Wednesday, August 17, 2016

"Abbużi orribbli"...rakkontati minn migranti Afrikani

Ħarbet fil-ħsieb li mil-Libja tivvjaġġa lejn l-Ewropa. Inħatfet mill-grupp ta' militanti ta' l-Istat Iżlamiku. Spiċċat fi skjavitu. Riduha tikkonverti mir-reliġjon nisranija għal dik musulmana biex tikseb il-libertà. 

Għamlet dan imma mhux talli ma ħaditx il-libertà talli spiċċat bil-forza ma' raġel. Is-swat, theddid u stupri kienu l-ordni tal-ġurnata.
Din hi l-istorja ta' Amal mill-Eritrea, liema esperjenza ġiet rakkontata f'rapport li nħareġ minn Amnesty International biex juri f'liema sitwazzjoni xokkanti jinsabu fiha persuni Afrikani li jkunu qed jivvjaġġaw lejn l-Ewropa.  Ir-rapport qed iħeġġeġ liċ-ċittadini minn madwar id-dinja biex jibagħtu messaġġi lill-awtoritajiet Libjani biex jieqfu dawn l-abbużi fuq migranti fil-Libja.

Ir-rapport jibda bl-esperjenza ta' Amal ta' 21 sena mill-Eritrea. Hi  ħarbet mill-Eritrea u vvjaġġat lejn is-Sudan. Dan sar wara li ommha spiċċat il-ħabs. Hi riedet taħrab minn servizz militari sfurzat, xi ħaġa li kienet se żżommha milli tidħol fl-università. Kienet se tispiċċa tagħmel sena u nofs ma tarax lill-familja tagħha. Biss waqt il-vjaġġ tagħha lejn l-Ewropa, hi kienet sfurzata tkun skjava għas-sess u dan wara li inħatfet ħdejn Benghażi fil-Libja minn grupp armat li jappartjeni lill-Istat Iżlamiku (ISIS).


Hi ddikjarat li "membri tal-Istat Iżlamiku qabduna fl-aħħar ta' Awwissu tas-sena li għaddiet.  
Isseparawna.  L-insara għalihom u l-musulmani għalihom.  Poġġewna f'żewġ karozzi u ħaduna lejn Tripli. Poġġewna b'binja kbira qisha palazz. Kienu jżommuna taħt l-art fejn ma konniex naraw xemx u domna hemm għal disa' xhur sħaħ. Kienu qalulna li se jtuna l-libertà jekk nikkonvertu għar-reliġjon Iżlamika. Wara li kkonvertejna qalulna li kienu se jagħmluna skjavi tagħhom".

Tkompli tgħid "konna msawwtin għal tlett xhur. Kienu jsawwtuna b'idejhom u ġieli b'pajpijiet. Kemm il-darba heddewna b'armi u li se jqattgħuna bis-skieken. Kienu jqisuna li aħna n-nisa tagħhom  u kienu jisfurzaw ruħhom fuqna. Għamilna erba' xhur f'din is-sitwazzjoni. Fi Frar ta' din is-sena firduna u poġġew raġel ma kull mara. Jien kont ma' raġel li kont narah biss filgħaxija. Ikel kważi xejn.  Wara ġimgħa, jien irnexxieli insib iċ-ċavetta ta' fejn kont imsakkra u ħrabt.  Sibt li kont ninsab f'Sirte".
Wara hi irnexxielha taqbad dgħajsa lejn l-Ewropa u fil-bidu ta' Mejju ġiet salvata u ddaħħlet f'Taranto l-Italja.

Ir-rapport imxandar minn Amnesty International, liema rapport fih żewġ esperjenzi xokkanti ta' migranti, jgħid li l-abbuż sesswali fuq refuġjati li jkunu qed jivvjaġġaw fil-Libja  hu wieħed kbir tant li nisa Afrikani  qalu li jieħdu kontraċettivi magħhom minħabba li jafu li hemm riskju kbir li jkunu stuprati.

