' Bjorn Formosa meta dan ġie kkuntattjat dwar din l-inizjattiva nazzjonali ta' ġbir. "Meta ċempiltu u għedtlu bil-ħsieb tagħna ħasibha li hi ċajta. Qisu ħa qatgħa għax kien qed jippjana li jagħmel sajf rilassat. Imma kif induna li qed nitkellmu bis-serjetà daħal b'enerġija kbira għal din l-inizjattiva", qalilna r-resident.
Minn naħa tiegħu George Busuttil mill-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl qaliln li "kellu raġun Bjorn jieħu qatgħa. Minn dakinhar 'l hawn għadna ma waqafniex. Nista' ngħidlek li 10 residenti tal-faċilità ħadmu fuq l-organizazzjoni u biex jinġabu l-isponsors. Dawn sabu l-koperazzjoni kollha mid-Direttur tal-Ħabs preżenti, tant li dan tahom board room biex ikunu jistgħu jaħdmu bla xkiel minnha". Il-laqgħat mal-kantanti li se jieħdu sehem u mal-isponsors kollha saru fil-faċilità korrettiva ta' Kordin. Ir-resident qalilna li "ħdimna fuq li ħdimna biex nagħmlu xi ħaġa għal ħaddieħor. Kull kantant li kellimna aċċetta li jkun parti minn dan il-kunċert li se jsir nhar is-Sibt 27 ta' Awwissu. B'kollox irnexxielna nġibu xejn inqas minn 50 sponsor. Nikkalkulaw li biex isir kunċert bħal dan kien se jkun hemm bżonn madwar €60,000. Il-flus li se jinġabru se jmorru għar-riċerka dwar il-marda tan-neuro degenerative disease (ALS).
Fil-kunċert se jieħdu sehem għadd ta' kantanti stabbiliti fosthom Mary Spiteri, Chiara u Mike Spiteri. Fil-kunċert se jkun hemm banda mmexxija mis-surmast Joe Brown b'għaxar elementi u b'kantanti li se jkantaw anke dwetti. Il-kunċert se jkun bla ħlas biss min irid jista' jixtri biljett ta' €5 u jkun qed jieħu sehem f'lotterija b'diversi premjijiet sostanzjali. Bjorn Formosa twieled fl-1986 il-Pietà. Hu speċjalizza fil-qasam tal-kummerċ u l-informatika fejn ħadem bosta xogħlijiet f’dan is-settur biex imbagħad kompla l-karriera tiegħu jaħdem għal rasu fis-settur tal-Gaming. Fil-bidu tal-2015 beda jħoss l-ewwel sintomi tal-marda neuro-deġenerattiva tal-Amyotrophic Lateral Sclerosis (ALS), u f’Awwissu tal-istess sena ġiet ikkonfermata d-dijanjożi tal-istes marda li għandha pronjożi medja ta’ bejn tlieta u ħames snin f’90% tal-inċidenza tal-każijiet. Minn dakinhar stess, Bjorn beda jaħdem bla waqfien biex joffri kwalità ta’ ħajja aħjar lil dawk kollha milqutin mill-marda, jqajjem għarfien ikbar dwar din il-kundizzjoni u jinċentiva r-riċerka biex tinstab kura għal din il-marda.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home