Wednesday, August 17, 2016

"Ma nistgħux ngħidu li kuntenti bil-livell ta' ndafa f'Buġibba"
       - il-Ministeru għat-Turiżmu

Quddiem is-sitwazzjoni li jinsabu fiha żoni f'Buġibba f'dik li hi nuqqas kbir ta' indafa fejn fl-aħħar jiem kompliet tippersisti sitwazzjoni ta' skart li jagħmel sigħat sħiħ jostakola bankini u żoni oħra, il-Ministeru għat-Turiżmu f'kummenti lil L-ORIZZONT għamilha ċara li "ma nistgħux ngħidu li kuntenti bil-livell ta' indafa f'Buġibba".


Fl-aħħar jiem L-ORIZZONT xandar għadd ta' rapporti dwar in-nuqqas kbir ta' indafa li hemm f'din il-lokalià. Żorna diversi żoni u stajna naraw b'għajnejna skart li jkun inħareġ wara nofsinhar u li sa filgħodu ta' l-għada jkunu għadu hemm u dan minħabba li jkun inħareġ wara li jgħaddi s-servizz tal-ġbir tal-iskart.  Turisti, lukandieri u sidien ta' ristoranti lmentaw magħna dwar in-nuqqas ta' ndafa, fejn xi wħud sostnew li żoni f'Buġibba qatt ma kienu f'dan l-istat ta' nuqqas ta' indafa.  Bil-Gvern jgħid li għal diversi żoni prominenti fosthom matul ix-xatt qed joffri servizz ta' ġbir, il-kunsill qed jgħid li m'għandux riżorsi biżżejjed għall-infurzar f'żoni oħra.


Il-Ministeru għat-Turiżmu meta mistoqsi minn L-ORIZZONT dwar in-nuqqas ta' ndafa f'żoni f'Buġibba qalilna li "l-Ministeru għat-Turiżmu hu konxju li s-sitwazzjoni tal-ġbir tal-skart fiż-żoni turistiċi hija waħda li għandha tingħata attenzjoni partikolari.  Nafu, mil-laqgħat li jkollna mal-imsieħba fis-settur kif ukoll mill-komunikazzjoni min-nies tal-lokalitajiet, illi f’ċerti żoni, kif ukoll f’ċerti żminijiet dawn is-sitwazzjonijiet joħolqu numru ta’ inkonvenjenti.  Il-pressjoni fuq l-infrastruttura tiżdied fiż-żminijiet tas-sajf meta in-numru ta’ turisti jkun fl-aqwa tiegħu."
Il-Ministeru kompla jgħid li "Buġibba u San Pawl huma żoni turistiċi illi jilqgħu fi ħdanhom numru sostanzjali ta’ viżitaturi.  Fiż-żoni hemm numru sostanzjali ta’ stabilimenti turistiċi li peress li jattiraw nies lejhom iżidu mal-ġenerazzjoni tal-skart.  Allura iva f’dan iż-żmien il-problema tiżdied.  Iżda wieħed irid iżomm f’moħħu ukoll illi dawn iż-żoni huma ukoll żoni ta’ villeġġjatura għal numru mdaqqas ta’ familji Maltin u allura anke dawn joħolqu pressjoni fuq l-infrastruttura f’dawn iż-żminijiet."


Jenfassizza li "l-Ministeru ma jistax jgħid li huwa sodisfatt bir-riżultati milħuqa.  Irridu nirikonoxxu illi sar ħafna xogħol mill-Kunsilli Lokali u mill-gvern ċentrali sabiex intejbu s-sitwazzjoni imma xorta baqa’ ħafna xi jsir. Dan huwa rifless kemm mill-kummenti fil-midja kif ukoll mill-kummenti li jaslu għand il-Ministeru jew l-entitajiet ta’ taħtu.
Fil-preżent immedjat wieħed irid jara illi min hu responsabbli mill-ġbir tal-skart jagħmel dan f’ħinijiet illi jaqblu mad-domanda li qed tinħoloq filwaqt illi l-Kunsilli Lokali, illi għandhom r-responsabbilità tal-ġbir tal-skart, ikollhom biżżejjed fondi u għodda sabiex iwettqu dan.  Wieħed ma jistax ma jsemmix illi l-gvern, grazzi għad-direttorat tat-tindif li jaqa’ taħt il-Ministeru tat-Trasport u Infrastruttura jagħmel ħafna xogħol sabiex żoni frekwentati mit-turisti, bħal ma huma l-promenades, isir tindif addizzjonali kif ukoll ħasil tat-toroq u bankini.  Madankollu irridu naħsbu ukoll fuq pjan aktar ħolistiku u fit-tul sabiex din ċerti sitwazzjonijiet jiġu indirizzati qabel ma jeskalaw.  Bħalissa l-gvern qed janalizza numru ta’ ideat sabiex jara liema triq għandha tittiħed f’dan ir-rigward."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home