Minn naħa tiegħu Abdulrahman, li għandu 23 sena kien jaħdem ta' mekanik. Hu telaq mill-Eritrea għax ma riedx jinqabad fis-servizz militari. Għamel seba' xhur is-Sudan. Wasal il-Libja f'Ġunju tas-sena li għaddiet u t-traffikanti għaddewh lil klikka kriminali fejn dawn żammew maqful sakemm familtu tħallas rahan għalih.

Fl-esperjenza li hu rrakkonta lil Amnesty International hu qal li "waqfuna f'dar f'Ajdabiya. Ġiegħluna nikkuntattjaw lil qraba tagħna biex iħallsu flus biex ninħelsu. Kien hemm raġel Etjopjan li kien  jgħasses fuqna u jekk jiġri xi ħaġa kienu jiġu il-Libjani u jsawwtuna. Fid-dar kien hemm xejn inqas minn 250 persuna. Konna norqdu mal-art, b'nisa u irġiel fl-istess kamra. Kienu jdumu hemm sakemm jaslu l-flus. Jien domt ġimgħa."

Hu jgħid li qabel għamel it-tentattiv biex jaqsam għall-Ewropa f'Jannar ta' din is-sena, hu kien sfurzat jaħdem għat-traffikanti biex iħallas għall-vjaġġ. 

Itenni li "d-dgħajsa tagħna telqet minn Sabratha f'Jannar. Kien dinghi li jesa' madwar 50 persuna fuqu iżda huma poġġew xejn inqas minn 120 persuna. Wara sagħtejn baħar, ġiet dgħajsa Libjana u dawn ħaduna lura lejn ix-xatt".

"Sawwtuna sakemm saru jafu min kien il-kaptan. Kien hemm raġel li sparawlu f'saqajh. Kien l-aħħar raġel li niżel mid-dgħajsa. Staqsewh  fejn hu l-kaptan u hu qal li ma jafx. F'dan il-ħin sparawlu. Ħaduna f'ħabs f'Al Zawiya, fejn jien għamel hemm xahar."

Abdurrahman jgħid li "ikel ftit li xejn kienu jtuna u kienu jsawwtuna kuljum. Kien ħabs kbir fejn konna nkunu bejn 30 u 40 persuna f'kamra. Tojlit kien hemm wieħed biss.  Tobba u trattament mediku ma kinux jeżistu. Kien hemm ħafna li mardu bl-iskabbja. Eventwalment it-traffikanti innegozjaw mal-gwardji tal-ħabs u rnexxielna noħorġu. Reġgħu ħaduna fil-post fejn konna qabel. Kien hemm tnejn li mietu f'din il-binja bil-ġuħ. Fil-15 ta' Marzu  irnexxieli nerġa' naqbad id-dgħajsa. Domna tlett sigħat fuq il-baħar sakemm finalment ġejna salvati minn bastiment Ġermaniż."


Ir-rapport pubblikat minn Amnesty International  jiddeskrivi ċ-ċentri ta' detenzjoni fil-Libja bħala 'd-dungeons' moderni. Jiddikjaraw li dawn qed jitmexxew mill-Ministeru tal-Intern  u għalhekk dawn l-abbużi li qed jinstemgħu saru f'faċilitajiet li huma taħt il-kontroll ta' l-awtoritajiet Libjani. Ir-rapport ta' Amnesty International jgħid li meta l-immigranti ma jkunux qed isofru fiċ-ċentri ta' detenzjoni, ikunu qed jiġu abbużati, stuprati u maqtulin minn klikek kriminali.

Ir-rapport jiddeskrivi s-sitwazzjoni bħala 'xokkanti' u jħeġġeġ lil pubbliku inġenerali biex jibgħat messaġġi diretti lill-awtoritajiet Libjani biex jieqfu dawn l-abbużi.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home